Jista' l-Ministru jinfurmani x'inhija l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar il-purseiners (xbieki tat-tonn) użati mis-sajjieda lokali?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor Interpellant li, fil-preżent, l-ebda sajjied Malti ma għandu liċenzja għall-purse seiner tat-tonn. Fir-rigward tal-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar il-purse seiners nista' nassigura lill-Onor Interpellant li l-Gvern jieħu d-deċiżjonijiet li jkun hemm bżonn biex jiggarantixxi l-għajxien tas-sajjieda Maltin u Għawdxin.
Jista' l-Ministru jinfurmani x'inhija l-pozizzjoni tal-Gvern Malti fi ħdan il-GFCM dwar l-użu tal-purseiners (xbieki tat-tonn) fil-kosta tas-Sajd Maltija u fir-reġjun tal-Mediterran?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirriferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba Parlamentari numru 31103 u nixtieq infakkru li Malta għamlet sforzi kbar biex tingħalaq żona għas-sajd tat-tonn bil-konzijiet. Din il-proposta għandha tkun diskussa waqt laqgħa li se ssir f'Malta f'April 2002 bejn il-Kummissjoni dwar is-Sajd Ġenerali fil-Mediterran u l-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn fl-Atlantiku.
Jista' l-Ministru jinfurmani meta l-Gvern għamel il-posizzjoni uffiċjali dwar l-użu tal-purseiners lill-kooperattivi tas-Sajd lokali? Jista' jpoġġi kopja tad-dettalji relatati?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirriferi lill-Onor Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari 31103. Inżid li d-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura irċieva numru żgħir ta' talbiet mingħand sajjieda Maltin.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji ħalli l-bdiewa li jinsabu f'Ħabel l-Abjad fiż-Żejtun, jibdew jieħdu l-ilma mill-impjant ta' Sant'Antnin, minħabba li sal-lum 28 ta' Marzu 2002 għad ma jistgħux isaqqu l-prodotti tagħhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari tiegħu numru 32506 rigward din il-problema f'Ħabel l-Abjad. Id-Dipartiment qiegħed jieħu passi mad-Dipartiment tad-Drenaġġ li huwa responsabbli għall-ippumpjar ta' l-ilma fil-ġibjuni, sabiex isir tibdil fis-sistema ta' l-ippumpjar ta' l-ilma.
Jista' l-Ministru jgħid x'apparat inxtara matul is-sena li għaddiet sabiex ġew immodernizzati l-laboratorji u l-faċilitajiet fil-packing station tal-patata?
Kemm kienet tinvolvi l-ispiża ?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-apparat li nxtara għal-laboratorji u l-faċilitajiet fit-Taqsima tal-Kwarantina, Ta' Qali, fis-sena 2001 hu dan:
Apparat Faċilitajiet
F/Freezer Refrigerator
Lab. furniture Office Furniture
L-ispiża kienet Lm1,546.50.
Jista' l-Ministru jgħid x'apparat inxtara matul is-sena li għaddiet sabiex ġew immodernizzati l-laboratorji u l-faċilitajiet fil-Pixkerija?
Kemm kienet tinvolvi l-ispiża?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Pixkerija ma jeżistux laboratorji Madanakollu għandi l-pjaċir ninfurmah li ftit ġimgħat oħra għandu jibda l-proċess li għandu jwassal għal refurbishment komplet tal-Pixkerija.
Jista' l-Ministru jgħid x'apparat għas-safety ta' saħħet il-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol, inxtara għall-ħaddiema li jaqgħu taħt id-dekasteri tal-Ministeri matul is-sena li għaddiet?
U x'mistenni li jinxtara matul din is-sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-apparat li nxtara għas-sigurta' tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol hu kif jidher hawn taħt:
Ministeru:
Maskri u ngwanti disposable kif ukoll overalls bçx jintużaw minn dawk l-iskrivani li xogħolhom jinkludi l-ftuħ ta' ittri.
Dipartiment ta' l-Agrikoltura:
Safety equipment ġenerali li jinxtara regolarment jikkonsisti f'safety shoes, boots, ingwanti, overalls, first aid boxes, fire extinguishers, fradal u maskri. Ħaddiema li jispezzjonaw il-farms huma provduti b’ilbies protettiv adatt skond il-bżonn. Min jaħdem direttament mal-bhejjem hu obbligat li jagħmel eżami mediku kull sentejn. Ħaddiema li jaħdmu fit-toroq huma provduti b'dak kollu meħtieġ li jinkludi first aid boxes, traffic cones u tabards. Barra minn hekk il-ħwienet tax-xogħol qed jiġu mgħammra b'apparat li jikkonforma mal-liġijiet preżenti. Matul is-sena hu ppjanat li jinxtara safety equipment skond il-bżonn.
