Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dar tal-Anzjani tal-Mosta – użu ripetut ta’ frieket u skieken tal-plastik

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu jew le li għal numru ta' ġimgħat fid-Dar tal-Anzjani tal-Mosta, minħabba ħsara fid-dish washer li effettivament din baqa' ma ssewwietx, qed jerġgħu jintużaw ripetutament, frieket u skieken tal-plastik (disposable) wara li dawn jinħaslu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bħalissa id-dishwasher fid-Dar tal-Anzjani tal-Mosta hija bil-ħsara. Wara li saret xi tiswija minn technician din reġgħet tħassret u nħarġilha ċertifikat mit-technician stess li hija unserviceable. B’hekk beda il-proċess biex tinxtara dishwasher oħra. Għalissa, sakemm tasal dishwasher ġdida, qed jintużaw id- disposables . Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-allegazjoni tieghu hi infondata u intenzjonata biss biex tallarma. Ninfurmah li dawn il-pużati disposables jiġu mormija wara li jintuzaw.

Residenza San Vinċenz de Paul – anzjani morda bin-Norovirus

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm anzjani fir-Residenza San Vinċenż de Paul li ġew affetwati bil-Norovirus fix-xahar ta' Diċembru li għadda? Jekk iva, jista' jgħid kemm kienu l-anzjani li kienu affetwati u f'liema wards kienu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-kazijiet li rrizultaw kienu fil-parametri tal-volum ta' kazijiet simili li jinqalgħu kull sena fil-perijodu indikat.

Il-Belt Valletta, Floriana, il-Ħamrun, il-Marsa, Gwardamangia/Pietà u Santa Venera – stennija għar-Residenza San Vinċenz de Paul

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li jgħixu fil-lokalitajiet tal-Belt Valletta, Floriana, il-Ħamrun, il-Marsa, Gwardamanġia/Pietà u Santa Venera li qed jistennew li jidħlu fir-Residenza San Vinċenż de Paul, lokalità b'lokalita', b'mod separat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 199 anzjan jew anzjana li qed jistennew biex jidħlu f’waħda mid-djar tal-anzjani jew ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paule, mill-lokalitajiet li qed issir referenza għalihom.

Il-Belt Valletta, Floriana, il-Ħamrun, il-Marsa, Gwardamangia/Pietà u Santa Venera – stennija għad-Djar tal-Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li jgħixu fil-lokalitajiet tal-Belt Valletta, Floriana, il-Ħamrun, il-Marsa, Gwardamanġia/Pietà u Santa Venera li qed jistennew li jidħlu f'xi Dar tal-Anzjani?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għal mistoqsija parlamentari numru 29256.

Awtorità tad-Djar – Triq il-Gardenja — kumpens għal ħsarat f’appartamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemmx benefiċjarji tal-Awtorità tad-Djar li joqogħdu fl-appartamenti rispettivi tagħhom fi Triq il-Gardenia li soffrew ħsarat fl-appliances tagħhom minħabba ħsara li saret mill-Awtorità tad-Djar jew kuntrattur imqabbad minnha, waqt xogħlijiet li kienu qed isiru fil-15 ta' Settembru 2016? Jekk iva, jista' jgħid kemm-il household ġiet milquta b'din il-problema u jgħid ukoll x'qed isir mill-Awtorità tad-Djar sabiex dawn il-persuni jkunu kkumpensati għall-ħsarat kollha li sofrew? Jista' jgħid ukoll meta se jkunu kkumpensati għal dawn il-ħsarat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar m’għanda l-ebda rapport jew evidenza li xi kuntrattur imqabbad minnha għamel ħsara fil-blokk imsemmi li setgħet ikkaġunat ħsarat fl-appliances ta’ persuni li joqogħdu fl-istess blokk. Għaldaqstant l-Awtorità tad-Djar m’għandhiex lanqas id-dettalji mitluba dwar il-każ.

