Jista’ l-Ministru jippubblika lista ta’ Direct Orders u tenders li ngħataw fuq l-Iskola tas-Sixth Form f’Għawdex, bl-ammont għal kull wieħed, lil min ingħata x-xogħol, ġiex komplut ix-xogħol u kemm baqa’ x’jitħallas għal kull kuntratt?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat mill-Fondazzjoni għall-iSkejjel ta' Għada li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif muri fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada – audit finanzjarji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslu l-audits finanzjari annwali tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-audit finanzjaru annwali tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada fir-rigward tas-sena li tagħlaq fil-31 ta’ Diċembru 2016 jibda fis-sena 2017. Infurmat li l-audits annwali tas-snin passati huma kollha kompluti.
Żejtun sal-Higher Secondary School — trasport tal-iskola
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm irid iħallas student kull sena biex juża trasport tal-iskola u jittieħed miż-Żejtun sal-Higher Seconday School fin-Naxxar u lura? Jista' jgħid jekk it-trasport huwiex door to door service?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz tat-Trasport fl-iskejjel li huwa provdut mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol huwa servizz bla ħlas għall-istudenti. Dan is-servizz huwa provdut għall-istudenti li jattendu faċilitajiet edukattivi ta’ età obbligatorja.
Higher Secondary School — klassijiet - aċċessibilità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema sular qegħdin l-iktar klassijiet għoljien tal-Higher Secondary School fin-Naxxar, u jekk dawn humiex aċċessibli b’lift biex jintużaw minn studenti b’diżabilità?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-iskola tal-Higher Secondary fin-Naxxar hija iffurmata minn ħames blokki.
Il-klassijiet li huma fl-ogħla livelli qegħdin fit-tieni sular. Il-klassijiet li qegħdin fin-New Block huma kollha aċċessibbli b’lift għall-persuni b’diżabilità. Fi tliet blokki oħra, fejn hemm klassijiet, ma hemmx lift u mhumiex aċċessibbli.
Il-ħames blokk huwa dak tal-gym li huwa mibni fuq sular wieħed u hu aċċessibbli.
Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija – SportMalta – proġett ta’ resurfacing ta’ jogging track
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27953, jista’ l-Ministru jgħid minn min intrebaħ it-tender u meta mistenni jibda u jintemm ix-xogħol tar-resurfacing tal-jogging track f’Santa Luċija?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li t-tender tar- resurfacing tal-jogging track f’Santa Luċija intrebaħ minn Teken Dell’Arch Renda. Ix-xogħol beda diġà u hu maħsub li jitlesta sal-aħħar tas-sena, jekk it-temp jippermetti.
Persuni li jgħixu Għawdex li huma impjegati fuq bażi part-time
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 27176, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm mill-ħaddiema Għawdxin li huma reġistrati, għandhom żewġ impjiegi part-time?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, fl-aħħar ta’ April 2016, in-numru ta’ ħaddiema Għawdxin li huma impjegati u għandhom żewġ impjiegi part-time kien ta’ 393 persuna.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 27167, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm mill-ħaddiema Maltin u Għawdxin li qed jaħdmu fuq bażi part-time hemm minnhom li huma reġistrati li għandhom żewġ impjiegi part-time?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, fl-aħħar ta’ April 2016, in-numru ta` ħaddiema Maltin u Għawdxin f’impjieg part-time bħala xogħol ewlieni u għandhom żewġ impjiegi part-time kien ta’ 3,410 persuni. Filwaqt li n-numru ta’ ħaddiema Maltin u Għawdxin f’impjieg part-time kif ukoll full time li għandhom żewġ impjiegi part-time kien ta’ 2,898.