Taqsima tas-Saħħa tal-Pjanti :
Lab. coats, ilbies protettiv, xugamani, check fire extinguishers, fire extinguishers, key guards.
Apparat li mistenni jinxtara matul din is-sena jinkludi : ilbies protettiv, fire extinguisher, lab. coats u xugamani.
Dipartiment għas-Servizzi Veterinarji :
Ammonia masks, face masks for spray, safety shoes, safety boots, safety helmets for butchers, chain gloves for butchers, ear muffler, disposable masks, elbow chain gloves, raincoats for cleaners u goggles plastic.
Jista' l-Ministru jgħid x'apparat inxtara matul is-sena li għaddiet sabiex ġew immodernizzati l-laboratorji u l-faċilitajiet fin-nursury ta' Wied Inċita?
Kemm kienet tinvolvi l-ispiża ?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-apparat li nxtara s-sena l-oħra għall-faċilitajiet fin-nursery ta' Wied Inċita kienu dawn:
a) fis-serra l-kbira tal-APS inbidel il-plastik tas-saqaf, inħadem propagation bench tul din is-serra u kienu provduti 500 seed trays;
b) fis-serra ż-żgħira ta' l-injam inbidel is-saqaf, twaħħal plastik ġdid għas-saqaf u tranġaw l-ħġieġ u aċċessorji oħra;
c) tlesta x-xogħol ta' kostruzzjoni ta' shade house bir- reċinzjoni tagħha;
d) kienet konvertita ċinta għas-siġar standard; u
e) tfassal kanċell ġdid.
L-ispiża totali kienet tammonta għal Lm1,800.
Għandi ngħid ukoll li m'hemmx laboratorju f'Wied Inċita.
B'referenza għall-diskors tal-Ministru lill-bdiewa fil-laqgħa li kellu fis-Sala tal-Kooperattiva taż-Żebbiegħ, fejn qal li nidħlu u ma nidħlux fl-UE xorta nridu ineħħu levies ta' protezzjoni tal-Biedja, minħabba l-WTO, jista' jgħid għaliex il-Gvern Nazzjonalista se jdaħħal 87 kundizzjoni ta' kwoti u tariffi (tariff quotas) fuq il-prodotti u l-materja prima ta' l-ikel ġejja mill-pajjiżi li mhumiex membri ta' l-UE wara li pajjiżna jsir membru ta' l-UE?
Response (ZAMMIT, NINU)
Naħseb li l-Onor. Interpellant għandu bżonn jifhem dak li ntqal diversi drabi f' din il-Kamra. Illum il-protezzjoni hi rregolata mid-WTO u trid tonqos u mistennija tibqa' tonqos fil-futur. Għalhekk hu ta' importanza dak li jrid jagħmel il-Gvern għas-settur tal-biedja, jiġifieri li l-biedja tagħna tibda tibbenefika taħt numru ta' mekkaniżmi u strutturi ta' għajnuna diretta. Dan ikun aktar possibbli taħt l-iskemi li għandha l-UE, li ovjament fil-preżent għandha 87 tariff quota biex tipproteġi s-settur agrikolu.
Jista' l-Ministru jgħid x'apparat inxtara matul is-sena li għaddiet sabiex ġew immodernizzati l-laboratorji u l-faċilitajiet fiċ-Ċentru tal-Micropropogazzjoni f'Ħal Lija?
Kemm kienet tinvolvi l-ispiża ?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-apparat li nxtara għal-laboratorji u l-faċilitajiet f'Tal-Kmand Ħal Lija fis-sena 2001 hu dan:
Apparat Faċilitajiet
Marble for laboratory benches Fax machine
2 section push up ladder Office furniture
Trolleys Glasshouse office
Two drawer filing cabinet
Drill with stand
Nikon Camera
L-ispiża ammontat għal Lm3,988.82
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li mhux qed jigħata ilma mill-impjant ta' Sant' Antnin fiż-żona ta' Ħabel l-Abjad fiż-Żejtun? Id-dipartiment ser jidħol responsabbli għat-telf li dawn il-bdiewa qed isofru?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li ilma mill-Impjant ta' Sant'Antnin għal Ħabel l-Abjad qiegħed jingħata b'mod regolari, iżda peress li fuq dan il-main hemm ħafna tappings li saru mill-istess bdiewa tal-viċinanza ta' l-istess main, minħabba fihom l-ilma qiegħed ibati biex jasal sal-ġibjun tal-Ħabel l-Abjad meta jiġi ppumpjat.