Ċentri tal-Anzjani – sistema ta’ arja kundizzjonata

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma ċ-ċentri tal-anzjani li ma għandhomx sistema ta' arja kundizzjonata? Jista' jgħid ukoll kif qed jissaħħnu dawn id-day centres fin-nuqqas ta' din is-sistema aktar u aktar f'dawn il-ġranet fejn qed tagħmel ħafna kesħa u bil-Gvern stess joħroġ twissijiet partikolarment għall-anzjani?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma l-Onor. Interpellant li, fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum ta’ Birkirkara u tas-Siġġiewi ma teżistix sistema ta’ arja kundizzjonata. Madanakollu, fiż-żewġ ċentri msemmija, ittieħdu l-passi meħtieġa biex l-anzjani ma jsofrux il-kesħa. Tajjeb li niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li dawn iż-żewġ ċentri huma proprejtà tal-kunsilli lokali tal-istess lokalitajiet.

Residenza San Vinċenz de Paul – sistema ta’ arja kundizzjonata

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma s-swali fir-Residenza San Vinċenz de Paul li ma għandhomx sistema ta' arja kundizzjonata jew għandhom sistema li mhijiex qed taħdem, sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista' jagħti elenku tas-sistemi li mhux qed jaħdmu minħabba ħsarat fihom, jgħid f'liema sala qegħdin, kemm ilhom weqfin u meta se jkunu qed jiffunzjonaw?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li, kull sistema tal-arja kundizzjonata fis swali ta' San Vinċenz de Paul qed tiffunzjona. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, ddaħħlet sistema li permezz tagħha kull ħsara tiġi rrapurtata b’mod immedjat biex b’hekk il-ħsarat jiġu ndirizzati mill-kuntrattur. Iddaħlet ukoll proċedura sabiex kull meta ikun hemm ħsarat, is-swali jkunu pprovduti b'sistemi temporanji ta' arja kundizzjonata.

Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali — Personal Emoluments - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa proġettata (budgeted) fuq Personal Emoluments sena b’sena mill-2013 sal-2016? Jista’ jgħid kemm kienet in-nefqa reali (actual) għal kull sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba tinsab fid-dokumenti tal-Estimi Ġenerali li jiġu ppubblikati kull sena u jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra fil-jum tal-Bagit. Fir-rigward tan-nefqa għas-sena 2016, din l-informazzjoni għadha mhix konkluza u tkun ippubblikata fid-dokument tal-Estimi Ġenerali li jmiss.

Kalaxlokk — somma - każ ta' indivdwu

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward somma mill-Kalaxlokk?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-persuna msemmija għadha ’l bogħod mill-età tal-irtirar u għalhekk id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali m’għandux somom x’jagħti lill-imsemmi individwu.

Bordijiet Pubbliċi – persuni b’diżabilità

Question

B'referenza għal-liġi li ġiet approvata aktar kmieni f'din il-leġiżlatura relatata mal-preżenza ta' persuni b'diżabilità fuq bordijiet pubbliċi, jista' l-Ministru jelenka f’liema bordijiet s’issa hemm preżenti persuni b'diżabilità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpelant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Residenza San Vinċenz de Paul – rigali lill-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex kien jikkonsisti r-rigal li ngħata mill-Gvern lill-anzjani residenti fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paul u kemm kien il-valur ta' kull wieħed minn dawn ir-rigali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpelant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Servizz ta’ Meals on Wheels – lista ta’ stennija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-lista ta' stennija ta' persuni li kienu qed jistennew li jingħataw is-servizz tal-Meals on Wheels, xahar b'xahar bejn l-1 ta' Jannar 2015 u l-10 ta' Jannar 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpelant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Servizz ta’ Meals on Wheels – persuni li talbu biex jitwaqqaf is-servizz

