Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali – applikazzjonijiet għal Fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’applikazzjonijiet saru mill-Ministeru tiegħu għall-fondi tal-Unjoni Ewropea? Għal xiex inhuma l-applikazzjonijiet? Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslu l-applikazzjonijiet, ċjoè jekk ġewx approvati jew le?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tispeċifika eżatt għal liema fond qed tirreferi u fuq liema perjodu ta’ programmar qed tistaqsi.

In-Naxxar – Triq il-Markiż Scicluna – Wiċċ tat-Triq

Question

Jista’ l-Ministru jitlob lill-Kunsilli Lokali biex Triq il-Markiż Scicluna fin-Naxxar tiġi rranġata minħabba l-ħsarat li għandha fil-wiċċ tat-triq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma l-Onor. Interpellant, li l-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta’ gvern lokali b’personalità legali distinta u fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jaġixxu skont il-prijoritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom. Madankollu jien għaddejt l-ilment lill-Kunsill Lokali konċernat.

Birkirkara – Triq Psaila – parking bays

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġu miżbugħa l-parking bays li jinsabu fi Triq Psaila, Birkirkara, fil-parti fejn kienet il-pitkalija l-antika?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta’ gvern lokali b’personalità legali distinta u fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jaġixxu skont il-prijoritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom. Madankollu jien għaddejt l-ilment lill-Kunsill Lokali kkonċernat.

Birkirkara – Triq Psaila – reserved parking

Question

Jista’ l-Ministru jara jekk ir-reserved parking li jinsab fi Triq Psaila, Birkirkara, quddiem il-proprjetà li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għandiex il-permess neċessarji?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Ħ'Attard — Triq Hannibal - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Kunsill Lokali ta' Ħ'Attard ma kompliex bix-xogħol ta' tarmak fi Triq Hannibal Attard?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard li l-Kunsill Lokali ma għamel l-ebda xogħol ta’ tarmak fi Triq Hannibal.

V18 – pjanijiet għar-residenti Beltin

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9939, jista’ l-Ministru jelenka l-proġetti u l-inizjattivi li se jsiru biex minnhom jibbenefikaw ir-residenti Beltin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra elenku dettaljat tal- proġetti u l-inizjattivi mitluba fil-Mistoqsija Parlamentari 12367 kif mgħotija lili mill Fondazzjoni V18.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali – impjiegi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11733 u ċjoè: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 11529, jista’ jagħti l-informazzjoni mitluba għall-perjodu ta’ bejn id-9 ta’ Marzu 2013 u l-1 ta’ Ottubru 2014?

Response (BONNICI, OWEN)

B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari 12073, ninforma lill-Onor. Interpellant li ġew impjegati sebgħa u tmenin (87) ħaddiema mal-entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħi salv id-Dipartiment għall-Gvern Lokali. Minnhom sitta u tletin (36) ġew impjegati minn entità pubblika, dsatax (19) minnhom ġew impjegati mill-privat u tnejn u tletin (32) minnhom kienu qiegħdin ifittxu xogħol. Fir-rigward tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali ġew impjegati wieħed u disgħin (91) persuna maqsumin kif ġej: Dipartiment Total ta’ Impjegati Minn entità pubblika Mill-Privat Ifittxu xogħol DGL Staff 17 15 2 / Staff Kumitat Reġjonali 9 / 9 / DGL Staff (sekondati mal-KL) 6 Not Available Not Available Not Available Local Council Administration Staff & Local Council Staff 59 Not Available Not Available Not Available

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — safar

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 11016, minħabba li l-ispejjeż għas-safar jittieħdu minn fondi pubbliċi mħallsa mill-poplu u minħabba li l-Prim Ministru wiegħed Gvern trasparenti, jista’ l-Ministru jwieġeb u jgħid, minn Marzu 2013 sal-lum kemm-il darba siefer, għal liema konferenza, għal kemm ġranet u kemm kienet in-nefqa ta' kull vjaġġ u n-nefqa totali fuq l-ivvjaġġar? Minn min kien akkumpanjat u x'kienet il-kariga tal-persuni li siefru miegħu? Jista’ jgħid ukoll jekk il-booking tat-titjiriet u lukandi sarux permezz ta’ aġenziji tal-ivvjaġġar? Jekk iva, liema huma dawn l-aġenziji? Kien hemm sejħa għall-kwotazzjonijiet jew saru b’direct order?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li minn mindu ngħatajt kariga Ministerjali jiena sifirt biss biex nattendi xogħol relatat mal-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja (JHA) u tal-Kultura (ECYS) tal- Unjoni Ewropea. F’kull każ l-aġenzija li ntażlet kienet l-irħas waħda wara li ntalbu tliet kwotazzjonijiet kif inhi l-proċedura normali rigward is- sejħiet għall-kwotazzjonijiet . Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji. (Ara kjarifika mogħtija mill-Ministru Owen Bonnici fis-Seduta 213 tal-1 ta’ Diċembru 2014)