Tajjeb li jingħad ukoll li l-ilma jiġi ppumpjat mill-impjant ta' Sant' Antnin għal ġo ħames ġibjuni mid-Dipartiment tad-Drenaġġ, filwaqt li d-Dipartiment tal-Biedja hu responsabbli mid-distribuzzjoni ta' l-ilma. It-tappings li diġa' semmejt jinsabu fil-main li jwassal l-ilma mill-impjant għal ġol-ġibjuni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi tip ta' skema għal għajnuna għall-irranġar ta' l-imtieħen tar-riħ peress li dawn huma parti mill-pajsaġġ malti ukoll meta jkollhom xi ħsara, peress li jqumu ħafna sabhiex jittranġaw qegħdin monfok jitneħħew u jiġu sastituiti minn pompi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-Kummissjoni għall-Għajnuna Finanzjarja fi ħdan dan il-Ministeru tilqa' u tikkonsidra talbiet għal għajnuna finanzjarja rigward tiswija u manutenzjoni ta' mtieħen tar-riħ u swieni, sabiex dawn jibqgħu jinżammu fi stat tajjeb u jkun ppriservat l-ambjent naturali ta' pajjiżna. L-għajnuna finanzjarja tikkonsisti f'għotjiet li jkopru l-ispejjeż kollha involuti fil-manutenzjoni ta' dan il-wirt kulturali Malti.
B'referenza għad-diskors li l-Ministru għamel lill-bdiewa fiż-Żebbiegħ nhar it-18 ta' Jannar 2002 dwar it-tneħħija tal-protezzjoni tal-levies tal-Biedja kif jispjega l-fatt li filwaqt li qal li l-protezzjoni tal-levy trid tispiċċa, nidħlu fl-EU jew ma nidħlux, il-Gvern Nazzjonalista jrid jinnegozja ma' l-UE sabiex testendilu d-dritt li Malta tibqa timporta bla protezzjoni li timponi l-UE lill-pajjiżi membri tagħha? Fil-fatt jikkonferma li l-UE għada sallum tiproteġġi l-Biedja tagħha b'dazji, tariffi u kwoti?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant jagħmel sew jekk jiddistingwi bejn il-protezzjoni tal-levies fuq prodotti mkabbra mill-biedja lokali u l-ispecial supply arrangements.
Il-levies jew taxxi fuq prodotti mpurtati mill-Unjoni Ewropea jridu jispiċċaw nidħlu jew ma nidħlux fl-Unjoni Ewropea. Il-Gvern, kif wiegħed fl-aħħar budget se jgħin lis-settur tal-biedja u r-raħħala billi jikkumpensa lill-bdiewa u lir-raħħala għall-varjazzjonijiet fil-prezzijiet ta’ prodotti lokali u dawk impurtati. Mhux biss, permezz tal-pjan għall-iżvilupp rurali mfassal fuq linji gwida ta’ l-Unjoni Ewropea, il-Gvern se jgħin lis-settur tal-biedja jsir aktar multifunzjonali u kompetittiv.
L-ispecial supply arrangements li semmejt qabel huma ntiżi għall-prodotti mpurtati bħal zokkor u qmuħ. S’issa prodotti bħal dawn inxtraw minn swieq internazzjonali, u mhux neċessarjament mill-Unjoni Ewropea. Għalhekk it-talba tal-Gvern Malti għal dan l-arranġament.
Ta’ min ifakkar, iżda, li d-W.T.O. qed timxi fuq pjan li l-varjazzjonijiet fil-prezzijiet bejn pajjiżi jew bejn blokok ta’ pajjiżi jitneħħew fuq perjodu ta’ żmien bl-iskop li jkun hawn prezz internazzjonali wieħed għal kull prodott.
B'riferenza għad-diskors tal-Ministru lill-bdiewa fiż-Żebbiegħ li sar nhar il-Ġimgħa, 18 ta' Jannar 2002, kif jispjega l-fatt il-Ministru li l-UE tista' tiproteġġi l-Biedja tal-pajjiżi membri bi kwoti, dazji u tariffi u tkun konformi mad-WTO u Malta skond il-Gvern Nazzjonalista, ma tistgħax tiproteġġi l-biedja tagħha?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Unjoni Ewropea qiegħda f'diskussjonijiet mad-W.T.O. biex hi wkoll tibda tnaqqas il-protezzjoni fis-settur agrikolu, per eżempju export refunds. Dan jgħodd għall-142 pajjiż msieħba fid-W.T.O., inkluż Malta.