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk il-persuni li talbu li ma jibqgħux jingħataw is-servizz tal-Meals on Wheels, bejn l-1 ta' Jannar 2015 u l-10 ta' Jannar 2017 (xahar b'xahar)?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpelant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Meals on Wheels – anzjani li m’għandhomx microwave

Question

Mit-telefonati li saru lill-anzjani li preżentament qed jingħataw is-servizz tal-Meals on Wheels, jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn l-anzjani, m’għandhomx microwave fir-residenza privata tagħhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpelant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Family Resource Centre — impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati b'mod separat f'kull Family Resource Centre li hawn imwaqqfa? Kemm ġew assistiti klijenti f'dawn iċ-ċentri u x'tip ta' għajnuna rċevew dawn l-istess klijenti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpelant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali – kuntratti ta’ kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, għandhiex kuntratti mal-Ministeru, inkluż l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' kuntratti għandhom u jgħid ukoll meta daħal fis-seħħ kull kuntratt u sakemm se jibqa' fis-seħħ? Jista’ jgħid kemm huwa l-valur ta' kull kuntratt?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, il-Ministeru li tiegħu jien responsabbli u d-Dipartimenti, entitajiet, u awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi, ma taw l-ebda kuntratt lill-Kumpanija li d-dettalji dwarha ngħataw b’mod separat.

Adozzjoni ta’ tfal Maltin minn koppji Maltin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew addottati tfal minn koppji jew individwi Maltin bejn Jannar 2016 u Diċembru 2016 minn pajjiżna?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, bejn Jannar 2016 u Diċembru 2016, ġew addottati 3 itfal minn koppji jew individwi Maltin minn pajjiżna.

Adozzjoni ta’ tfal barranin minn koppji Maltin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew addottati tfal minn koppji jew individwi Maltin bejn Jannar 2016 u Diċembru 2016 minn pajjiżi barranin, pajjiż b'pajjiż b'mod individwali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, bejn Jannar 2016 u Diċembru 2016, ġew addottati 6 itfal minn koppji jew individwi Maltin minn pajjiżi barranin, kif ġej: · Adozzjoni waħda mill-Albanija; · 3 adozzjonijiet mis-Slovakkja; · Adozzjoni waħda mir-Russja; u · Adozzjoni waħda mill-Indja. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi, matul l-2016, numru ta’ tfal minn pajjiżi barranin ġew imqabbla ma’ koppji Maltin, u qegħdin fil-proċess li jiġu addottati, minn ġenituri adottivi prospettivi Maltin. Dawn jinkludu: · 2 adozzjonijiet mill-Portugal; · 15–il adozzjoni mill-Indja; · 5 adozzjonijiet mis-Slovakkja; u · Adozzjoni waħda mir-Russja.

Awtorità tad-Djar – ħlas lura ta’ kera żejda

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-Awtorità tad-Djar se tkun qed tagħti lura l-ħlas ta' kera żejda li ħallsu dawk il-persuni li jgħixu f'akkomodazzjoni soċjali u li sofrew żidiet fil-kirjiet tagħhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, il-ħlas lill-inkwilini li jikkwalifikaw għall-miżura li ġiet imħabbra fil-Baġit ta’ din is-sena , rigward ir-rifuzzjoni ta’ kera u li joqogħdu fi proprjeta’ tal-Awtorita’ tad-Djar, huwa propost li ser jingħata lilhom matul din is-sena.

Awtorità tad-Djar – kuntratti ffirmati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew iffirmati kuntratti ta' kiri fis-sena 2016 mill-Awtorità tad-Djar ta' kirjiet li kienu skaduti? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' dawn il-proprjetajiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-Awtorità tad-Djar kompliet iġġedded il-kuntratti li kienu saru fis-snin 2009, 2010 u fl-2011. Fl-2016 ġġeddu 11-il kuntratt li kienu skadew fis-sena 2016. Dawn il-proprjetajiet huma mferxin ma’ Malta u Għawdex. Tali proċess għadu għaddej.