Jista’ l-Ministru jgħid għaliex Triq il-Lanċa fil-Belt Valletta minn one-way ġiet maqluba għal two-way? Min ħa din id-deċiżjoni? Id-Direttorat responsabbli mit-traffic management u road safety fi ħdan Transport Malta kien ikkonsultat qabel ma ttieħdet din id-deċiżjoni? Il-wisgħa ta' din it-triq minn tarf ta' bankina għall-ieħor tippermetti għal sistema ta' two-way traffic? Kif kien affetwat il-parkeġġ f' din it-triq? Il-Kunsill Lokali kien ikkonsultat qabel ma din it-triq ġiet two-way?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta approvat u mplimentat il-miżura li t-traffiku fi Triq il-Lanċa issir fiż-żewġ direzzjonijiet (two way) sabiex, għal raġunijiet ta’ sigurtà, ikun hemm żewġ aċċessi mix-Xatt tal-Belt, wieħed għal Triq San Mark u l-ieħor għal Triq San Bastjan. Din il-problema ta' sigurta’ ġiet diskussa mad-Dipartiment għall-Immaniġġjar tat-Traffiku li sussegwentament ħejja l-pjanti neċessarji għall-implimentazzjoni. Parti mill-parkeġġ ta' din it-triq tneħħa sabiex jippermetti vetturi jgħaddu miż-żewġ direzzjonijiet opposti tat-traffiku fil-parti fejn m’hemmx visibilita’ ta' xulxin tal-vetturi opposti (forward visibility). Fejn hemm visibilita’, it-traffiku huwa regolat bit-tabelli tat-traffiku li jistipulatw il-prijorita'. Minħabba li parti mill-parkeġġ ta' din it-triq tneħħa, ġie rivedut id-disinn tal-parkeġġ tal-akwata kollha fejn ser jiżdiedu l-parkeġġi li ġew imneħħija u tali xogħlijiet ser jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin. Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta ġie kkonsultat fid-9 ta' Awissu 2013.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-customer care kemm tal-Ministeru kif ukoll ta' Transport Malta iżommux id-dettalji ta' min iċemplilhom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji ta’ min iċempel lill-customer care jinżammu skont it-tip ta’ telefonata minħabba data protection. F’każ li ċ-ċittadin iħalli d-dettajli minn jgħeddu, dawn jinżammu sakemm l-ilment ikun solvut.
Ministeru/Transport Malta – azzjonijiet fis-sistemi tat-traffiku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hix il-prassi tal-Ministeru tiegħu kif ukoll ta' Transport Malta illi jieħdu azzjonijiet fil-konfront ta' sistemi ta' traffiku u parkeġġi abbażi ta' telefonati anonimi anke jekk tali deċiżjoni tkun tmur kontra x-xewqa tal-kunsill li fil-konfini tiegħu tkun se tittieħed tali azzjoni?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux il-prassi li Transport Malta tieħu azzjonijiet fil-konfront ta' sistemi tat-traffiku u parkeġġi abbażi ta' telefonati u xejn aktar. Kull telefonata, kumment jew suġġeriment, jiġi analizzat mill-Awtorita' u jekk tali telefonata, kumment jew suġġeriment ikunu ġustifikati tittieħed l-azzjoni neċessarja. Ninfurmah ukoll li kull kunsill ikun infurmat minn qabel rigward id-deċiżjoni li tista’ tiġi meħuda jew li tkun qed tiġi kkontemplata mill-Awtorita'.
Baġit 2014 — Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura – vot għal kiri
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'se jikri s-sena li ġejja l-Ministeru tiegħu peress illi fl-estimi ġenerali li ġew ippreżentati fil-baġit (pagna 173, line 24) hemm spiża ta' €373,000 mentri fl-estimi ġenerali tas-sena ta' qabel l-ispiża kienet ta' €2,000 biss?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-figura globali għall-kiri fl-Estimi Ġenerali tal-2013 li ħareġ fl-2012 u li kien ikopri l-MRRA kienet ta’ €675,000. Wara d-9 ta’ Marzu 2013, l-MRRA inqasam prinċipalment fl-MTI,l-MSDEC u l-MECW. Konsegwentament l-ammont relatat għall-kiri ġie maqsum bejn it-tliet Ministeri.
Għalkemm il-valur f’kiri differenti għall-MTI fl-estimi oriġinali kien ta’ €2000 din iċ-ċifra wara ġiet ratifikata mill-Ministeru tal-Finanzi abbażi tal-ammont debitat lill-MTI għas-sena 2013.
S’issa l-Ministeru jista’ jgħid li s-sena li ġejja bi ħsiebu jikri l-istess positjiet li kien qed jikri għas-sena 2013.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta hux qed jippjana li jinstalla traffic lights maż-zebra crossing fi Triq Tas-Sliema, il-Kappara?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pedestrian crossing li hemm approvata fi Sliema Road, San Ġwann, hija zebra crossing u mhux pelican crossing u għalhekk mhux ser jitwaħħlu traffic light beacons magħha.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – Whistleblowing Reporting Officer
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi grad għandu l-Whistleblowing Reporting Officer li ġie appuntat fil-Ministeru tiegħu? Min hu/hi l-Whistleblowing Reporting Officer u x’taħriġ ingħata/t?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l- Whistleblowing Reporting Officer għal- Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura hija Avukata fl-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti.
