Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu rapportati każijiet ta' overdose lill-pulizija bejn il-5 ta' Settembru, 1998 u l-31 ta' Jannar, 1999? Jista' l-Ministru jgħid kemm minnhom kienu fatali? Jista' jgħid ukoll kemm kienet l-eta' tal-persuni nvoluti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Settembru 1998, u Jannar 1999, ġew irrapurtati lill-Pulizija 63 każ ta' overdose. Minn dawn 6 biss kienu kawża ta' abbuż minn droga llegali filwaqt li s-57 l-oħra kienu kawża ta' abbuż minn mediċini. Żewġ overdoses kienu fatali u l-etajiet tal-persuni li mietu kienu ta' 22 u 39.
09.02.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm trid tkun ilha Malta persuna fi stat ta' refuġjat sabiex tkun tista' taħdem? Biex jgħixu dawn il-persuni li lanqas permess ma jaħdmu ma jkollhom? Kemm hawn refuġjati Malta? Kemm ilhom Malta?
Response (BORG, TONIO)
Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-refuġjati huma fl-istess pożizzjoni ta' barranin oħrajn li jitolbu permess għax-xogħol.
Għaldaqstant jekk issir applikazzjoni għall-ħruġ ta' liċenzja ta' impjieg lill-persuna li tkun ingħatat 'refugee status', din tista' tintlaqa' favorevolment jekk ix-xogħol involut ikun speċjalizzat, ma jkunx hemm Maltin biex jagħmlu dan ix-xogħol u l-persuna jkollha r-rekwiżiti meħtieġa.
Tajt struzzjonijiet biex f'dan il-każ il-persuna konċernata xorta waħda tibqa' żżomm l-istatus ta' refuġjat, jiġifieri, ma jkollhiex għalfejn tirrinunzja għal dan l-istatus, kif kien isir qabel.
Rigward il-kumplament tal-Mistoqsija ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hu l-Uffiċċju ta' l-UNHCR li jieħu ħsieb l-interessi ta' refuġjati f'Malta.
09.02.99
Jista' l-Ministru jispjega għaliex oriġinarjament il-permess tal-barriera bin-Nru. 7412/97 kien sejjer jinħareġ mingħajr il-kondizzjoni "subject to third party rights" ġaladarba l-awtorita' kienet taf li l-proprjeta' hija tal-Knisja? Għaliex l-awtorita' ma talbitx lill-applikanti jiksbu l-permess tas-sidien sabiex ikunu jistgħu jipproċessaw l-applikazzjoni tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li kull permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar joħroġ ' saving third party rights' anki jekk din il-kundizzjoni ma tkunx speċifikata bil-mitkub. Dan minħabba li l-Awtorita' tiddeċiedi fuq il-mertu tal-każ għal dak li jirrigwarda l-aspett ta' ippjanar u mhux dwar l-ownership ta' l-art.
09.02.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk dan il-Gvern biddilx il-policy tiegħu li x-shore line tista' tingħata lill-privat billi fil-każ ta' l-applikazzjoni Nru. 7412/97 l-awtorita' ma mponiet ebda restrizzjoni dwar l-użu tax-shore line bħalma tagħmel is-soltu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ma bidlet l-ebda policy dwar dan il-każ li qed jirreferi għalih fil-Mistoqsija. Fil-fatt il-permess tal-barriera approvat mill-Planning Authority huwa għal qtugħ ta' blat sa distanza ta' madwar 75m 'il bogħod mill-baħar. Il-konfini eżatti huma mmarkati fuq il-pjanta annessa mal-permess.
09.02.99
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-applikazzjoni Nru. 7412/97 tpoġġiet fuq il-fast track sabiex tiġi approvata f'qasir żmien?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni PA 7412/97 ma tpoġġietx fuq 'fast track' u ma kelliex prijorita'. Din l-applikazzjoni ġiet sottomessa fil-31 ta' Diċembru, 1997, u ġiet reġistrata bħala valida fl-20 ta' Jannar, 1998. L-applikazzjoni kienet suġġetta għal environmental impact assessment u t-terms of reference intbagħtu lill-applikant fl-4 ta' Ġunju, 1998. L-EIA ġie sottomess fis-6 ta' Settembru, 1998 u ġie approvat fit-2 ta' Ottubru, 1998. L-applikazzjoni ġiet determinata mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar fit-22 ta' Ottubru, 1998.
09.02.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx investigazzjoni dwar jekk kienx hemm xi konflitt ta' interessi, billi l-perit li kien inkarigat mill-EIA ftit taż-żmien ilu kien ukoll il-kap tal-minerals section li hija responsabbli mill-barrieri kollha u llum huwa membru tal-bord ta' l-appell ta' l-awtorita'?
X'kient ir-raġuni li l-awtorita' aċċettat li dan isir biss fid-dry season, meta l-istess awtorita' rrifjutat applikazzjoni oħra minn persuni oħra għaliex fl-EIA preċedenti kienet sabet pjanta endemika fl-istess post li hija unika għal pajjiżna, jekk mhux fil-Mediterran?