Kunsill Lokali tal-Belt Valletta – operat mill-uffiċċju fil-Main Guard

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8505, jista’ l-Ministru jgħid meta l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta se jibda jopera mill-uffiċċju li ngħata fil-Main Guard? Il-Gvern se jżomm mal-kuntratt li għandu l-kunsill lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel referenza għall-Mistoqsija Parlamentari 8505.

V-18 – Management accounts

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar set ta’ management accounts tal-V-18?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi kopja tal-Annual Report and Financial Statements hekk kif mgħoddija lili mill-Fondazzjoni Valletta 18.

San Pawl il-Baħar – siġar tal-palm ħdejn l-iskola primarja

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-palm li hemm ħdejn l-iskola primarja tal-Gvern ta’ San Pawl il-Baħar, jinżabru mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl qabel iweġġa’ xi ħadd?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma l-Onor. Interpellant, li l-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta’ gvern lokali b’personalità legali distinta u fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jaġixxu skont il-prijoritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom. Madankollu jien għaddejt l-ilment lill-Kunsill Lokali konċernat.

Informazzjoni lill-Pubbliku – użu mit-Twitter

Question

Simili għall-fatt li għal kull bon fini jingħad li fl-2013 il-Qorti Suprema Amministrattiva tal-Litwanja bdiet tuża t-Twitter għal dan l-iskop (vide paġna 200 fl-Annual Report tal-European Agency for Fundamental Rights għal-2013), jista’ l-Ministru jikkonsidra li l-Qrati tal-Ġustizzja Maltin jibdew jużaw it-Twitter biex jinformaw lill-pubbliku bl-aħħar deċiżjonijiet u attivitajiet tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qiegħed jieħu konjizzjoni ta’ dina l-proposta u se jkun qed jikkunsidraha attivament. Kruċjali għal dan pero`, huwa li l-ewwel ikun hemm it-twaqqif ta’ Press Office għall-Qorti.

Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma jridx jagħti data definittiva meta se jsiru l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali fis-sena 2015? Ma jaħsibx li dan huwa nuqqas fil-konfront ta’ dawk kollha li jixtiequ jikkandidaw ruħhom għal dawn l-elezzjonijiet? Jista’ jgħid lil din il-Kamra x’informazzjoni ta mal-għeluq tal-proċess ta’ konsultazzjoni dwar l-elezzjonijiet tal-kunsill lokali li fiha ta d-data tal-istess elezzjonijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li diġa spjegajt ampjament li d-data se tiġi mħabbra hekk kif ikollna d-deċiżjoni tal- Qorti Kostituzzjonali u dan bil-għan li f’każ li l-Qorti tiddeċiedi li r-referendum jista jsir, allura r-referendum u l-elezzjonijiet lokali jsiru fl-istess ġurnata.

Kunsill Lokali tax-Xagħra – Ċentru ta’ Matul il-Jum

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu r-rwol tal-mara tas-Sindku tax-Xagħra fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum tal-Anzjani li hemm fix-Xagħra stess u liema ċentru hu operat mill-istess Kunsill Lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra li l-mara tas-Sindku tax-Xagħra m’għandha l-ebda rwol fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum tal-Anzjani.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – Segretarjat Privat – Customer Care

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fis-Segretarjat Privat li huma inkarigati mill-Customer Care?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-funzjonijiet tal-membri tal-istaff fis-Segretarjat Privat kollha huma kif stabbiliti fid-dokument Engagement of Staff for Ministers’ Secretariats li kopja tiegħu diġa tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra

Artikolu 388(z) tal-Kodiċi Kriminali — nuqqas ta' ħlas ta' spejjeż edukattivi u mediċi

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li fl-artikolu 388(z) tal-Kodiċi Kriminali jkun reat ukoll in-nuqqas ta' ħlas ta' spejjeż edukattivi u mediċi li jkun ordnati mill-Qorti jew minn kuntratt f'kawżi ta' separazzjoni personali bħalma huwa n-nuqqas ta' ħlas ta' manteniment?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern se jkun qed jevalwa din il-proposta.