Jista' l-Ministru jgħid xi skemi ta' xogħol jew taħriġ qed tħaddem bħalissa Jobs Plus f' Għawdex? Kemm hemm persuni f'kull skema? X'xogħol jew taħriġ qed jagħmlu dawn il-persuni u f’liema postijiet? Xi ħlas qed jieħdu dawn il-persuni għax-xogħol li qed jagħmlu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Jobsplus bħalissa qed tamministra żewġ skemi f’Għawdex: Work Exposure Scheme 2016 u Work and Training Exposure Scheme for Part 1 Registering Clerks. In-numru totali ta’ individwi li qegħdin jipparteċipaw fl-iskema Work Exposure Scheme 2016 huwa ta’ 160. Matul il-perjodu li l-parteċipanti jkunu fuq l-iskema, dawn jibqgħu meqjusa li qed jirreġistraw fuq l-Ewwel Parti tar-Reġistru tal-Qgħad. Dawk kollha li jirreġistraw fuq l-Ewwel Parti tar-Reġistru tal-Qgħad kienu eliġibbli li jakkwistaw esperjenza ta’ xogħol. Persuni li huma taħt l-24 sena ma setgħux jipparteċipaw f’din l-iskema. Matul il-perjodu l-parteċipanti huma eliġibbli għal €145 fil-ġimgħa. Il-parteċipanti ġew allokati f'postijiet mill-Ministeru għal Għawdex.
In-numru totali ta’ individwi li pparteċipaw fl-iskema Work and Training Exposure Scheme for Part 1 Registering Clerks huwa ta’ 25. Matul il-perjodu li l-parteċipanti jkunu fuq l-iskema, dawn jibqgħu meqjusa li qed jirreġistraw fuq l-Ewwel Parti tar-Reġistru tal-Qgħad. Dawk kollha li jirreġistraw fuq l-Ewwel Parti tar-Reġistru tal-Qgħad bi preferenza klerikali ngħataw din l-opportunità li permezz tagħha qed jakkwistaw esperjenza ta’ xogħol. Matul il-perjodu l-parteċipanti huma eliġibbli għal €150 fil-ġimgħa. L-eżerċizzju huwa ffinanzjat, amministrat u mmexxi minn Jobsplus f’Għawdex u l-parteċipanti huma allokati fl-uffiċċji tal-Korporazzjoni.
Raħal Ġdid — Kulleġġ San Ġorġ Preca Primarja B – tqassim ta’ ħalib
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk waslulux rapporti li t-tfal li jattendu Kulleġġ San Ġorġ Preca Primarja B ta’ Raħal il-Ġdid mhux jingħataw aktar ħalib? Jekk iva, jista’ jgħid għaliex ġie deċiż hekk?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li mill-bidu tas-sena skolastika sal-lum ebda ġenituri ma lmentaw mal-iskola jew talbu assistenza rigward il-ħalib.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — trasferiment ta' impjegat
Question
Jista' l-Ministru jispeċifika d-data preċiża meta l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament nħariġlu t-transfer mill-MEDE għall-post ieħor? Jista' jgħid għal liema uffiċċju ġie trasferit fi ħdan is-settur pubbliku u għal liema terminu ta' żmien?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata kellha impjieg mal-Fondazzjoni għall-iSkejjel ta' Għada, mil-liema impjieg ġie formalment re-deployed għall-impjieg li kellu qabel fit-2 ta' Settembru 2016. Dan jikkonferma li mhux minnu dak li qed tallega l-Oppożizzjoni li ma ttieħdux passi immedjati. Fil-fatt dawn l-istruzzjonijiet tiegħi ġew attwati 12-il ġimgħa ilu u mill-inqas 10 ġimgħat qabel ma dehret storja fuq il-każ f'ġurnal lokali. Għalkemm il-persuna indikata m'hijiex taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, infurmat li qed tokkupa rwol ta' Senior Officer taħt id-Direttur Ġenerali fir-Rural Development Department fi ħdan il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima.
