Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet għal card phone booths ġodda f'Ħal Tarxien?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li bħalissa hemm talba waħda biex titwaħħal cardphone fi Triq Santa Marija f'Ħal Tarxien. Din it-talba intlaqgħet u qed jittieħdu l-passi meħtieġa biex din titwaħħal fit-triq imsemmija. Tajjeb jingħad li minbarra din it-talba, hemm tmien cardphones imqassmin f'diversi partijiet ta' Ħal Tarxien.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 9138?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nissuħħerixxi lill-Onor. Interpellant jaqra il-kuntratt b'attenzjoni. Jidher li ma ndunax li skond it-termini tal-kuntratt stess, awtomatikament ġiet fis-seħħ estensjoni ta' sitt xhur mill-31 ta' Mejju 1999.
B'din l-estensjoni, klawsola 3 u l-bqija jagħmlu sens u mhux kif ġew interpretati fid-domanda.
Infakkar ill-Onor. Interpellant li dan il-kuntratt sar b'dan il-mod minħabba kif mexa ma' dan l-individwu il-Bord ta' qabel, meta bil-miktub wegħdu kuntratt ta' impjieg li baqa ma ngħatatx wara li minħabba din il-wegħda irtira applikazzjoni għal post ieħor tal-Korporazzjoni.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 9163, jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet li fadal isiru fir-rehabilitation ta' Wied is-Sewda humiex se jitkomplew mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma peress li permezz ta' dawn ix-xogħlijiet jiġi mnaqqas ir-riskju tal-kontaminazzjoni ta' l-ilma fil-pumping station u l-galleries f'Tal-Ħlas, l/o Qormi?
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 9171?
Response (BONNICI, JOSEF)
Iċ-Chairman tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għandu salarju ta' Lm12,000 fis-sena u Lm3,000 oħra bħala allowance.
Kif diġa għidt fit-tweġiba għall-mistoqsija 8935, iċ-Chairman tal-Korporazzjoni qed igawdi mill-istess benefiċċji li normalment kien igawdi ċ-Chairman ta' qabel li prinċipalment jikkonsistu fi ħlas ta' mobile phone u fuel għall-karozza.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 9173?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-kumpanija msemmija ingħatat il-kuntratt wara sejħa għall-offerti li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kienet ħarġet fil-5 ta' Marzu 1999 u li kienet għalqet fil-5 ta' April 1999. Din is-sejħa għall-offerti kienet intitolata 'Tender for the Geocoding of around 20,000 premises and the development of a related software tool' u ntrebħet għall-valur ta' Lm49,968 taxxa nkluża.
Kif inhu spjegat sew fl-ispeċifikazzjoni tat-tender, il-proġett jikkonsisti f'żewġ aspetti:
L-ewwel aspett huwa l-Geocoding ta' kull bini li hemm f'Għawdex. F'dan il-proċess, il-bini jiġi marbut ma punt fuq sistema tal-GIS. Issir ukoll link bejn il-bini li għandu servizz ta' l-ilma u l-billing database tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
It-tieni aspett huwa software li għandu jinkiteb biexjagħti lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta'l-Ilma l-faċilita li tqabbel konsum ta' l-ilma taz-zoni tagħha mal-konsum tan-nies li jgħixu ġoz-zona. B'hekk, toħroġ l-unaccounted for water għal kull zona. Il-valur ta' dan huwa ovvju.
Jista' l-Ministru jagħti l-lista ta' kuntratturi li bħalissa qegħdin jagħmlu x-xogħol ta' bdil ta' mains u house connections għal Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma?
Kemm hu l-ammont ta' flus dovut lil dawn il-kuntratturi għax-xogħol li wettqu outstanding payments sal-lum?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 9222?
Response (BONNICI, JOSEF)
Meta investitur jixtri ishma f'kumpanija irid iqis bir-reqqa diversi fatturi. Dawn jinkludu dettalji dwar l-operat ta' l-istess kumpanija, iżda wkoll tagħrif ġenerali dwar is-settur li fih il-kumpanija topera u dwar xejriet fl-ekonomija li jistgħu ikollhom impatt fuq dak is-settur.
