Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 26477 u 26263 u jgħid kemm hemm ħaddiema barranin jaħdmu fit-tarzna bħalissa, x'xogħol qed jagħmlu u ta' liema nazzjonalita' huma, u x'inhu t-terminu tal-kuntratt tagħhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid lill-Enemalta tieħu ħsieb li tneħħi l-ħafna wires ta' l-elettriku li hemm ma' ċerti residenzi fi Triq Ortolan, San Ġwann speċjalment dawk fil-kantuniera kif ukoll mal-gallerija tagħhom li jagħtu għal Triq Pelikan, San Ġwann? Dan minħabba d-dehra kerha li qed jagħtu lill-faċċata jew naħa ta' wara tar-residenzi tagħhom li t-tnejn jagħtu għal triqat ewlenin f'dawk l-inħawi ta' San Ġwann.
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret jirriżulta li l-linji li tagħhom hija responsabbli l-Enemalta huma mogħddijin kif titlob is-sengħa.
Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Kontijiet tad-dawl u ilma
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa f'kontijiet tad-dawl u ilma matul is-sena 2006 fil-ministeru u dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (GATT, AUSTIN)
In-nefqa f'kontijiet tad-dawl u ilma fis-sena 2006 fil-Ministeru tiegħi kienet ta' Lm 12,938.32.
Jista' l-Ministru jgħid mis-sistemi eżistenti ta' l-IT kemm fis-settur pubbliku u fl-iskejjel tal-Gvern, kemm minnhom huma tal-kategorija Pentium 1,2,3,4 - socket 423,4 - socket 775 flimkien ma' oħrajn i.e. dual core, AMD etc? Minn dawk Pentium 4 kemm minnhom huma over 2.4 ghz? X'inhi d-distribuzzjoni ta' snin li fuq medda tagħhom inxtraw il-Pentium 4 computers għad-Dipartimenti tal-Gvern u l-iskejjel tal-Istat?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant sa fejn jirrigwardja l-Ministeru tiegħi. L-informazzjoni dwar is-sockets ma tistax tingħata għax m'hemmx fir-records.
Jista' l-Ministru jgħid fejn tibda u tispiċċa r-responsabbilta' rispettiva ta' l-Enemalta u tal-kunsilli lokali fejn jidħol twaħħil u tibdil ta' bozoz fir-rigward ta' dak li huwa street lighting f'żoni residenzjali?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Enemalta hija responsabbli mill-manutenzjoni ta' l-istreet lighting (pole mounted) bl-eċċezzjoni ta' xi ftit toroq arterjali li jaqgħu taħt ir-responsabilita' ta' l-ADT. Rigward ir-responsabilta' tal-Kunsilli Lokali nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jara għaliex anzjan b'diżabilita' li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, la għandu servizz ta' dawl u lanqas ta' ilma? Jista' jingħatalu dan is-servizz? Jista' jiġi nfurmat bl-aħħar żviluppi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-post imsemmi jaqa barra mill-limitu ta' żvilupp. Fil kaz tal-Korporazzjoni għas-Servizz tal-Ilma, din m'għandiex infrastruttura tad-distribuzzjoni tal-ilma f'inħawi msemmija.
Rigward is-servizz tal-eletriku ma jirrizultax li l-applkant qatt applika għal dan is-servizz f'dan l-indirizz.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 26390, 25877 u 26584 u jgħid: Kemm ħaddiema barranin ħadmu fit-Tarzna fl-2005 u 2006? Kemm kienu bħala esperti u kemm bħala ħaddiema? X'kien l-ammont li tħallas lil dawn il-ħaddiema? Kemm hemm ħaddiema fit-Tarzna li għandhom bejn 17-19-il sena, bejn 20-30 sena, bejn 41-50 sena u 'l fuq minn 50 sena?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għal-ewwel, it-tieni u l-aħħar parti tal-mistoqsija.
Għar-rigward ta' l-aħħar parti, l-Malta Shipyards ma tkunx taf kemm attwalment tħallsu l-ħaddiema barranin peress illi dawn jitħallsu direttament mill-Aġenzija barranija li tkun qabbdet il-Malta Shipyards.
Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena kemm kienu l-individwi u/jew ażjendi li l-Malta Industrial Parks Limited infurmat li jridu jitilqu minn Ħal Far u jmorru l-qasam industrijali ta' Ħal Luqa? Jista' jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kundizzjonijiet li qed tesiġi l-Malta Industrial Parks Limited mill-ażjendi nvoluti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex bejn il-ħin li jispiċċaw mix-xogħol u l-bidu ta' l-overtime, l-Maltapost mhux qed tħallashom ta' l-ewwel tletin (30) minuta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lil-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Fid-dawl tal-fatt li l-allowance tat-tfal naqset (għal raġuni jew oħra) b'madwar 35% matul dawn l-aħħar 10 snin, x'inhu jagħmel l-ministeru sabiex jassigura li dawk il-familji li għandhom aktar minn wild wieħed ma jiġux ntaxxati inġustament bis-surcharge fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u dan fl-ispirtu li din is-surcharge hija maħruġa b'mod lineari, hija taxxa tal-konsum u familji numerużi bilfors jikkonsmaw aktar dawl u ilma? Peress li għandna tnaqqis fir-rata' tal-fertilita', kif jista' l-Gvern jinkoraġġixxi lill-koppji Maltin ikollhom aktar ulied, b'din il-miżura anti-familja?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jikkonferma li xi żmien ilu kienet saret inkjesta dwar tender ta' l-IT li l-kumpanija, li isimha qed jintbagħat separatament, allegatament ħadet fl-Enemalta fl-istess żmien li c-chairman tal-kumpanija kien chairman tal-korporazzjoni? Jekk iva, fhiex waslet u x'kienu l-konklużjonijiet ta'din l-inkjesta?
Response (GATT, AUSTIN)
Nikkonferma dak li qal l-Onor. Interpellant fil-mistoqsija tiegħu. Pero' għall-aħħar parti tal-mistoqsija nitolbu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat peress illi l-inkjesta qed issir mill-Avukat Ġenerali fuq talba tal-Prim Ministru wara li jiena tlabt lill-Prim Ministru biex issir l-inkjesta.
Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Ħaddiema ntitolati għall-gazzetti
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma n-nies fil-private staff u d-dekasteru tiegħu ntitolati għall-gazzetti kuljum? Jista' jgħid kemm kienet in-nefqa fuq ix-xiri ta' gazzetti matul is-sena 2006?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li n-nies intitolati ghall-gazzetti huma:
Segretarju Permanenti, Director Corportate Services, Director EU Affairs, Director PD & PI.
Il-Ministru, Personal Assistant, Comm. Co-ordinator, Policy Co-ordinator.
In-nefqa globali kienet ta' Lm3506.98.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa u x'inhuwa l-isponsorship tal-ministeru tiegħu għall-programm dwar l-IT fuq Channel 22? X'editorial control jew input għandu l-ministeru tiegħu f'dan il-programm, direttament jew indirettament?
Response (GATT, AUSTIN)
Hu preżunt li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal ICTv li jidher fuq TVM u fuq Channel 22.Ninsab infurmat li l-Ministeru tiegħi ma jħallas ebda flus u ma jagħmel ebda għotja t’ebda xorta bħala sponsorship għal dan il-programm. Persuni tekniċi impjegati fit-taqsimiet rilevanti tal-Ministeru tiegħi jagħtu kontribut għar-riċerka involuta fit-tħejjija ta’ dan il-programm. Il-Ministeru m’għandux kontroll editorjali fuq x’jixxandar f’dan il-programm.”
Jista' l-Ministru jgħid meta nbdew ix-xogħlijiet f'Misraħ il-Barrieri, l-Msida? Meta mistennija jintemmu? X'miżuri preventivi qegħdin jittieħdu dwar il-fatt li b'konsegwenza ta' dan tfaċċaw konsenturi f'diversi residenzi? Jista' jikkonferma jekk humiex sejrin isiru arranġamenti mal-ministeru konċernat biex meta jitlesta x-xogħol it-triq tiġi asfaltata kif xieraq?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jgħid għal liema xogħolijiet qed jirreferi.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi d-differenza fil-paga u fil-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' l-impjegati bħala loaders ma' l-Air Malta u ta' dawk fl-istess xogħol li huma impjegati tal-kumpannija privata?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Air Malta ma' għandha ebda nformazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema li jaħdmu mal-kumpaniji li jkunu ħadu xi kuntratt mingħandha.
Jista' l-Ministru jinvestiga jekk hux possibbli li fi Triq San Piju X fiz-Zejtun isir xi ħaġa mill-Enemalta minħabba li kull meta jinxtgħelu xi magni li jaħdmu bihom id-dawl jitbaxxa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Enemalta ser tinvestiga dan il-kaz u jittieħdu l-passi necessarji.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq safar inkluż spejjeż ta' lukandi, flights u subsistence allowance fil-ministeru, dipartimenti u entili jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 separatament xahar b'xahar u min kienu l-uffiċjali separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informażżjoni mitluba.