FTS – kuntratti li ngħataw b’direct order jew b’tender
Question
Jista’ l-Ministru jelenka lista ta’ kuntratti li ngħataw mill-Foundation for Tomorrow's Schools (FTS) b’direct order jew b’tender, bejn Marzu 2013 u Novembru 2016, sena b’sena? Jista’ jgħid min kienet il-persuna fi ħdan l-FTS, bil-kariga speċifika, li kienet inkarigata fil-proċess ta’ kull kuntratt individwali?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ kuntratti li ngħataw mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada b’direct orders, b’purchase orders u b’tenders bejn Marzu 2013 u Novembru 2016. Il-lista rigward it-tenders tkopri l-persuna responsabbli mill-komputazzjoni tat-tender rispettiva. Rigward il-lista ta’ purchase orders l-informazzjoni mitluba dwar il-persuna responsabbli ma tistax tingħata peress li l-files qegħdin l-IAID.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal il-clearance tal-finanzi tal-Foundation for Tomorrow's Schools (FTS) sena b’sena mill-2013 sal-lum? Jista’ jindika l-pagamenti dovuti li għadhom ma tħallsux u d-data meta ntalbet it-talba għal kull pagament?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jiċċara eżatt għal liema clearance tal-finanzi qiegħed jirreferi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk baqax pagamenti pendenti lill-kuntratturi fuq l-iskola tas-Sixth Form f’Għawdex u jekk iva kemm huwa dan l-ammont u min huma l-kuntratturi? Jekk hemm, jista’ jelabora wkoll jekk hemmx pendenzi fuq disgwid mal-kuntrattur, u jekk iva x’inhu d-disgwid u f’liema stadju wasal dan id-disgwid biex jiġi maqbul?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li hemm pagamenti pendenti fuq l-iskola tas-Sixth Form il-ġdida, f’Għawdex li fosthom hemm ammonti dovuti lis-Solergia u C Grech Marbles. Fuq dawn l-ammonti qegħdin isiru l-verifiki meħtieġa biex jiġu kkonfermati l-ammonti dovuti fil-konfront tat-talba għall-pagamenti mill-kuntratturi.
Fir-rigward ta’ GV Developments li huwa l-kuntrattur tal-kostruzzjoni, il-każ ġie mressaq quddiem il-Malta Arbitration Centre.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 27285, jista’ l-Ministru jinforma liema huma l-proġetti li ġew implimentati tul din is-sena u jista’ jindika x’kien l-eżitu tagħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-proġetti li qed jiġu implimentati preżentement huma:
· Training for Employment; u
· Access to Employment
Taħt il-proġett ‘Training for Employment’ qegħdin jiġu offruti tliet skemi, li huma l-Work Exposure Scheme (WES), il-Work Placement Scheme (WPS) u t-Traineeship Scheme (TRN). Ir-riżultati li ntlaħqu mill-bidu ta’ Jannar sal-aħħar ta’ Ottubru ta’ din is-sena huma kif ġej:
Skema
WES
WPS
TRN
Totali
Kemm-il persuna ġiet
placed
349
57
408
814
Kemm-il persuna lestiet b’suċċess l-iskema
260
23
172
455
Kemm-il persuna għadha qed tattendi l-iskema
22
22
33
77
Kemm-il persuna ma bdietx l-iskema
19
3
52
74
Kemm-il persuna waqfet mill-iskema
48
9
151
199
In-nefqa fuq dan il-proġett sal-aħħar ta’ Ottubru kienet ta’ €662,977.35.
Il-proġett ‘Access to Employment’ (A2E) tnieda f’Ġunju tal-2015. Permezz ta’ din l-iskema l-intrapriżi qegħdin jiġu inċentivati biex jimpjegaw lil persuni li huma aktar fi żvantaġġ biex jiġu integrati fid-dinja tax-xogħol. Sal-31 ta' Ottubru 2016, l-A2E Unit irċieva 526 applikazzjoni mingħand 326 intrapriża differenti, li jammontaw għal 600 parteċipant. Minn dawn il-parteċipanti, 415 għadhom attivi. Il-parteċipanti l-oħra (li jammontaw għal 185) jew ikkanċellaw l-applikazzjoni/grant agreement jew instabu ineliġibbli minn Jobsplus.