Huwa ppjanat li jingħata taħriġ lill-
Whistleblowing Reporting Officer
fil-jiem li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm bħalissa huwa t-total tan-numru ta’ reserved parking bays quddiem djar privati għal persuni b’diżabilità madwar Malta u Għawdex?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru totali ta’ kaxxi riservati għal persuni b’diżabbilta’ quddiem ir-residenzi privati tal-persuni b’diżabbilta’, madwar Malta u Għawdex, huwa ta’ 2044.
Servizz tat-trasport pubbliku – rotta bejn is-Swieqi u l-Madliena
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fir-reviżjoni tar-rotot tat-trasport pubbliku li bi ħsiebu jagħmel fil-futur qarib, hux se jinkludi rotta li mis-Swieqi twasslek għall-Madliena?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 5860.
Servizz tat-trasport pubbliku – rotta bejn is-Swieqi u l-Belt
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fir-reviżjoni tar-rotot tat-trasport pubbliku li bi ħsiebu jagħmel fil-futur qarib, hux se jżid il-frekwenza tal-karozzi tal-linja li mis-Swieqi twasslek il-Belt peress illi r-rotta eżistenti hi kull siegħa?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 5860.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan illi Transport Malta tintroduċi skema ta' parkeġġ għar-residenti tas-Swieqi peress illi din il-lokalità tintuża għall-parkeġġ minn diversi persuni li jiffrekwentaw Paceville b'mod regolari speċjalment fi tmiem il-ġimgħa u għalhekk ir-residenti ma jsibux fejn jipparkjaw f'dawn il-ġranet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ħejjiet Parking Management Policy ġdida li ser tiġi mnedija fil-futur qrib bl-iskop li jinbeda l-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika. Sussegwentament, il-Kunsill Lokali tas-Swieqi u l-Awtorita’ jkunu f’pożizzjoni li jevalwaw talbiet speċifiċi relatati ma’ parkeġġ ikkontrollat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux ipprogrammat illi jsir ix-xogħol meħtieġ biex il-pavimentar taz-zuntier tal-knisja tas-Swieqi jiġi mibdul? Jekk fl-affermattiv, kemm hu stmat li ġej jiswa dan ix-xogħol? Meta hemm il-ħsieb li jibda u jispiċċa dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ngħarraf lill- Onor. Interpellant li din it-talba qed tiġi ikkonsidrata flimkien ma’ talbiet oħra għall-pjanijiet futuri ta’ xogħol tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet.
Jista’ l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li minkejja vot li ttieħed fil-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta biex ma jsirx parkeġġ fi Triq Melita, xorta twaħħlu sinjali ta’ Transport Malta li juru li jista’ jsir parkeġġ? Għaliex Transport Malta ħadet din id-deċiżjoni minkejja li tmur kontra r-rieda tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta? Min ħa din id-deċiżjoni? Id-direttorat responsabbli mit-traffic management u road safety kien ikkonsultat qabel ma Transport Malta ħadet din id-deċiżjoni? X' kienet ir-rakkomandazjoni ta' dan id-direttorat?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-16 ta' Settembru 2013 Transport Malta talbet lill- Kunsill Lokali tal-Belt Valletta għal kummenti rigward it-talba li waslet għand il-Ministeru tat-Trasport mibgħutha minn residenti sabiex isir parkeġġ f'parti minn Triq Melita matul il-lejl. Minħabba l-inkonvenjenza li kienu qed ikollhom ir-residenti tal-Belt, l-Awtorita’ talbet lill-kunsill risposta fi żmien ħamest ijiem mid-data tal-ittra inkella l-kunsill seta’ jitlob estensjoni ta' dan il-perjodu ta' ħamest ijiem. Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta ma bagħat l-ebda oġġezzjoni fiż-żmien stipulat u lanqas ma talab għal estensjoni u għaldaqstant, hekk kif kien hemm miktub fl-ittra li bagħtet l-Awtorita’, l-istess Awtorita’ fehmet li l-kunsill ma kellux oġġezzjoni. Fil-fatt, fit-23 ta' Settembru 2013, wara l-għeluq tal-perjodu ta' ħamest ijiem, il-kunsill talab għal kjarifika u xorta ma għamel l-ebda talba għal estensjoni tal-perjodu u lanqas ma għamel l-ebda referenza għal xi oġġezzjoni. Id-Direttorat tal-Immaniġġar tat-Traffiku ntalab sabiex jimplimenta tali talba tar-residenti tal-Belt Valletta. Il-Kunsill Lokali tal-Belt bagħat l-oġġezzjoni tiegħu fit-3 ta' Ottubru 2013 meta ix-xogħlijiet kienu diġa ġew ordnati għall-implimentazzjoni. Ta’ min ifakkar li din it-triq kellha tinqala’ mill-ġdid mill-Gvern preżenti wara inqas minn sena li kien tlesta ix-xogħol fuqha mill-amministrazzjoni preċedenti. Peress li kien leħaq skada il-perjodu li matulu il-kuntrattur seta’ jinżamm responsabbli għax-xogħol li għamel, l-ispiża li qabbżet il- Eur100,000 biex isir dan ix-xogħol mill-ġdid kellhom jitħallsu minn Transport Malta. Il-Ministeru tiegħi ried jiżgura li x-xogħol jitlesta fi żmien aċċettabli u fil-fatt dan tlesta ġimgħatejn qabel ippjanat.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 6021, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn jinstabu lokalità lokalità, triq triq il-każijiet indikati bħala l-każijiet li nbidlu wara Marzu 2013?
