Legislature:
Category:
Reset
Active:

Triq Reġjonali – Siġar tal-Palm

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn reġgħu tħawlu s-siġar tal-palm li nqalgħu minn Triq Reġjonali?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-siġar tal-palm li ġew maqlugħa minn Triq Reġjonali (roundabout tal-Kappara), tħawlu fil-bini tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) ġewwa Ħal Luqa u Ħal Safi.

Circular economy

Question

Illum qed nitkellmu fuq circular economy fejn ħafna prodotti jerġgħu jittieħdu minnhom il-materjal primarja biex jintużaw għall-prodotti ġodda. Jista’ l-Ministru jaġġornana kemm fil-fatt qed inkunu parti minn din l-istrateġija aħna bħala pajjiż biex nerġgħu nużaw il-materjal tal-prodotti wżati?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24518

Siġar żgħar imħawwla

Question

Jista’ l-Ministru jgħid matul is-snin 2012, 2013, 2014 u 2015 kemm tħawwlu siġar żgħar fil-pajjiż mid-dipartiment tiegħu u ta’ liema ġeneru kienu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Il-marda li kienet taffettwa lill-palm

Question

Jista’ l-Ministru jagħti update ta’ fiex waslet il-marda li kienet taffettwa l-palm permezz tal- bumunqar? Jista’ jgħid kemm hawn palm li għadhom ħajjin f’Malta wara din l-esperjenza ta’ invażjoni minn dan id-dudu? Jista’ jgħid jekk is-sitwazzjoni issa hijiex taħt kontroll u jekk hijiex ikkalkulata l-popolazzjoni ta’ din l-ispeċi f’Malta?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-infestazzjoni tal-Bumunqar l-Aħmar stabilizzat u issa tinsab f’livelli kontrollabbli, però bħal f’pajjiżi Ewropej oħrajn l-eradikazzjoni totali m’hiex possibbli. In-numru ta’ palm infettat u maqlugħ kawża tal-bumanqar l-aħmar minn mindu l-marda daħlet fil-Gżejjer Maltin fl-2007 sat-30 ta’ April 2016 huwa ta’ 5,178, li jammonta għal madwar 12% tas-siġar tal-palm irreġistrati fiċ-ċensiment tal-2009. Il-popolazzjoni tal-bumunqar l-aħmar ġewwa l-Gżejjer Maltin ma tistax tiġi ddeterminata, għaliex din l-informazzjoni mhix possibli li tinġabar.

Animal Welfare – kelb fgat — investigazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-Animal Welfare u l-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali jinvestigaw jew jaċċertaw li l-pulizija qed tinvestiga bis-serjetà l-każ ta’ moħqrija ta’ kelb li aktarx miet fgat fir-Rabat Malta, liema storja dehret fuq The Times Online tat-12 ta’ Mejju 2016? Ġie ċċekjat jekk il-kelb kienx chipped u jekk iva ġie identifikat sidu? Saret awtopsja fuq il-kelb biex tiġi stabbilita eżatt il-kawża tal-mewt?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li peress li l-karkassa tal-kelb laħqet tneħħiet minn xi ħadd mhux magħruf, id-Direttorat tal-Animal Welfare ma setax jara jekk kienx hemm microchip li permezz tagħha seta’ jkun identifikat sid il-kelb. Id-Direttorat għamel rapport lill-Pulizija u għamel ukoll appell sabiex kull min għandu xi informazzjoni jagħmel kuntatt mad-Direttorat jew mal-Pulizija anke b’mod kunfidenzjali, iżda kollu għalxejn. Fir-rigward tal-parti tal-mistoqsija li tikkonċerna lill-Pulizija, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Monitoring dwar kemm Malta tikkonsma injam

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Malta hijiex issegwi d-direttiva tal-Unjoni Ewropea u tagħmel monitoring dwar kemm qed jiġi kkonsmat injam fil-pajjiż fis-sena? Ikun jista’ jiġi kkalkulat kemm qed nużaw numru ta’ siġar għal dan il-konsum? Jista’ jgħid kemm ilna nsegwu din id-direttiva u liema sezzjoni tad-dipartiment tiegħu jagħmel dan?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma hemm l-ebda direttiva ta’ dan it-tip li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tad-Dipartiment għall-Iżvilupp Rurali.

Skart miġbur għar-riċiklaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba jinġabar skart li jista’ jiġi rriċiklat f’sena kalendarja?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-iskeda ta’ ġbir ta’ skart riċiklabbli jvarja minn Kunsill Lokali għal ieħor. L-iskeda kurrenti għal kull Kunsill Lokali tinstab fis-sit tal-Kampanja Nazzjonali ta’ Informazzjoni u Edukazzjoni - http://dontwastewaste.gov.mt/calendar-map/#calendarl fejn qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra screenshot ta’ din il-website f’forma ta’ Tabella. Il-Pjan Nazzjonali għall-Immaniġjar ta’ l-Iskart 2014-2020 jirrakkomanda li l-ġbir ta’ skart riċiklabbli jseħħ darbtejn fil-ġimgħa fejn dan ikun vijabbli.

Importazzjoni ta’ ċereali għall-konsum tal-bniedem u tal-annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u minn fejn ġew importati ċereali għall-konsum tal-bniedem u tal-annimali sena b’sena mill-2012 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirefferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Produzzjoni lokali tal-frott frisk

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien it-tunnellaġġ tal-produzzjoni lokali ta’ frott frisk, xahar b' xahar, bejn l-1 ta' Ottubru 2015 u l-31 ta' Jannar 2016? Jista' jipprovdi l-istess tagħrif għall-istess perijodu għall-aħħar ħames snin xahar b' xahar?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella ta’ kemm daħal frott frisk lokali għall-bejgħ fil-Pitkalija, xahar b’xahar fil-perjodu rikjest. Nenfasizza li dawn il-figuri huma għall-bejgħ ta’ frott frisk lokali mill-Pitkalija u ma jinkludux produzzjoni lokali li nbiegħet direttament mill-bidwi.