Proprosti fuq sentenzi Kostituzzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex il-Gvern iniedi proposti sabiex tiġi indirizzata l-problema frott sentenzi Kostituzzjonali li qed jiddikjaraw parti mill-Att XXIII tal-1979 bħala li jikser id-drittijiet tat-tgawdija tal-proprjetà tas-sidien bil-konsegwenza li eluf ta' familji għandhom mannara ta' żgumbrament minn djarhom?

Response (BONNICI, OWEN)

B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari 11118, ninsab ċert li l-Onor. Interpellant jifhem li l-materja li qed jirreferi għaliha f’din il-Mistoqsija hi materja ta’ natura delikata li tafettwa d-dritt tal-propjetà minn naħa waħda u l-eżiġenza umana ta’ residenza minn naħa l-oħra. L-Onor. Interpellant jifhem li s-sejbien ta’ bilanċ bejn dawn iż-żewġ fatturi jrid isir b’mod għaqli. Madanakollu, ninforma lil-Onor. Interpellant li preżentament għaddej proċess ta’ konsiderazzjoni u ta’ konsultazzjoni nterna dwar proposta t’abbozz ta’ liġi u ta’ miżuri oħra sabiex jindirizzaw din il-problema.

San Pawl il-Baħar – container għall-kartun

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk f’San Pawl il-Baħar (il-Qawra) tpoġġiex xi container li fih jitpoġġa l-kartun, liema kartun qed jinġabar mil-lokalità? Fejn kien jitpoġġa dan il-kartun qabel, u x’inhi r-raġuni għal dan?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-kartun imsemmi jinġabar mill-istabbiliment kummerċjali tal-lokalità. Peress li l-volum tal-ġbir tal-kartun li jista’ jiġi rriċiklat żdied ħafna, il-kamra fejn dan jitqiegħed ma kienetx biżżejjed u għaldaqstant qiegħed jintuża container għall-istess skop.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali – Customer Care

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm nies li għamlu kuntatt mal-Customer Care tal-Ministeru minn April 2013 u jagħti breakdown tat-talbiet li saru?

Response (BONNICI, OWEN)

Għalkemm l-Onorevoli Interpellanta ma kienetx ċara x'tifhem biha l-kelma 'kuntatt' tista’ tibqa ċerta li billi dan il-Gvern jemmen fil-kuntatt dirett man-nies, kien hemm ħafna li għamlu kuntatt mal-Ministeru tiegħi. Illum hawn diversi mezzi kif wieħed jista' jagħmel kuntatt u l-pubbliku jagħmel tajjeb li juża s-servizzi tal-Gvern kull fejn ikun meħtieġ.

Kunsill Lokali Rabat (Għawdex) – Sindku — safar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba s-Sindku tar-Rabat (Għawdex) kien imsiefer fuq impenji marbuta ma’ xogħol tal-Kunsill Lokali Rabat, Għawdex mill-1 ta’ April 2009 sal-31 t’Ottubru 2014? Kemm kienet in-nefqa f’tickets tal-ajru marbuta ma’ tali safar? U b’liema mod ġew ordnati dawn l-istess tickets? Jista’ jelenka t-travel agencies kollha li mingħandhom ġew mixtrija tali tickets?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tar-Rabat ta’ Għawdex illi kien hemm 16-il safra skont l-ispeċifikazzjonijiet li indika l-Onor. Interpellant. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji ta’ kull safra skont kif provduti mill-istess Kunsill Lokali. Infurmat ukoll mill-istess Kunsill li l-biljetti kienu ordnati b’direct order. It-titjiriet ta’ Bologna u Nichelino (fl-Italia) kienu bbukjati permess tar-Ryanair, filwaqt li t-titjiriet l-oħra huma bbukjati minn SMS Mondial Travel Agency.