Il-monopolju lill-Maltacom tgawdi f'ċerti oqsma tat-telekommunikazzjoni huwa aspett sinjifikattiv tas-sitwazzjoni attwali tal-Maltacom, iżda jibqa biss kunsiderazzjoni waħda, fost diversi fatturi oħra, li investituri prospettivi riedu jqisu qabel jiddeċiedu jekk jixtrux ishma fil-Mlatacom.
It-tagħrif mogħti lill-investituri prospettivi, fl-hekk imsejjaħ IPO document, kien jinkludi dettalji speċifiċi dwar il-monopolju tal-Maltacom iżda l-istess document kien jaċċenna b'mod ċar wkoll għall-fatt li setgħu iseħħu żviluppi li setgħu iwasslu sabiex dan il-monopolju jiġi mitmum qabel l-2010.
Tista' l-Enemalta tara li jsir shade fuq in-naħa ta' ġewwa tal-bozza li hemm mal-faċċata tar-residenza "Gloria Joseph House", Bishop Zahra Street, Żejtun biex id-dawl ma jibqax jidħol fuq ġewwa speċjalment fix-xhur tas-sajf meta wieħed iħalli it-twieqi miftuħin?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li x-xogħol biex jitwaħħal shade mal-bozza msemmija għandu jsir flimkien ma' xogħolijiet oħra.
Jista' l-Ministru jgħid: a) wara l-bejgħ tal-Mid-Med Group lill-HSBC, min huma x-shareholders tal-Maltapost u kemm għandhom percentage shareholding; b) min huma d-Diretturi tal-Bord tal-Maltapost p.l.c. u minn liema shareholder ġew nominati; c) x'remunerazzjoni għandhom id-Diretturi tal-Maltapost p.l.c.; d) x'xogħol addizzjonali jagħmlu ġewwa l-Maltapozt p.l.c. id-Diretturi u kemm jitħallsu ta' dan; u e) xi fringe benefits, użu ta' karozzi jew apparat, subscriptions, etc għandhom id-Diretturi?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba hijakif ġej:
a. Wara l-bejgħ tal-Mid-Med Bank Group lill-HSBC, ix-xhareholders tal-
Maltapost plc huma l-Gvern malti b'85 fil-mija ta' l-ishma u Maltacom
plc bi 15 fil-mija ta' l-ishma.
b. Id-Diretturi tal-Bord tal-Maltapsot huma s-Sinjuri Frank Dimech
(Chairman), Anthony De Bono (Deputat Chairman), Dr. Josepf Farrugia,
Paula Ganado, George Gatt u Tony Meilaq. Ħlief għas-Sur Tony Meilaq, li hu nominat mill-Mlatacom, id-Diretturi l-oħra huma nominati kollha mill-Gvern.
c. Iċ-Chairman tal-Maltapost għandu remunerazzjoni ta' Lm6,000 fis-sena
u kull Direttur jirċievi remunerazzjoni ta' Lm1,000 fis-sena.
d. Minn żmien għal żmien, id-Diretturi tal-Maltapost jistgħu ikunu
mitluba jagħmlu xi xogħol addizzjonali skond il-ħtieġa, u jekk ikun se
jsir ħlas, dan ikun determinat skond ix-xogħol.
e. Iċ-Chairman tal-Maltapost għandu l-użu ta' karozza u mobile phone.
Barra minn hekk, kemm iċ-Chairman kif ukoll id-Deputat Chairman għandhom abbonamenti f'rivisti u gazzetti li jirrigwardaw id-doveri tagħhom.
Jista' l-Ministru jagħti tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 3644?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma tanalizza l-ilma għall-preżenza ta' Trihalomethanes skond ħtiġijiet speċifiċi.
F'dawn l-aħħar snin, il-Korporazzjoni perjodikament wettqet analiżi ta' l-ilma, speċjalment dak ta' taħt l-art, u nstab li l-livelli ta' Trihalomethanes huma ferm anqas mill-livelli rakkomandati mill-Unjoni Ewropea.
Il-Korporazzjoni qed tieħu ħsieb sabiex dawn it-testijiet isiru fuq bażi regolari, aktar u aktar billi hemm proposta biex id-direttiva ta' l-Unjoni Ewropea dwar il-kwalita' ta' l-ilma għall-konsum min-nies tkun riveduta biex tinkludi it-Trihalomethanes bħala parametru ta' audit monitoring.
