Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ta' Qali Crafts Village

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta u għaliex tneħħew il-full-timers li kienu assenjati sabiex inaddfu l-area ta' Ta' Qali Crafts Village?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħamel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ta' Qali — Crafts Village

Question

Peress li l-proġett tal-Crafts Village f'Ta' Qali ilu jingħad li se jibda, fosthom f'Jannar tas-sena 2000, meta l-Kabinett approva l-proġett u meta l-aħħar wegħda kienet li x-xogħol kellu jibda f'Mejju/Ġunju 2004, jista' il-Ministru jgħid x'sar minn dan il-proġett imwiegħed għal kważi 20 sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li bħalissa qed jiġu ppreparati s-sejħiet għall-iżvilupp mill-Ministeru responsabbli mill-Iżvilupp Urban u Toroq.

Kiri ta' deckchairs u umbrelel

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk persuna li qiegħda teżerċita negozju li jikkonsisti fil-kiri ta' deckchairs u umbrelel fejn il-baħar, din għandhiex bżonn ta' permess mill-awtorita' tat-turiżmu u mil-kummissarju ta' l-artijiet? Il-liċenzja tat-Trade hija biżżejjed għal eżerċitar ta' dan in-negozju?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-liċenzja kummerċjali tagħti dritt lill-liċenzjat jeżerċita' l-professjoni jew l-attivita' kummerċjali tiegħu bla preġudizzju għal xi regolamenti oħra fir-responsabbilita' ta' xi awtorita' oħra kompetenti. Fil-każ imsemmi mill-Onor. Interpellant, il-konċessjoni fuq l-art pubblika titlob l-awtoriżazzjoni tad-Dipartiment ta' l-artijiet. Fil-każ li l-attivita' msemmija għandha konnessjoni mat-Turiżmu, l-Awtorita' tat-Turiżmu tista wkoll tistabilixxi regoli dwar kif din l-attivita' tiġi ġustifikata.

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Call for applications

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm call for applications sabiex jiġu mpjegati nies minn redeployment li kien għaddej fi ħdan l-istrutturi tal-gvern fil-ministeru, id-dekasteru jew enti tiegħu bejn Ottubru 2005 sal-lum? Jista' jgħid x'karigi kien hemm vakanti, kif ġew magħżula l-applikanti, jekk hux b'eżami, fuq bażi ta' kwalifiki jew b'interview? F'każ li saru interviews, jista' jgħid jekk il-membri ta' l-interviewing board kienx magħmul minn nies mill-istess ministeru/dekasteru u f'każ li fl-affermattiv, xi skala kienu dawk li tpoġġew f'dawn il-bordijiet ta' l-intervisti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal redeployment ta' mpjegati fi ħdan il-Ministeru għall-Kompetittivita' u Kommunikazzjoni jien infurmat li ma kien hemm l-ebda redeployment.

Safar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm siefru uffiċjali tal-gvern fi skala 14, 15 jew 16 fuq xogħol tal-gvern matul l-2005 u minn Jannar 2006 sal-lum separatament? Jista' jgħid kemm qamet flus kull safra, kemm damet iljieli, x'kienet id-destinazzjoni, xi skala kienu l-uffiċjali u x'kienet ir-raġuni tas-safra separatament?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Safar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm qamet kull safra (spejjeż kollha inklużi) li saret matul l-2005 u minn Jannar 2006 sal-lum fejn kien involut il-Ministru separatament safra b'safra, meta sar dan is-safar, kemm damu ljieli, fejn kienet id-destinazzjoni, min kienu l-uffiċjali li akkumpanjaw lill-Ministru u x'kariga għandhom? Jista' jgħid ta' kemm stilel kienu l-lukandi li marru fihom f'kull safra separatament?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. L-ispiża ta' l-aħħar ħames delegazzjonijiet għadha mhix maħduma u għalhekk tkun tista tingħata aktar l'quddiem.

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Vetturi tal-gvern

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm qamet flus il-manutenzjoni kollha tal-vetturi tal-gvern ta' l-uffiċjali fi skala 4 sa skala 1 fil-ministeru, id-dekasteru u l-enti tiegħu, vettura b'vettura separatament bejn Ottubru 2005 sa Diċembru 2005 u minn Jannar 2006 sal-lum?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Proprjeta'

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-ministeru, dipartimenti jew enti li jaqgħu taħtu għandhomx xi tip ta' proprjeta' li mhix qiegħda tintuża għal xi raġuni? F'każ li fl-affermattiv, jista' jgħid x'inhi r-raġuni li din il-proprjeta' mhix tintuża u fejn tinsab?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li dan il-Ministeru kif ukoll id-Dipartimenti u l-Enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, m'għandhom l-ebda tip ta' propjeta' li mhix qiegħda tintuża.