Mill-415-il parteċipant, Jobsplus iffirmat 373 grant agreement mal-benefiċjarji b'valur ta' €3,368,871.09. Minn dawn il-grant agreements 61 minnhom spiċċaw qabel iż-żmien (premature termination). Għaldaqstant, il-valur tal-grant agreement ġie jammonta għal €2,891,498.06. Fil-ġranet li ġejjin ser ikunu ffirmati l-grant agreements ta' 11-il parteċipant ieħor.
B’referenza għat-tweġiba għad-domanda parlamentari 27285, jista’ l-Ministru jinforma liema huma l-proġetti li ser jiġu implimentati tul din is-sena li ġejja?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Jobsplus qegħda tistenna l-approvazzjoni għall-proġetti ‘Work Programme’ u ‘Vaste Programme’. Il-proġett ‘Investing in Skills’ ġie approvat u mistenni li jibda fl-2017.
Persuni li jgħixu Għawdex u li huma impjegati fuq bażi part-time
Question
B’referenza għar-risposta għad-domanda parlamentari 27176, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm mill-ħaddiema Għawdxin ilhom jaħdmu part-time ‘l fuq minn ħames snin u jista’ jindika kemm minnhom għandhom ukoll impjieg full time u kemm hemm min għandu żewġ impjiegi part-time?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, fl-aħħar ta’ April 2016, in-numru ta` ħaddiema Għawdxin li ilhom jaħdmu ħames snin u aktar f’impjieg part-time bħala xogħol ewlieni kien ta’ 839 persuna. Minn dawn kien hemm 48 persuna li għandhom żewġ impjiegi part-time. Filwaqt li n-numru ta’ ħaddiema Għawdxin li ilhom jaħdmu ħames snin u aktar f’impjieg part-time kif ukoll full time kien ta’ 1,011-il persuna. Minn dawn kien hemm 81 persuna li għandhom żewġ impjiegi part-time.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward dritt għal skala ogħla ta' impjegat fi skola?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li wara verifika li saret, id-Direttorat għal-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni (DQSE) ġie infurmat li l-persuna indikata mill-Onor. Interpellant qiegħed approvat bħala ‘domestic’ fi Skala 20, Step 8.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – talbiet għal transfers
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma t-talbiet għal transfers li ntalbu minn impjegati fil-Ministeru tiegħu, kemm minnhom ġew milqugħa u kemm oħrajn għadhom qed jistennew li jiġu ndirizzati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li bejn Jannar u Ottubru 2016 il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol kellu total ta' 49 impjegat li talab trasferiment. Minn dawn 38 ġew milqugħa, sebgħa (7) għadhom pendenti u erbgħa (4) ġew rifjutati.
Rigward l-edukaturi, infurmat li mis-sejħa t’applikazzjoni sabiex edukaturi jiċċaqalqu minn skola għal oħra kien hemm 559 li:
· ikkanċellaw u/jew ma daħlux mil-leave (33),
· applikaw biss ‘only in case of redundancy’ f’każ li fl-iskola ma jkunx għad hemm bżonn is-servizz tagħhom (469)
· Għawdxin (36)
· marru f’xi servizz jew ħadu kariga ogħla (21)
u 819 oħra li:
· 562 iċċaqalqu skont it-talba tagħhom
· 68 ġew trasferiti mill-iskola tagħhom għax ġew ‘extra’, u ma kienx għad hemm bżonn is-servizz tagħhom
· 189 talba ma setgħux jiġu akkomodati minħabba nuqqas ta’ vakanzi jew imtlew b’għalliema b’anzjanità ogħla.
