Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm call for applications sabiex jiġu impjegati nies minn redeployment li kien għaddej fi ħdan l-istrutturi tal-gvern fil-ministeru, id-dekasteru jew enti tiegħu bejn Ottubru 2005 sal-lum? Jista' jgħid x'karigi kien hemm vakanti, kif ġew mgħażula l-applikanti, jekk hux b'eżami, fuq bażi ta' kwalifiki jew b'interview? F'każ li saru interviews, jista' jgħid jekk il-membri ta' l-interviewing board kienx mgħamul minn nies mill-istess ministeru/dekasteru u jekk fl-affermattiv, xi skala kienu dawk li tpoġġew f'dawn il-bordijiet ta' l-intervisti?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat illi minn Ottubru 2005 sal-lum, ma kien hemm ebda call for applications sabiex jiġu mpjegati nies minn redeployment fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, id-dekasteru jew enti li jaqgħu taħtu.
Jista' il-Ministru jgħid kemm siefru uffiċjali tal-gvern fi skala 14, 15 jew 16 fuq xogħol tal-gvern matul l-2005 u l-2006 sal-lum separtament? Jista' jgħid kemm qamet flus kull safra, kemm damet iljieli, x'kienet id-destinazzjoni, xi skala kienu l-uffiċjali u x'kienet ir-raġuni tas-safra separatament?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat illi fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura matul is-snin 2005 u 2006 sal-lum ma kien hemm ebda uffiċċjal tal-Gvern fi skala 14, 15 jew 16 li siefru fuq xogħol tal-Gvern.
Jista' il-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li tiġi restawrata l-barrakka fejn jingħataw il-premjijiet tat-tiġrija fit-Telgħa tas-Saqqajja fir-Rabat, Malta? Jirriżultalu li dan il-bini qiegħed fi stat ħażin u ta' periklu għall-vetturi li jgħaddu ta' kuljum mis-Saqqajja? Hemm ħsieb li jsir l-istess fuq il-funtana li qiegħda f'nofs it-Telgħa tas-Saqqajja li tagħti dehra kerha lil dan il-post li minnu jgħaddu eluf ta' Maltin u barranin kuljum?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li x-xogħol ta' restawr fuq il-Barrakka msemmija ser jiddaħħal fil-programmi ta' xogħlijiet għas-sena d-dieħla..
Rigward il-funtana, jien infurmat illi kienu saru studji preliminari, pero' x-xogħlijiet ta' restawr ma sarux minħabba prijoritajiet oħra. S'issa dawn ix-xogħlijiet m'humiex inklużi fil-programm tax-xoghol tat-Taqsima tar-Restawr.
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal l-istudju msemmi f'mistoqsija parlamentari 19766 biex jindirizza l-problema ta' l-għargħar fil-Gżira?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-istudju msemmi f’Mistoqsija Parlamentari Numru 19766 tlesta', u issa qed jitfasslu l-pjanti neċessarji biex isiru l-permessi meħtieġa u jitfasslu t-tenders biex ix-xogħol meħtieġ ikun jista’ jinbeda.