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-awtorita' kkonsultatx fuq dan ma' l-EIA preċedenti?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellanti jagħti aktar dettalji dwar il-każ li qed jirreferi għalih.
09.02.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' reati rrapportati lill-pulizija sena b'sena fl-aħħar għaxar snin? Kemm kien hemm xahar b'xahar is-sena li għaddiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant hu kif jidher fiż-żewġ Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
08.02.99
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 2683?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 2683 hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninsab infurmat ukoll li ħadd mill-impjegati ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar mgħandu karozza u car allowance fl-istess waqt. In-numru ta` karozzi u xufiera impressed huwa ta` 22.
08.02.99
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 2684?
Response (BORG, TONIO)
Id-dettalji tal-kundizzjonijiet, benefiċċji u bonuses kuntrattwali li għandhom il-membri tal-Management tad-Direttorat ta' l-Ippjanar huma skond il-Ftehim Kollettiv li kopja tas-sezzjoni relevanti qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-Performance Bonus għal gradi tal-Professjonisti huwa wkoll regolat mill-Ftehim Kollettiv u jammonta sa massimu ta' 15% tas-salarju annwali. Fil-każ tal-Clericals & Technicals, il-massimu huwa ta' żieda waħda fl-increment. Il-proċess jinvolvi differenzi bejn il-ħaddiema skond il-Performance Review. Wara li jitestew il-Performance Reviews u jsiru rakkomandazzjonijiet għal bonus, dawn jiġu mgħoddija lill-Bord għal approvazzjoni. Mhux fl-interess ta' sistema ta' performance review li d-dettalji tal-bonuses jiġu ppublikati għax jista' jservi biex joqtol l-inċentiv ta' dawk l-impjegati li jaħdmu tajjeb filwaqt li jkun kontro produċenti għall-oħrajn.
08.02.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-każi ta' serq irrapportati lill-pulizija minn knejjes jew istituzzjonijiet reliġjużi, xahar b'xahar bejn Settembru 1998 u Jannar 1999?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' każi ta' serq minn knejjes jew istituzzjonijiet reliġjużi li ġew irrapurtati lill-Pulizija, xahar b'xahar, bejn Settembru 1998, u Jannar 1999,
kienu kif ġej : -
Xahar Każi
----- ----
Settembru 4
Ottubru 14
Novembru 9
Diċembru 3
Jannar 4
08.02.99
Jista' l-Ministru jgħid, mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-31 ta' Jannar, 1999 kemm kienu rrapportati xahar b'xahar każijiet ta' stupru, korruzzjoni ta' minorenni u attentati fuq il-pudur?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' offiżi li speċifika l-Onorevoli Interpellant kien kif ġej : -
Xahar u Sena Stupru Korruzzjoni ta' Attentat fuq
Minorenni il-pudur
Settembru 1998 xejn 2 3
Ottubru 1998 xejn 1 2
Novembru 1998 1 1 1
Diċembru 1998 xejn xejn xejn
Jannar 1999 2 xejn xejn
08.02.99
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li s-seduta tat-28 ta' Ottubru, 1998 ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanr, li kienet qegħda tiltaqa' għall-aħħar darba ltaqgħet fil-pubbliku? Jista' l-Ministru jikkonferma li din l-aħħar seduta kellha ssir fil-magħluq?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill Onorevoli Interpellant għall-Art 13 (5) ta` l-Att dwar l-Ippjanar ta` l-Iżvilupp u għall-Art 8 ta` l-ewwel skeda ta` l-istess Att li jistipula meta laqgħa tal-Bord tinżamm fil-pubbliku.
Ninsab infurmat li l-Bord ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ma ltaqax fit-28 ta` Ottubru, 1998. L-aħħar laqgħa tal-Bord il-qadim saret fit-2 ta` Ottubru, 1998, li matulha ġew approvati l-minuti tal-laqgħa ta` qabel, u dan qabel ma l-Bord aġġorna sine die.
08.02.99
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar il-bini bla permess ta' kamra li tinsab fil-korsa tal-Marsa u li tagħti ġo Racecourse Street, Marsa quddiem London Yard?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li appena s-Sezzjoni ta' l-Infurzar ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar saret taf bl-iżvilupp in kwestjoni, inħareġ Stop and Enforcement Notice (ECF 23/99) fil-15 ta' Jannar, 1999, liema Avviż ġie servut direttament lil persuna nkarigata minn dan ix-xogħol. Sussegwentement, l-istess persuna ssottomettiet applikazzjoni (PA 356/99) sabiex tissanzjona dan l-iżvilupp.
Is-Sezzjoni ta' l-Infurzar dwar l-Ippjanar ser tibqa' ssegwi l-każ sakemm jiġi eżawrit il-proċess kollu skond il-Liġi.
