Legislature:
Category:
Reset
Active:

NCPE – Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea — xogħol

Question

Tista’ l-Ministru tagħti informazzjoni dwar ix-xogħol tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) fit-tħejjija għall-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza qiegħda taħdem sabiex oqsma relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi jkunu indirizzati waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari: · L-NCPE organizzat sett ta’ laqgħat ma’ rappreżentatnti tal-EIGE (European Institute for Gender Equality). · L-NCPE qiegħda tipparteċipa wkoll f’kollaborazzjoni mal-EIGE u l-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili biex tiġi żviluppata riċerka dwar l -upscaling of skills tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari n-nisa. Din ir-riċerka tista’ twassal għal iktar diskussjoni dwar dan is-suġġett f’livell Ewropew u għal Council Conclusions f’dan ir-rigward. · L-NCPE hija responsabbli li tmexxi l-laqgħa tal- High Level Group on Gender Mainstreaming li se ssir f’Malta waqt il-Presidenza. · L-NCPE qiegħda tipprepara għat-tmexxija (chairing) ta’ żewġ gruppi tas- Social Questions Working Party . · L-NCPE tagħti wkoll rispons għal dokumenti relatati mal-ugwaljanza fejn għandha x’taqsam il-Presidenza

OHSA – rapporti ta’ ħaddiema li qed jaħdmu b’mod perikoluż

Question

Tista' l-Ministru tgħid, mill-bidu tas-sena, kemm waslu rapporti ta’ ħaddiema li jkunu qed jaħdmu b’mod perikoluż għand l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA)? X’azzjoni tieħu l-OHSA meta jsiru dawn ir-rapporti? Fl-istess żmien kemm kien hemm rapporti ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol, u kemm minnhom kienu fatali?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li mill-bidu ta-sena, l-OHSA rċeviet 301 rapport ta’ ħaddiema li allegatament ikunu qed jaħdmu b’mod perikoluż. Barra minn hekk, l-OHSA rċeviet 653 notifika ta’ korrimenti. Irid jingħad li skont il-liġi, mhux kull korriment hu notifikabbli lill-OHSA. Statistika dwar il-korrimenti kollha tinħareġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika skont informazzjoni miġbura mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali – skont l-aħħar statistika ippubblikata mill-NSO, fl-ewwel sitt xhur tas-sena ġew irrappurtati 1420 korriment. Fl-2016, sal-lum seħħew 7 inċidenti fatali.

Awtorità dwar il-Mediċini — miżuri

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri qed tieħu l-Awtorità dwar il-Mediċini fuq l-aċċess tal-mediċini fil-kuntest tal-Brexit?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-Awtorità dwar il-Mediċini ġie mwaqqaf il-Medicines Intelligence and Access Unit. Dan il-Unit huwa nfurmat mas-sitwazzjoni u qed jassigura l-aċċessibilità tal-mediċini kemm mir-Renju Unit stess kif ukoll minn pajjiżi oħra fl-Ewropa. L-Awtorità dwar il-Medicini qegħdha f’kuntatt kemm mal-Awtorità tal-Mediċini fir-Renju Unit, kif ukoll mall-Aġenzija Ewropeja tal-Mediċini biex tassigura li l-Brexit ma taffettwa bl-ebda mod l-aċċess għall-mediċini. Peress li Malta tuża s-sistema tal-Artikolu 126(a) tad-Direttiva 2001/83/KE u b’hekk toqgħod fuq ir-reġistrazzjoni tal-mediċini f’pajjiżi oħra Ewropej, inkluż mir-Renju Unit, qed jittieħdu miżuri proattivi biex jiġi assigurat li f’Malta ma jkunx hawn nuqqas ta’ mediċini. Tajjeb wieħed jsemmi li xi ftit taż-żmien ilu kien hawn f’Malta il-Kap tal-Aġenzija tal-Mediċini tar-Renju Unit, Dr Ian Hudson, fejn ġie diskuss il-koperazzjoni bejn Malta u Renju Unit dwar il-kwalità, s-sigurtà u l-effikaċja tal mediċini u l-aċċessibiltà għall-mediċini.

Awtorità dwar il-Mediċini – trasferiment tal-uffiċċji għal-Life Science Park

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’effett kellu t-trasferiment tal-uffiċċji tal-Awtorità dwar il-Mediċini għal-Life Sciences Park?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant lit-trasferiment tal-uffiċċji tal-Awtorità dwar il-Mediċini għal-Life Sciences Park jagħti mhux biss post prestiġjuż għall-Awtorità u faċilitajiet aħjar iżda qed jwassal ukoll għal iffrankar ta' madwar kwart ta' miljun Ewro fuq il-kera u kontijiet fuq perjodu ta’ tliet snin.