Jista' jiġi vverifikat x'qiegħed iwassal biex jitbattlu l-ispieri ta' l-ilma tant essenzjali għall-bdiewa u r-raħħala ta' Wied Musa, fil-limiti tal-Mellieħa, u jekk hemmx min qed jabbuża u jiġbed ilma li s-soltu jinġabar fl-ispieri?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Riżorsi qiegħda tinvestiga dawn l-ilmenti. Iżjed dettalji jingħataw f’xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-ministeru, dipartimenti jew enti li jaqgħu taħtu għandhomx xi tip ta' proprjeta' li mhijiex qiegħda tintuża għal xi raġuni? F'każ li fl-affermattiv, jista' jgħid x'inhi r-raġuni li din il-proprjeta' mhijiex tintuża u fejn tinsab?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-proprjeta’ li mhijiex qed tintuża mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura u l-enti li jaqgħu taħtu huma kif jidhru hawn taħt:-
1. proprjeta’ li tinsab fil-Qasam Industrijali, Marsa, preċiżament A11, Qasam Industrijali Marsa. Din il-proprjeta’ kienet tintuża mill-Ex Distrett 11-12 tat-Taqsima tax-Xogħlijiet;
2. proprjeta’ fi Crown Works Ditch, Floriana li sa ftit ilu kienet tintuża mill-Ex Distrett 1 tat-Taqsima tax-Xogħlijiet u li kellha tiġi vakata minħabba l-Proġett tal-Park and Ride.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-ministeru għandux proprjeta' mikrija għal xi tip ta' użu, kemm għal ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħtu, kemm qiegħda titħallas kera fix-xahar minn fondi pubbliċi għal kull proprjeta' separatament? Jista' jgħid fejn jinsabu dawn il-proprjeta' mikrija separatament?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-proprjeta’ mikrija mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttuta hija kif tidher hawn taħt:-
Tip ta’ Użu
Kera
fix-Xahar
Lm
Lokalita’
Spazju ta’ żewġ
garages
li jintużaw bħala
stores/workshops
136.87
Burmarrad
Spazju għall-uffiċini ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Riżorsi
2,398.00
Marsa
Il-kirja taż-żewġ garaxxijiet f’Burmarrad hija ta’ Lm 273.75 fix-xahar. Dan l-ammont jinqasam nofs b’nofs mal-Kunsill Lokali ta’ San Paw il-Baħar. Il-kirja ta’ l-uffiċini ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Riżorsi hija skond kuntratt li sar fid-29 ta’ Jannar 2003.
Jista' il-Ministru jgħid fir-rigward tal-ħaddiema tal-gvern, kemm jekk professjonisti u kemm jekk mhux: a) kemm hemm minn dawn il-ħaddiema li jaħdmu abbażi ta' kuntratt definit mal-gvern fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu u min huma? b) kemm minn dawn il-ħaddiema tal-gvern fi ħdan l-istess dekasteru ilhom jaħdmu fuq din il-bażi għal aktar minn erbgħa snin? min huma dawn il-ħaddiema tal-gvern u f'liema dipartiment, sezzjoni, eċċ jaħdmu? xi grad ta' xogħol, kariga jew professjoni jaħdmu; u skond liema scale qegħdin jitħallsu u min huma dawk li għandhom grad sostantiv u min huma dawk li m'għandhomx;? c) ipoġġi fuq il-medja tal-Kamra kampjun ta' kull tip ta' kuntratt definit illi bih il-gvern impjega lil dawn il-ħaddiema fuq bażi definita fis-snin 2000-2006?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qiegħda tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
B'riferenza għal dak li wieġeb il-Ministru għall-mistoqsija parlamentari 19425, jista' jgħid x'tip ta' soluzzjoni fasslet id-diviżjoni tax-xogħlijiet biex is-sukkursu fis-Salina jerġa' jibda jaħdem kif kien jaħdem oriġinarjament? Jista' iqiegħed pjanta tax-xogħol propost fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat illi biex isir dan ix-xogħol sejrin jiġu nstallati elementi ta’
precast concrete
taħt il-livell tal-baħar. Dan maħsub li jerġa’ jistabilixxi ċ-ċirkolazzjoni bejn il-fergħa tas-Sukkursu ma’ dik tan-naħa tal-Qawra. Dawn il-
precast elements
jippermettu li ninzlu l-isfel mit-triq u mill-pedimenti tas-Salini mingħajr ma ssir ħsara lil dawn l-istrutturi. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta’ pjanti tax-xogħol kif inhu propost.