Jekk din il-proposta tkun applikata għall-kondizzjonijiet lokali, l-analiżi għandhom isiru minn darba sa tlitt darbiet fis-sena skond il-volum ta' ilma distribwit jew prodott kuljum.
Sadanittant il-Korporazzjoni tissorvelja l-livell ta' Chlorine f'boreholes u f'pumping stations kuljum, sabiex tassigura li ebda ilma kontaminat ma' jasal għand il-konsumatur, kif ukoll biex tivverifika li l-livelli ta' chlorine mhumiex għoljin iżżejjed u b'hekk tkun qegħda titnaqqas il-possibilta' li jiffurmaw it-Trihalomethanes.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm arretrati ta' kontijiet tat-telefon, ta' l-ilma u tad-dawl fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin mal-Maltacom u l-Water Services Corporation?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-arretrati dovuti mill-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin huma kif ġej:
dawl u ilma Lm114,198.82c
telefon (9 linji) Lm 215.01c
Jista' l-Ministru jillumina lill-Kamra dwar ir-raġuni għaliex l-impjegat mal-Kalaxlokk Company, li ismu qed jintbagħat separatament ilu sa mill-1992, bl-istess paga salv iż-żieda statutorja għall-għoli tal-ħajja? Għaliex impjegat ieħor li ġie impjegat mal-Kalaxlokk fil-15 ta' Ġunju, 1994, bl-istess kwalifiki tiegħu jingħata paga ogħla? Jaħseb il-Ministru li wara seba' snin ta' servizz tajjeb u leali, impjegat għandu jkun eliġibbli għal promotion jew żieda fil-paga tiegħu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ir-raġuni għaliex l-impjegat li għalih qed issir riferenza ma żdiedx fil-paga, apaprti ż-żieda statutorja għall-għoli tal-ħajja, hija li fil-Kumpanija Kalaxlokk il-promozzjonijiet ma' jingħatawx b'mod awtomatiku wara numru ta' snin ta' servizz, iżda meta jinħass il-bżonn. L-impjegat l-ieħor li beda jaħdem mal-Kumpanija fil-15 ta' Ġunju 1994, kien ġie impjegat bl-istess salarju li għandu l-impjegat li beda jaħdem mal-Kumpanija fl-1992.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra xi proċeduri ta kawtela neċessarja qegħdin jittieħdu mal-kumpannija Maltacom p.l.c. għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-effetti ta' l-hekk imsejħa millenium bug fl-apparat li jista' jiġi hekk affettwat?
Response (BONNICI, JOSEF)
Kif jirriżulta mill-istqarrija għall-istampa li l-Maltacom ħarġet fis-17 ta' Mejju 1999, - u li kopja tagħha qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra - il-Kumpanija qed tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex l-apparat tagħha ma jkunx effettwat mill-hekk imsejjħa 'millenium bug'.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 7056?
Response (BONNICI, JOSEF)
Skond ir-rekords tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, f'Mlata hemm 150 ġibjun ta' l-ilma tax-xita li bejniethom jesgħu madwar 350 miljun gallun ilma. In-numru ta' ġibjuni ma jinkludix il-ġibjuni li hemm fil-Belt, il-Floriana, l-Isla, l-Birgu u l-Kalkara. Il-maġġoranza ta' dawn il-ġibjuni jintużaw mis-settur agrikolu.
Bosta minn dawn il-ġibjuni huma mgħottija u għad iridu jiġu spezzjonati biex isir kalkolu tax-xogħol ta' tindif u manutenzjoni meħtieġa. Bħalissa m'hemmx fondi vvutati biex jitwettaq programm ta' manutenzjoni tal-ġibjuni.