Persuni li tressqu l-Qorti fuq moħqrija jew abbandun ta’ annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu nies il-Qorti minħabba moħqrija jew abbandun ta’ annimali sena b’sena mill-2012 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Pitkalija Ċentrali – prodott tal-frawli – prezz medju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-prezz medju għall-prodott tal-frawli fil-pitkalija ċentrali xahar b'xahar u sena b’sena mill-2012 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Għajnuna lill-bdiewa u r-raħħala

Question

Jista' l-Ministru jgħid: (a) kemm bdiewa u raħħala separatament u sena b'sena gawdew minn għajnuna minn fondi tal-Unjoni Ewropea mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari; (b) fiex kienu jikkonsistu dawn l-għajnuniet; u (c) min huma dawk il-bdiewa u r-raħħala li gawdew minn dawn l-għajnuniet?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li wara t-13 ta’ Marzu 2013, il-bdiewa u r-raħħala setgħu jibbenefikaw minn 4 miżuri minn Fondi tal-Unjoni Ewropea. 3 miżuri kienu parti mill- Programm għal Żvilupp Rurali 2007-2013 waqt li l-miżura l-oħra hi l-iskema tal-pagamenti diretti. Il-Miżura 121 għenet 90 bidwi u raħħal. Il-Miżura ta’ Żoni Żvantaġġjati (LFA) għenet medja ta’ 6,000 bidwi kull sena, u l-Miżura Agro Ambjentali għenet medja ta’ 2,100 bidwi kull sena. Il-Miżura ta’ Pagamenti Diretti għenet madwar 6,000 bidwi fis-sena. Il-Miżura 121 kienet għajnuna sabiex ir-raħħala jimmodernizzaw l-azjendi tagħhom u sabiex jixtru makkinarju aktar modern għal valur ta’ aktar minn €8 miljuni. Il-Miżura ta’ Żoni Żvantaġġjati (LFA) għenet lill-bdiewa kollha li jaħdmu r-raba’ waqt li l-Miżura Agro Ambjentali għenet lil dawk il-bdiewa li addottaw sistemi ta’ benefiċċju għall-ambjent. Taħt dawn iż-żewġ miżuri tqassmu, mill-2013 sal-lum, €5.5 miljuni u €2.5 miljuni rispettivament, waqt li taħt l-iskema tal-pagamenti diretti tqassmu ċirca €5.2 miljuni kull sena. Dawk il-bdiewa kollha li applikaw u kienu eliġibbli, gawdew minn dawn l-għajnuniet.

Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi — Management Board tad-Dwejra

Question

B' referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 25232 jista’ jgħid meta hemm il-ħsieb li l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi taħtar il-Management Bord għad-Dwejra f’Għawdex u dan peress li jirriżulta li dan mhux kostitwit u ilu ma jiltaqa' mill-2012? Ma jaħsibx il-Ministru li Bord bħal dan huwa essenzjali biex jiġi assigurat li l-ġawhra naturali tad-Dwejra tkun imħarsa?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-Dwejra Management Board ġie mwaqqaf mill-MEPA skont kif kien imniedi mill-Action Plan for Dwejra. Sabiex jiġi assigurat li l-ġawhra naturali tad-Dwejra tkun imħarsa, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi qegħda tħejji Pjan ta' Tmexxija (management plan) għas-sit biex jintuża bħala qafas ċar għall-immaniġġjar xieraq ta’ dan is-sit. Dan il-pjan jirrikjedi wkoll it-twaqqif ta’ korp maniġerjali għas-sit biex jissostitwixxi lid-Dwejra Management Board. Illum, 16 ta’ Mejju 2016, iltqajt mac-chairman tal-ERA fuq dan is-suġġett fejn tlabtu tagħrif dwar l-istruttura ta’ dan il-bord. Wara beħsiebni ngħaddi minnufih sabiex napponta l-imsemmija membri ta’ dan il-bord.

Birżebbuġa — Rilokazzjoni ta’ ħażna tal-fuel

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-iżvilupp marbut mar-rilokazzjoni tal-ħażna tal-fuel f'Birżebbuġa miż-żona magħrufa bħala “31 ta' Marzu 1979” għal Ħas Saptan fil-limiti ta' Ħal Għaxaq qed jiġi kkunsidrat li ma jkunx sottopost għall-studju dwar l-impatt ambjentali, minkejja l-impatti ambjentali li tali żvilupp se jkollu fuq is-sit propost?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi bħalissa qed tevalwa l-proposta in kwisjoni.

Green jobs

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed jagħmel il-Ministeru biex jiġu promossi l-green jobs?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li wara l-pubblikazzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni tal-ekonomija l-ħadra, il-Gvern qed jaħdem sabiex jassigura li l-azzjonijiet li ġew imfassla f’dan il-pjan jiġu mwettqa. Dan ser iwassal biex ji¿died l-investiment aħdar fis-setturi tal-ekonomija u b’hekk jinħolqu ukoll ‘green jobs’. L-għan ta’ dan il-pjan huwa li l-ekonomija ssir iktar sostenibbli billi nippromwovu t-tkabbir tal-ekonomija l-ħadra. Bħalissa ninsabu fi stadju fejn l-azzjonijiet qed jiġu evalwati sabiex nassiguraw bilanċ bejn l-ambjent u l-ekonomija billi nidentifikaw dawk l-azzjonijiet li huma iktar sinifikanti u cost-efficient.