Awtorità dwar il-Mediċini – uffiċċji f’Londra

Question

Peress li qed jingħad li l-EMA ħa jkollha tiċċaqlaq mill-uffiċċji tagħha f’Londra, tista’ l-Ministru tgħid x'miżuri qed tieħu l-Awtorità dwar il-Mediċini f’dan ir-rigward?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Awtorità dwar il-Mediċini qed tmexxi offerta sabiex tattira l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini biex tiġi relokata f’Malta. Fid-dawl li hemm kompetizzjoni minn numru ta’ pajjiżi biex jiksbu din l-aġenzija, Malta qed tagħmel każ billi tesponi l-vantaġġi li jgawdi l-pajjiż, foshthom ir-reputazzjoni li għandha l-Awtorità tal-Mediċini Maltija fl-Ewropa inkluż il-kapaċitajiet kemm dawk akkademiċi kif ukoll prattiċi li jgawdu l-personnel tal-Awtorità.

Awtorità dwar il-Mediċini – Levonelle u ellaOne — impjantazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fuq liema fatti l-Awtorità dwar il-Mediċini rrakkomandat li l-Levonelle u l-ellaOne ma twaqqafx l-impjantazzjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Awtorità dwar il-Mediċini tat din ir-rakkomandazzjoni abbażi tal-informazzjoni kurrenti li tinsab fid-dokumenti xjentifiċi u uffiċjali ta’ dawn il-mediċini fosthom is-Sommarju tal-Karatteristiċi tal-Prodott.

OHSA – kampanji ta’ spezzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid sarux kampanji ta’ spezzjoni mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) matul l-2015 u tul l-ewwel sitt xhur tal-2016? Jekk saru, liema setturi kienu spezzjonati u x’kien l-eżitu f’kull każ?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmta li matul l-2015, nediet numru ta’ kampanji ta’ nformazzjoni u ta’ spezzjoni fl-uffiċċji amministrattivi tal-Kunsilli Lokali ta’ Malta, f’uffiċċji ta’ kumpaniji tal-gaming u tal-assikurazzjoni, fl-industrija farmaċewtika u f’ ċentri ta’ childcare. Saret ukoll kampanja f’Għawdex li tirrigwarda l-istallazzjoni ta’ tower cranes. Peress li l-OHSA tipprova tispezzjona lill-operaturi kollha fis-settur partikolari, uħud minn dawn il-kampanji ġew finaliżżati matul l-2016. Matul l-ewwel sitt xhur tal-2016, l-OHSA nediet kampanji ġodda f’ristoranti, stamperiji, barrieri, uffiċċji ta’ kunsilli lokali f’Għawdex, f’ workshops tal-inġinerija, u fis-settur tal-kostruzzjoni. L-ewwel ħaġa li tagħmel l-OHSA qabel tniedi kampanja huwa li tinforma lill-operaturi kollha fis-settur bl-iskop tal-kampanja li tkun ser issir u dawk l-oqsma li jkunu ser jingħataw prijorità waqt l-ispezzjoni. Waqt l-ispezzjoni, l-Uffiċċjali tal-OHSA jagħmlu użu ta’ checklist imħejjija mill-OHSA li telenka l-prijoritajiet identifikati. L-eżitu f’kull każ jiddependi jekk ikunux innutati nuqqasijiet jew le - meta jkun hemm nuqqasijiet, l-Uffiċjali jinfurmaw lill-persuna responsabbli b’dawk in-nuqqasijiet u joħorġu ordnijiet skont il-liġi. Wara tittieħed deċiżjoni mill-OHSA skont l- Enforcement Policy tagħha, dwar l-azzjoni li tkun trid tittieħed, u li tista tinkludi l-ħruġ ta’ penali amministrattivi, jew il-bidu ta’ proċeduri fil-Qorti.

BRO – kors ta’ taħriġ għall-periti u l-inġiniera

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra meta l-Building Regulation Office (BRO) ser terġa’ tiftaħ kors ta’ taħriġ għall-periti u inġiniera sabiex ikunu speċjalizzati u awtorizzati li jipproduċu l-energy performance certificate (EPC)?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija lil Ministru kkonċernat.