08.02.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm għaddiet flus l-Awtorita' ta' l-Ippjanar lill-Gvern minn dak li tiġbor l-istess awtorita' bħala contribution fee fuq permess ta' bini għas-snin 1993, 1994, 1995, 1996, 1997 u 1998?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-ammont ta' flus li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għaddiet lill-Gvern minn contribution fees fuq permessi ta' bini li jinġabru mill-istess Awtorita' għas-snin speċifikati mill-Onor. Interpellant kien kif ġej : -
Sena Ammont
---- ------
1993 Lm 1,183,239
1994 Lm 1,558,260
1995 Lm 1,362,969
1996 Lm 914,589
1997 Lm 1,042,731
1998 Lm 1,126,574
08.02.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk ingħatawx rigali lil xi individwi fl-okkażjoni tal-Milied 1998? Jekk ingħataw, jista' l-Ministru jgħid lil min ingħataw u x'kienet ir-raġuni ta' l-għażla ta' dawn l-individwi? Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet tlaħħaq l-ispiża totali?
Response (BORG, TONIO)
Ma ngħataw ebda rigali lill-individwi fl-okkażjoni tal-Milied 1998.
03.02.99
Ta' Xbiex — Triq Ġużeppi Cali - Tibdil strutturali
Question
Billi fit-tarf ta' Ġuseppe Cali Street, Ta' Xbiex lejn in-naħa tal-ġnien tal-Gżira qed isir xi tibdil strutturali ġo dar li qabel kienet residenzjali, jista' l-Ministru jgħid x'użu se jsir mid-dar in kwestjoni wara li jispiċċa x-xogħol? Jekk l-użu se jkun ta' tip kummerċjali u m'hemmx fejn jiġu pparkjati aktar karozzji f'din iż-żona, għaliex qed joħorġu permessi ta' dan it-tip mill-Planning Authority ġewwa Ta'Xbiex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li dwar is-sit li qed jagħmel referenza għalih l-Onor. Interpellant hemm permess li nħareġ fit-2 ta' April, 1998, sabiex titwaqqa' d-dar eżistenti u jinbnew basement għall-karozzi, l-ewwel sular biex jintuża bħala showroom u żewġ sulari oħra għall-użu bħala uffiċini. Fil-11 t'Awissu, 1998, saret applikazzjoni sabiex jinbidel l-użu minn residenza għal waħda ta' insurance offices. Din l-applikazzjoni għada qiegħda tiġi pproċessata.
03.02.99
Billi ġo Ta' Xbiex speċjalment lejn in-naħa t'isfel ta' Abate Rigord Street u lejn in-naħa tal-vilel qed isiru ħafna conversions minn bini residenzjali għal wieħed kummerċjali, u li qed jirriżulta fi problemi kbar bħal residenti u anke għat-traffiku, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem il-Planning Authority għal dan it-tip ta' tibdil f'użu? Kemm ħarġu permessi ta' dan it-tip fl-aħħar għaxar snin? Huwa l-ħsieb li jibqgħu joħorġu permessi ta'dan it-tip?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat l-Awtorita' ta' l-Ippjanar iddeċidiet 5 applikazzjonijiet għall-bdil f'użu minn bini residenzjali għal wieħed kummerċjali fi Triq Abate Rigord, Ta' Xbiex. Minn dawn l-applikazzjonijiet, tnejn minnhom għandhom l-entratura minn toroq sekondarji u side elevation fuq Triq Abate Rigord. L-Awtorita' għandha applikazzjoni waħda pendenti fl-imsemmija triq li tikkonsisti fi bdil ta' użu minn basement għall-arkivji ta' uffiċini eżistenti.
Dwar il-ħruġ ta' permessi futuri ta' dan it-tip fiż-żona ndikata, kull applikazzjoni tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-policies vigenti ta' l-Awtorita'.
03.02.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ċittadini Maltin u persuni barranin li jgħixu f'Malta li ġew irrapportati lill-pulizija bħala nieqsa matul dawn l-aħħar ħames snin? X'investigazzjonijiet saru u qed isiru mill-pulizija? Kemm kien hemm persuni taħt it-18-il sena fost il-persuni rrapportati nieqsa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1994 u l-1998 ġew irrapurtati lill-Pulizija, 847 persuna nieqsa. Minn dawn, 189 kienu taħt it-tmintax il-sena filwaqt li 9 persuni biss minnhom baqgħu ma nstabux. Fejn il-persuna tibqa' ma tinstabx, il-Pulizija testendi l-investigazzjoni tagħha anke barra minn Malta, permezz ta' l-Interpol.
03.02.99
Fid-dawl ta' rapporti li dehru fl-istampa, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx żviluppi x'tirrapporta dwar il-qtil ta' Shqaqi li kien sar f'Malta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-każ li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant huwa suġġett ta' inkjesta maġisterjali u l-investigazzjonijiet dwaru għadhom għaddejjin. Għaldaqstant, ma huwiex opportun li tingħata xi nformazzjoni dwar dan il-każ.
03.02.99