Tagħlim fl-iskejjel — Kummenti, suġġerimenti u ilmenti mill-ġenituri
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi website fid-Direttorat tal-Edukazzjoni fejn il-ġenituri jkunu jistgħu jwasslu s-suġġerimenti u l-ilmenti tagħhom dwar kif uliedhom qed jirċievu s-servizz ta’ tagħlim fl-iskejjel tagħna?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li iva, hemm diversi modi kif wieħed jista' jikkomunika mad-Direttorati tal-Edukazzjoni.
Mid-Dipartiment tal-Operat fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jingħata servizz regolari fejn il-ġenituri jistgħu jressqu kemm is-suġġerimenti kif ukoll l-ilmenti tagħhom dwar kif uliedhom qed jirċievu s-servizzi ta’ l-edukazzjoni fl-iskejjel ta’ l-Istat.
Hemm tliet mezzi ta’ komunikazzjoni għad-dispożizzjoni tal-ġenituri :
1. Jeżistu żewġ apps:
a.
Whatsapp
(numru : 79260576)
b.
Facebook
2. Jista’ jintuża wkoll dan l-indirizz elettroniku :
info.education@gov.mt
.
Kull ilment jew suġġeriment jasal fis-sezzjoni tal-Customer Care fi ħdan id-dipartiment, fejn dan jiġi mressaq immedjatament lis-sezzjoni jew uffiċjal konċernat.
Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni (DQSE)
L-indirizz elettroniku tal-uffiċċju tad-DG DQSE hu:
dg.dqse.educ@gov.mt
Proġett tat-
tablets
(OTPC)
Rigward il-Proġett tat-tablets (OTPC) hemm il-website http://www.digital.edu.mt/contact/
Ġenerali
ilearn.edu.mt bil-username u password guest; guest u għall-ġenituri li uliedhom jattendu fl-iskejjel tal-Istat jużaw il-username u l-password li rċevew mill-iskola.
Digital Education
Rigward Digital Education: https://www.facebook.com/DigitalEducMalta/?ref=bookmarks
Accreditation Unit
L-Accreditation Unit għandu indirizz postali elettroniku li hu customercare.dqse@gov.mt fejn wieħed jista’ jibgħat anke l-ilmenti tiegħu.
Quality Assurance Department
L-indirizz elettroniku tal-QAD hu: qad.mede@gov.mt
Curriculum Management
L-indirizz elettroniku tal-DCM hu: dcm@gov.mt
Direttorat għal Servizzi Edukattivi (DES)
L-indirizz elettroniku tal-uffiċċju tad-DG DES hu: dg.des.educ@gov.mt
Education Resources
L-indirizz elettroniku hu: erd-des.mede@gov.mt
Lifelong Learning & Early School Leavers
L-indirizz elettroniku hu: lifelonglearning@gov.mt
Student Services
L-indirizz elettroniku hu: studentservices.mede@gov.mt
Education Logistics and Support Unit
L-indirizz elettroniku hu: els.mede@gov.mt;
School Transport: schooltransport.educserv@gov.mt
Breakfast Club Scheme: breakfastclub.mede@gov.mt
Free Childcare Scheme Section: freechildcare@gov.mt
Migrant Learners & Client Support
L-indirizz elettroniku hu: mlu.mede@gov.mt
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 15666, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti minn Wied il-Għajn li qed jieħdu sehem fis-servizz NWAR u kemm hemm talbiet pendenti minn ġenituri tat-tfal minn din il-lokalità biex jattendu dan il-programm tal-litteriżmu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħalissa (Novembru 2016), hemm 10 studenti minn Wied il-Għajn jibbenefikaw mill-programm ta’ litteriżmu għall-familji ‘NWAR’ filwaqt li hemm 13-il tifel/tifla jistennew biex jissieħbu fl-istess programm. Għal dan il-għan fl-2017, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu se tiftaħ ċentru ġdid ta’ ‘NWAR’ fl-iskola primarja ta’ Wied il-Għajn.