NGOs li ħadu kuntratti pubbliċi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm għaqdiet mhux governattivi (NGOs) li ħadu kuntratti pubbliċi? Liema huma dawn l-għaqdiet? X’inhu t-tip ta’ xogħol li qed jagħmlu?

Response (DALLI, HELENA)

Peress li NGOs m’għandhomx obbligu li jinformaw lil dan il-Ministeru dwar kuntratti pubbliċi li jidħlu għalihom ma’ Ministeri, Dipartiment jew entitajiet pubbliċi oħra, m’inix f’posizzjoni li nagħti l-informazzjoni mitluba.

Morning After Pill

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'tip ta’ Morning After Pill qed titħalla li tkun importata f'pajjiżna, x'jisimha u min jimmanifatturaha u min għandu liċenzja li jimportaha? Tista’ tippreżenta dokumenti jew data jew informazzjoni xjentifika li fuqha l-Awtorità dwar il-Mediċini wżat biex waslet għad-deċiżjoni tagħha li l-Morning After Pill tkun introdotta f'Malta? Tista’ tgħid jekk l-Awtorità dwar il-Mediċini hijiex f’pożizzjoni li tgħid b’ċertezza assoluta li l-Morning After Pill introdotta f'pajjiżna hijiex it-tip li għandha xi effett li ma tħallix bajda fertilizzata tkun impjantata fl-utru tal-mara?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Awtorita' dwar il-Medicini għadha ma rrikmandatx medicina ta' kontraċezzjoni ta' emergenza biex tidħol f'Malta.

Kumitat Konsultattiv dwar il-Bijoetika

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min huma l-membri tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Bijoetika, x'inhuma l-kwalifiki jew il-karatteristiċi tagħhom li fuqhom ġew magħżula, xi ħlas ta’ kull tip li jirċievu u x'inhu x-xogħol ta' dan il-kumitat?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob lill-Onor, Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija lil Ministru kkoncernat.

Proġett tal-Pjazza ta’ Raħal il-Ġdid — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħol sar fil-proġett tal-Pjazza ta’ Raħal Ġdid minn Ġunju 2016 sal-lum? Tapprezza l-Ministru li dik li kienet waħda mill-isbaħ u fost l-ikbar pjazez f’pajjiżna, il-Pjazza ta’ Raħal Ġdid, ilha minn Jannar li għadda eyesore kbira biċ-chicken wire jdawwar nofsha wara li kienu nqalgħu s-siġar tal-parti t’isfel tal-Pjazza u issa ilha hekk, bla ebda tibdil ta’ xejn, minn Jannar li għadda?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 27352

Proġett tal-Pjazza ta’ Raħal il-Ġdid – programm tax-xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-programm dettaljat tax-xogħlijiet fil-proġett tal-Pjazza ta’ Raħal Ġdid minn issa sal-aħħar tas-sena?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddej ix-xogħol fuq l-aġġudikazzjoni tat-tender għaldaqstant l-iskeda tax-xogħolijiet tkun tista tigi diskussa u imfassla ġa la darba jintgħażel il-kuntrattur li ser ikun qiegħed jagħmel ix-xogħlijiet.

Alternative Dispute Resolution — entitajiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm entitajiet applikaw bħala entità ta’ ADR (Alternative Dispute Resolution) skont l-A.L. 378.18 tal-Liġijiet ta’ Malta? Kemm minnhom ġew aċċettati u f’liema setturi joffru s-servizzi tagħhom?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li entita' waħda applikat bħala entità ta’ ADR (Alternative Dispute Resolution) skont l-A.L. 378.18 tal-Liġijiet ta’ Malta. Din l-entita' toffri servizzi ta' medjazzjoni.

MCCAA – Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) – multi amministrattivi

Question

Tista' l-Ministru tgħid f’kemm-il każ id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) fi ħdan l-MCCAA impona multi amministrattivi minħabba allegat ksur ta’ xi dispożizzjoni tal-Kap. 379 tal-Liġijiet ta’ Malta mill-2011 s’issa sena b’sena? F’kull każ kemm kienet il-multa imposta u jekk din fil-fatt tħallsitx jew le?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li fis-sena 2015, id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) impona multa ta’ €1,000 fuq intrapriza fis-settur tal-edukazzjoni li xekklet l-investigazzjoni tal-Uffiċċju billi damet ma pprovdiet l-informazzjoni mitluba filwaqt li multa ta’ €2,000 ġiet imposta fuq intrapriża oħra fis-settur tal-ikel li naqset li tinnotifika konċentrazzjoni skont regolament 5 tar-Regolamenti dwar il-Kontroll ta’ Konċentrazzjonijiet. L-intrappriżi konċernati ħallsu l-multi imposti.