Minn naħa tagħna, Malta se tneħħi gradwalment il-protezzjoni tagħha biex tiġi konformi mal-pajjiżi msieħba fl-Unjoni bl-iskop li tintegra ruħha fl-Unjoni Ewropea. Ovjament, eventwalment titneħħa l-protezzjoni fil-pajjiżi kollha tad-W.T.O. bl-iskop li l-operat ta' dan is-suq isir iżjed ġust għal kulħadd.
Jista' l-Ministru jgħid x'apparat inxtara matul is-sena li għaddiet sabiex ġew immodernizzati l-laboratorji u l-faċilitajiet fil-farm esperimentali f'Tal Kmand?
Kemm kienet tinvolvi l-ispiża ?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-apparatt li nxtara għal-laboratorji u l-faċilitajiet fil-Farm Sperimentali (Għammieri) fis-sena 2001 hu dan:
Apparat Faċilitajiet
Microscope Office Furniture
GPS model Garmin Work Permit
KTG Kjeldatherm Plans
Vegetable Cutter Photocopier
Measuring Wheel
L-ispiża laħqet is-somma ta' Lm2,774.61.
Għala darba l-Gvern Nazzjonalista wara sħubija ta' Malta fl-UE se jdaħħal kwoti, tariffi u dazju fuq l-importazzjoni tal-prodotti ta l-ikel u tal-materja prima ta' l-ikel, kif qed ikun spjegat lill-poplu Malti u Għawdxi li l-protezzjoni tal-Biedja se tispicca?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant jaf tajjeb li l-protezzjoni bil-mod trid tonqos. Id-dinja tal-lum hi dinja ta' liberalizzazzjoni. Quddiem din ir-realta' gvern għaqli jħares 'il quddiem. Għaldaqstant, il-Gvern qed jaħdem b'impenn kbir biex joħloq dawk il-mekkaniżmi u strutturi ta' għajnuna lill-bdiewa biex ma tkunx minsusa l-vijabbilta' tal-mestjier u tas-settur. Bi sħubija ma' l-Unjoni Europea Malta tadotta l-politika esterna tal-biedja ta' l-Unjoni Ewropea kif tkun innegozjata mad-WTO. F'dan l-ambitu wkoll Malta qed tinnegozja special measures għal xi prodotti kif jidher fil-Position Paper li kopja tagħha tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'apparat inxtara matul is-sena li għaddiet sabiex ġew immodernizzati l-laboratorji u l-faċilitajiet fiċ-Ċentru Nazzjonali ta' l-Akwakultura?
Kemm kienet tinvolvi l-ispiża ?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-ispiża ntefqet matul is-sena 2001 biex ikunu mmodernizzati l-laboratorji u l-faċilitajiet fiċ-Ċentru Nazzjonali ta' l-Akwakultura laħqet Lm 2,377. Din kienet tikkonsisti f' xiri ta' dan l-apparat:
2 x Heating Mantles
Carbolite Furnace Regulator
Filter Unit
Conductivity Meter
Histological Equipment
Magnetic Stirrers
Jista' l-Ministru jgħid x'ikkawża l-ħsara fil-pompi tal-ilma tad-drenaġġ biex ħalla ħafna raba fl-inħawi taż-Żejtun, Wied il-Għajn u Ħaż-Żabbar mingħajr ilma għat-tisqija?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant hu mitlub jirriferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jingħata l-ilma għat-tisqija lill-bdiewa fil-Lamborali l/o Daħla ta' San Tumas fiż-Żejtun?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirriferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari numru 32506. Peress li l-ilma qiegħed ibati biex jasal fil-ġibjun tal-Ħabel l-Abjad fil-limiti taż-Żejtun, inħawi bħal m' huma l-Lombardi fil-limiti tad-Daħla ta' San Tumas fiż-Żejtun, qed ibatu minn nuqqas ta' provvista ta' ilma tat-tisqija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-ispiża f'ċifra ta' flus li tħallset f'kera għall-bini li nkera għall-uża tal-Ministeru u jew tad-Dipartiment, kumpaniji, korporazzjonijiet eċċ li jaqgħu taħt id-dekasteru ta' dan il-Ministeru minn għand il-privat matul is-sena li għaddiet?
Response (ZAMMIT, NINU)
Is-sena li għaddçt tħallset is-somma ta' Lm 540.54 għall-bini li nkera mingħand il-privat għall-użu tal-Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd kif ukoll xi Dipartimenti li jaqgħu taħtu. Din is-somma ma tinkludix kera li tħallset lill-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp u lill-Malta Shipbuilding Co Ltd.