Jista' l-Ministru jgħid għal kemm żmien għandhom jinżammu l-istock books tal-bolli, postal stationery, u British postal orders fid-diversi fergħat tal-Posta f'Malta u f'Għawdex wara li dawn jimtlew? Wara dan il-perijodu, l-istess stock books għal kemm żmien għandhom jinżammu fl-Uffiċċju Ġenerali tal-Posta qabel dawn jiġu meqruda? Xi proċedura tintuża biex dawn l-istock books jiġu meqruda? Hemm xi ċirkolarijiet mill-Finanzi jew ministerjali u/jew dipartimentali li jirregolaw kif dawn l-istock books għandhom jiġu meqruda? Jekk fl-affermattiv, liema huma u f'liema snin ħarġu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li normalment l-iStock Books ta' bolli, postal stationery u British Postal Orders jinżammu fil-fergħat tal-Posta ta' Malta u Għawdex għal perjodu ta' sentejn wara li jimtlew. Wara dan il-perjodu l-iStock Books jinżammu fl-Uffiċċju Ġenerali tal-Posta għal xi sentejn oħra, u wara jinqerdu.
Stock Books ta' bolli, postal stationery u British Postal Orders li jintużaw fl-Uffiċċju tas-Sub Stocks, jibqgħu jinżammu u ma jinqerdux biex iservu bħala rekord ta x'kienu ħadu l-Account Holders fid-diversi fergħat f'Malta u Għawdex. Mhux magħruf li nħarġu ċirkolaritajiet li jirregolaw kif dawn l-iStock Books għandhom jinqerdu.
Jista' l-Ministru jgħid min kien l-avukat li f'isem l-Enemalta nnegozja mal-Perit Dom Mintoff fil-kwestjoni dwar il-Power Station ta' Delimara? Kemm irċieva bħala ħlas dan l-avukat għas-servizzi f'din il-kwestjoni? Kemm kien il-kumpens miftiehem dwar din il-kwestjoni bejn l-Enemalta u l-Perit Dom Mintoff?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-Enemalta ma nkarigat ebda avukat sabiex jinnegozja f'isimha mal-Perit Dom Mintoff fil-kwistjoni dwar il-Power Station ta' Delimara. Fil-fatt dawn in-negozjati saru minn Ministru u uffiċjali oħra tal-Gvern Laburista.
Il-kumpens miftiehem dwar din il-kwistjoni bejn l-Enemalta u l-Perit Dom Mintoff hu dak li kien ġie miftiehem mill-amministrazzjoni Laburista.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma mhux se jieħdu l-arretrati dovuti lilhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li d-diskussjonijiet dwar it-talba li saret mill-G.W.U. għal ħlas ta' arretrati lill-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għadhom għaddejjin. Il-kwistjoni hi dwar interpretazzjoni tal-Ftehim Kollettiv.
Jista' l-Ministru jassigura li s-soċjeta' Maltacom plc tieħu ħsieb li tinstalla apparat tat-telephone pubbliku li jista' jiġi operat bl-użu ta' credit cards internazzjonali billi dan in-nuqqas qed ikun kaġun ta' problemi għal ċerti vjaġġaturi barranin li jiġu f'pajjiżna?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Maltacom diġa' bdiet taħdidiet mal-banek lokali biex f'qasir żmien tkun tista' toffri s-servizz li qed jissuġġerixxi l-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar meta se jsiru l-connections mal-main prinċipali biex residenti fi triq ġdida fi Triq Bugħarbiel, Żejtun jingħataw is-servizz essenzjali ta' l-ilma, peress li ilhom li nbnew 'il fuq minn sitt snin?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li mir-rekords tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma jidher li ma hemmx talbiet għal servizzi ta' ilma fit-triq imsemmija. Jekk l-Onorevoli Interpellant jaf b'xi residenti li għandhom din il-problema, dawn għandhom jirrapurtaw u l-Korporazzjoni tkun tista' tagħmel il-preparamenti meħtieġa biex jekk ikun hemm bżonn isir il-main.
Jista' l-Ministru jara li arblu tad-dawl li tpoġġa fuq bankina fi Triq Mahatma Gandhi, fil-Fgura quddiem il-Blokk C6 jitressaq fil-ġemb peress li kif se jiġi se jkun ta' ostaklu għal passiġġier u min ikun għaddej b'wheelchair jew pushchair mhux se jkollu minn fejn jgħaddi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fi żmien qasir il-Korporazzjoni Enemalta ser tieħu passi biex l-arblu fit-triq imsemmija jitressaq.