Pjazza ta’ Raħal Ġdid – proġett — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħol sar minn Jannar 2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija parlamentari in konnessjoni mal-proġett tal-Pjazza ta’ Raħal Ġdid?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lil Onor. Interpellant li, wara konsultazzjoni sħiħa mal-għaqdiet ambjentali u kif mitlub mill-esperti fis-settur ambjentali, f’Jannar li għadda inqalgħu ammont ta’ siġar tal-Ficus li kienu madwar parti mill-pjazza. Dawn is-siġar reġgħu inzergħu b’mod immedjat f’żona oħra fil-lokalità stess. Fl-istess waqt tressqu wkoll l-applikazzjonijiet neċessarji lill-MEPA u bdew jitfasslu t-tenders neċessarji fir-rigward tal-proġett kollu. Il-permess fir-rigward tax-xogħol tal-bini tal-latrina pubblika fi Triq il-Foss ħareġ u beda x-xogħol tat-twaqqieħ u bini mill-ġdid li mistenni li jkun lest fil-ġimgħat li ġejjin. Il-permessi tal-pjazza ġew approvati ukoll u t-tender ġie ppubblikat. Bħalissa dan it-tender jinsab fi stadju ta’ evalwazzjoni. Malli ssir l-evalwazzjoni skont il-proċeduri kollha, mistenni jibda x-xogħol fuq il-Pjazza.

Volkswagen — investigazzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’investigazzjonjiet għamlet l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) dwar il-każ ta’ tagħrif allegatament qarrieqi tal-Volkswagen u x’passi qed jittieħdu biex il-konsumaturi li ġew milquta b’mod negattiv f’Malta, jiġu kkompensati?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-MCCAA flimkien mall-Awtorita’ tat-Trasport pubbliku qed isegwu mill-qrib dan il-każ sabiex il-konsumaturi Maltin li ġew milquta jkollhom il-karozzi tagħhom aġġornati skont il-kuntratt. Għalkemm ma ġewx irreġistrati ilmenti minn konsumaturi Maltin dwar dan il-każ, l-MCCAA xorta waħda qed issegwi mill-qrib x’inhu jiġri f’livell Ewropew. Il-Kummissjoni Ewropeja ġiet mogħtija l-informazzjoni meħtieġ dwar is-sitwazzjoni f’Malta u l-MCCAA se tingħaqad fl-azzjonijiet li se jittieħdu minn pajjiżi oħra Ewropej fejn qed jiġi ikkunsidrat il-kumpens. Wara l-investigazzjonijiet li għamlet, l-MCCAA ġiet infurmata li l-kosumaturi Maltin li xtraw mingħand l-aġent lokali ġew ikkuntatjati sabiex isir it-tibdil neċessarju. M’hemmx indikazzjoni kemm se jdum dan il-proċess għaliex dan jiddependi mir-rispons tal-konsumaturi.

Geo-blocking — pożizzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-Ministeru tagħha dwar il-proposta għar-regolament tal-Unjoni Ewropea dwar il-geo-blocking li ħarget fil-25 ta’ Mejju 2016, l-aktar ukoll għax jidher li din il-prattika tolqot diversi konsumaturi f’Malta l-iżjed meta dawn iridu jixtru online minn pajjiżi membri oħra tal-Unjoni Ewropea (Brussels, 25.5.2016 COM(2016) 289 final 2016/0152 (COD) Proposal for a REGULATION OF THE EUROPEAN PARLIAMENT AND OF THE COUNCIL on addressing geo-blocking and other forms of discrimination based on customers' nationality, place of residence or place of establishment within the internal market and amending Regulation (EC) No 2006/2004 and Directive 2009/22/EC)?

Response (DALLI, HELENA)

Il-pozizzjoni tal-Gvern hija cara kontra diskriminazzjoni ta’ konsumaturi fuq bazi ta’ residenza jew nazzjonalita’ sakemm ma jkun hemmx kriterji oggettivi. Ghaldaqstant il-Gvern jilqa’ l-ghanijiet ta’ din il-proposta izda jrid jara li jkun hemm carezza fir-regoli. Dan biex nassiguraw serhan il-mohh ghal-bejjiegha filwaqt li nghinu lil-konsumatur igawdi aktar mill-beneficcji tas-suq uniku.