Jista' il-Ministru jinformana u cioe' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra r-rapporti ta' l-esperti li ddikjaraw li s-sistema tal-gabione (li ntużat f'Wied il-Qlejgħa) mhux tajba biex tintuża fuq il-proġett tal-Wied ta' Burmarrad?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Minstru jgħid x'inhu d-daqs ta' l-area ta' ħamrija li se tiġi displaced sabiex isir il-proġett ta' kanal ġdid għall-ilma tax-xita minn Burmarrad sas-Salini?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jiena nfurmat illi l-area ta’ ħamrija li ser tiġi maqlugħa minn Burmarrad sas-Salini sabiex isir il-proġett ta’ kanal ġdid hija madwar 17,900m2.
Siġġiewi — Sqaq quddiem iċ-ċimiterju ta' San Teodoro
Question
Jista' il-Ministru jikkonferma jekk l-isqaq wara l-istatwa li hemm quddiem iċ-ċimiterju ta' San Teodoro fl-area "tal-becciun" l/o Siġġiewi fuq survey sheet numru 115 datat 1902 li jinsab fid-dipartiment tal-bini u inġinerija fit-taqsima tax-xogħlijiet huwiex sqaq privat?
Jista' jikkonferma li fi pjanti aktar antiki dawk ta' l-1867 ta' descriptive plans of the crown property in Malta, l-istess proprjeta' hija proprjeta' privata?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Filwaqt li nifraħ għax-xogħol ta' illuminazzjoni ta' l-Akwedott fi Fleur-de-Lys, Birkirkara, nista' nitlob lill-Ministru jara li t-toroq fejn kienu qed jaħdmu l-ħaddiema jitnaddfu sew speċjalment l-imbarazz li ntefa' fi Triq il-Passju?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat illi t-tindif meħtieġ fit-triq imsemmija tlesta'.
Jista' il-Ministru jgħid x'tip huma l-karozzi uffiċjali tiegħu ? Dawn il-karozzi nkrew jew inxtraw, u jekk inxtraw meta nxtraw u kemm tħallsu flus għalihom?
X'inhu n-numru uffiċjali u n-numru tar-reġistrazzjoni tal-karozzi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-karozza uffiċjali li nagħmel użu minnha jien hija BMW 528 Saloon, tas-sena 1999. Din il-karozza nxtrat fil-5 ta’ Marzu 1999 għall-prezz ta’ Lm 11,600.
B’riferenza għat-tieni parti tal-mistoqsija, l-Onor. Interpellant huwa mitlub jindika x’relevanza għandha dil-parti tal-mistoqsija.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol fil-wied ta' Ħ'Attard? Jista' jgħid fiex se jkun jikkonsisti dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li x-xogħol f'Wied Irmiedi, Ħ'Attard hu maħsub li jitkompla matul dan is-sajf.
Dan ix-xgħol ser jikkonsisti f'manutenzjoni ta' reċenzjonijiet u taħmil ta' materjal li kien depożitat fix-xhur tax-xitwa.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża għall-kiri ta' karozzi matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena, mill-Ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għas-snin 2004 u 2005 separatament?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat illi l-ispiża għall-kiri ta’ karozzi matul l-ewwel erba’ xhur tas-snin 2004, 2005 u 2006 mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, kienet kif tidher hawn taħt:-
2004 Spiża (Lm)
Ministeru għar-Rizorsi u l-Infrastruttura 2,152.78
Dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru 12,087.96
Kunsill Konsultattiv dwar l-Industrija tal-Bini 352.54
Awtorita' ta' Malta dwar ir-Riżorsi 2,412.00
Total 17,005.28
2005
Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura 3,726.48
Dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru 8,987.18
Kunsill Konsultattiv dwar l-Industrija tal-Bini 458.00
Awtorita' ta' Malta dwar ir-Riżorsi 2,453.00
Total 15,624.66
2006
Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura 3,462.70
Dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru 9,470.62
Kunsill Konsultattiv dwar l-Industrija tal-Bini 460.00
Awtorita' ta' Malta dwar ir-Riżorsi 2,409.00
Total 15,802.32