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Proprjeta'

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-ministeru għandux proprjeta' mikrija għal xi tip ta' użu, kemm għal ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħtu, kemm qiegħda titħallas kera fix-xahar minn fondi pubbliċi għal kull proprjeta' separatament? Jista' jgħid fejn jinsabu dawn il-proprjetajiet mikrija separatament?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Ħaddiema tas-servizz pubbliku

Question

Jista' il-Ministru jgħid fir-rigward tal-ħaddiema tal-gvern, kemm jekk professjonisti u kemm jekk mhux: a) kemm hemm minn dawn il-ħaddiema li jaħdmu abbażi ta' kuntratt definit mal-gvern fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu u min huma? b) kemm minn dawn il-ħaddiema tal-gvern fi ħdan l-istess dekasteru ilhom jaħdmu fuq din il-bażi għal aktar minn erbgħa snin? min huma dawn il-ħaddiema tal-gvern u f'liema dipartiment, sezzjoni, eċċ jaħdmu? xi grad ta' xogħol, kariga jew professjoni jaħdmu; u skond liema scale qegħdin jitħallsu u min huma dawk li għandhom grad sostantiv u min huma dawk li m'għandhomx;? c) ipoġġi fuq il-medja tal-Kamra kampjun ta' kull tip ta' kuntratt definit illi bih il-gvern impjega lil dawn il-ħaddiema fuq bażi definita fis-snin 2000-2006?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba qedgħa tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

Moll ta' l-Imġarr — Fondi Kummerċjali

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk dawk il-persuni li kellhom mikrija għandhom mingħand il-gvern fond kummerċjali fuq il-moll ta' l-Imġarr, Għawdex u li issa spiċċaw b'xejn minħabba l-iżvilupp li qiegħed isir fil-port ta' l-Imġarr, humiex sejrin jingħataw fond alternattiv fl-istess Imġarr meta l-iżvilupp jitlesta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba mgħotija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 18329.

Port il-Kbir

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-ftehim li sar bejn il-gvern u l-kumpannija li ħadet it-tmexxija tal-Port il-Kbir riċentement?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nħoss li f'dan l-istadju għadu mhux opportun li dan il-ftehim jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Mellieħa — Bejjiegħa tal-Ħaxix

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19079 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u Intern u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kemm hemm bejjiegħa tal-ħaxix bit-trakk bil-permessi meħtieġa biex ibigħu fit-triq ewlenija ta' l-Għadira, Mellieħa? F'liema postijiet huma awtorizzati li jbigħu minnhom?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-diviżjoni tal-Kummerċ toħroġ liċenzji ta' street hawkers lil dawk l-individwi li japplikaw għal din it-tip ta' liċenzja. Id-Diviżjoni iżda, ma torbot qatt lil bejjiegħ, sabiex jiġġestixxi l-attivita' kummerċjali tiegħu minn xi lokalita' partikolari.

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Fuel

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19254 u jgħid kemm kienet l-ispiża tal-fuel tal-Ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għas-snin 2004 u 2005 separatament?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-ispiża tal-fuel tal-Ministeru għall-Kompetittivita' u Kommunikazzjoni u tad-Dipartimenti u l-Enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu kienet dik ta' Lm15,116 fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena. Fl-istess perjodu tas-sena 2005 l-ispiża kienet dik ta' Lm12,345 filwaqt li fl-istess perjodu ta-sena 2004 kienet dik ta' Lm10,550. Jien infurmat ukoll li matul is-sena 2004 il-fondi tas-Segretarju Parlamentari kienu jittieħdu mill-vot tal-Ministeru tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomiċi.

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Karozzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'tip huma l-karozzi uffiċjali tiegħu u tas-segretarju parlamentari? Dawn il-karozzi nkrew jew inxtraw, u jekk inxtraw meta nxtraw u kemm tħallsu flus għalihom? X'inhu n-numru uffiċjali u n-numru tar-reġistrazzjoni tal-karozzi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-karozza uffiċjali hi BMW 530 Diesel 2994cc li nxtrat f'Ġunju ta' l-2003 għall-prezz ta' Lm13,270. Infurmat ukoll li l-karozza tas-Segretarju Parlamentari ta' dan il-Ministeru hi PEUGEOT 407 DIESEL 1997cc li nxtrat f'Jannar ta' l-2006 għall-prezz ta' Lm8,800. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, l-Onor. Interpellant huwa mitlub jindika x'relevanza għandha dil-parti tal-mistoqsija.

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Karozzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża għall-kiri ta' karozzi matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena, mill-Ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għas-snin 2004 u 2005 separatament?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-ispiża għall-kiri ta' karozzi mill-Ministeru għall-Kompetittivita' u Kommunikazzjoniu mid-Dipartimenti u Enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, kienet dik ta' Lm7,774 fl-ewwel erba' xhur ta'din is-sena. Fl-istess perjodu tas-sena 2005 l-ispiża kienet dik ta' Lm7,292 filwaqt li fl-istess perjodi tas-sena 2004 kienet dik ta' Lm5,216.

Ċirkewwa/Mġarr — Terminals

Question

Jista' il-Ministru jgħid fuq liema kriterji se jkun ibbażat il-valur tal-kera fis-sena tat-terminals taċ-Ċirkewwa u l-Imġarr? Kemm hi stmata li tiswa l-kera fis-sena ta' dawn iż-żewġ terminals rispettivament?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19442.

Liċenzji tan-negozju

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'liċenzji tan-negozju, jekk hemm, għandha l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (GALEA, ĊENSU)

Inħoss li ma nistax nagħti tali nformazzjoni jekk ma jkollix il-permess mingħand l-istess persuna.

Port ta' l-Imġarr — Rampa

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 19433, jista' il-Ministru jgħid jekk ir-rampa li qiegħda tintuża fil-port ta' l-Imġarr hijiex konformi ma' l-istandards tal-NCPD?

Response (GALEA, ĊENSU)

M'għandi xejn x'inżid mar-risposta ta' Mistoqsija Parlamentari Nru 19433.