Response (MIZZI, JOE)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura – kuntratt ta’ individwu
Question
Jista’ l-Ministru jippubblika l-kuntratt li għandu l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li jagħti s-servizzi tiegħu lis-Segretarjat tal-Ministru? Jista’ jgħid kif ġie ingaġġat? Jista’ jgħid jekk l-individwu jew il-kumpanija tiegħu qattx taw konsulenza jew xi servizzi oħra lill-Ministeru oltre minn dak li qed jagħti l-individwu fis-Segretarjat? Jekk iva, saret sejħa għall-offerti u kemm hu l-valur tax-xogħol li sar sal-lum?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jidhru separatament ġie ingaġġat biex jagħti s-servizzi tiegħu bħala Projects Management Consultant lill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura biex jara li numru ta’ proġetti li kienu waqgħu lura taħt l-amministrazzjoni preċedenti – fosthom il-Proġett ta’ Bormla magħruf bħala ta’ Dock 1, triqat li kienu tħallew fi stat ta’ telqa, il-Proġett tal-Kappara Junction, kif ukoll il-Proġett Nazzjonali ghat-Taffija tal-Għargħar – ingħataw spinta ‘l quddiem u b’hekk fondi allokati mill-Unjoni Ewropeja ma jintilfux. Nikkonferma li dan l-individwu ma tax konsulenzi jew servizzi oħra oltre dak li qed jagħti lill-Ministeru. Bħalma kienet il-prassi tal-amministrazzjoni preċedenti, ċertu informazzjoni li titqies bħala kummerċjalment sensittiva jew b’xi mod tmur kontra l-privatezza tal-individwu, ma jkunx prudenti li titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Kappara Amministrattiv tal-Kappara – taħditiet ma’ Transport Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta’ taħditiet ta’ Transport Malta mal-Kappara Amministrattiv tal-Kappara (KAK) u jekk instabux xi soluzzjonijiet għat-talbiet tal-kumitat?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta biex tkun aktar ċara dwar l-informazzjoni li għandha bżonn.
Jista’ l-Ministru jivverifika jekk Transport Malta għamlitx l-istudju neċessarju biex tiddeċiedi jekk Triq il-Gardell, il-Kappara issirx one-way jew tibqax two-way? Jekk iva, x’jirriżulta mill-istudju li sar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li Transport Malta kienet analizzat il-proposta tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann sabiex id-direzzjoni tat-traffiku fi Triq il-Gardell tiġi f’direzzjoni waħda. Saru konsultazzjonijiet pubbliċi rigward din il-proposta tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann u sussegwentament intbagħtet petizzjoni mir-residenti tal-inħawi fejn oġġezzjonaw għal tali proposta. L-Awtorita’ qed tanalizza sewwa dawn l-oġġezzjonijiet u l-analiżi oriġinali ta’ din il-proposta ser tiġi aġġornata sabiex jiġi żgurat li kull aspett ġie analizzat.
Dipartiment tal-Artijiet – permessi għall-billboards proviżorji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm permessi maħruġa minn Transport Malta għall-billboards proviżorji madwar Malta u Għawdex? Jista’ jagħti l-postijiet fejn jinsabu, għal kemm żmien inħareġ u l-permessi ta’ kull billboard?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li Transport Malta ma toħroġx permessi ta’ billboards proviżorji fuq it-triq.
Jista’ l-Ministru jara li t-triq (forma ta’ rampa) li hemm quddiem il-proprjetà li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament tiġi rranġata għax fil-proprjetà joqogħdu żewġ anzjani u mhux l-ewwel darba li waqgħu f’din il-parti tat-triq minħabba l-istat ħażin li tinsab fiha?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq imsemmija mhix arterjali jew distributorja għaldaqstant il-manutenzjoni ma taqax taħt ir-responsabbilta’ ta’ Transport Malta. Madanakollu bħal ma jsir f’kull każ, lest li nagħti il-kontribut sħiħ tiegħi u niġbed l-attenzjoni ta’ dawk ikkonċernati.