Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar — Skemi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien l-In KAS ta' l-Awtorita' tad-Djar derivanti minn applikazzjonijiet intavolati ma' l-istess Awtorita' għar-rigward tal-varji skemi u servizzi offruti għal perijodu 1/10/99 u Ġunju 2000? Jista' jindika dan item item u settur settur? Jista' jgħid kemm minn dawk li applikaw ibbenefikaw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

KNDP — Membri

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min huma n-nies li jiffurmaw parti mill-kumitat eżekuttiv tal-KNDP? Kemm hi r-remunerazzjoni ta' kull membru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

a) L-Eżekuttiv tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Disabilita' hu kompost hekk: Is-Sur Joe Camilleri Chairman tal-KNPD u tal-Eżekuttiv Is-Sur Fred Bezzina Direttur Eżekuttiv tal-KNPD u segretarju tal-Eżekuttiv Is-Sur Edgar Galea Curmi Rappreżentant tal-Ministeru għall-Politika Soċjali Is-Sur Paul Attard Rappreżentant tal-Ministeru ta' l- Edukazzjoni Dr Anthony Charles Rapreżentant tal-Federazzjoni għall- Organizzazzjonijiet tal-Persuni b'Diżabilita' Is-Sur Paul Mifsud Rappreżentant tal-Federezzjoni għall- Organizzazzjonijiet tal-Persuni b'Diżabilita' Fr Charles Abela Rappreżentant tal-Knisja Issa li għaddiet l-Att Nru 1 ta' l-2000, il-Liġi Oppurtunitajiet Indaqs (Persuni b'Diżabilita'), il-Ministeru tiegħi jinsab f'diskussjonijiet biex il-Kummissjoni u l-Eżekuttiv ta' din l-organizzazzjoni jerġgħu jiġu ri-kostitwiti kif indikat fl-istess liġi (Taqsima V Artiklu 21). b) L-ebda wieħed minn dawn il-membri ma għandu rinemerazzjoni biss iċ-Chairman u d-Direttur Eżekuttiv huma membri full-time tas-segretarjat tal-Kummissjoni.

Azzjonijiet Industrijali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm issejħu strikes u ngħataw direttivi għal azzjonijiet industrijali oħra fil-perijodu Ottubru 1996 - Lulju 1998, b'indikazzjoni ta' liema unions sejħu l-istrikes u taw id-direttivi għall-azzjonijiet industrijali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Informazzjoni mitluba qiegħda tinġabat u r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Djar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min hi l-kumpannija privata ngaġġata mill-Awtorita' tad-Djar sabiex tieħu ħsieb ir-relazzjonijiet pubbliċi tagħha? Jista' jgħid kemm ħallset l-Awtorita' tad-Djar għal dan is-servizz, sena sena, kemm ilha tagħti servizz?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Kumpanija JP Advertising tieħu ħsieb ir-relazzjonijiet pubbliċi ta' l-Awtorita' tad-Djar. Dan is-servizz, li beda jingħata minn April 1999, sewa lill-Awtorita' tad-Djar is-somma ta' Lm 2,201 matul is-sena 1999 u Lm 1,592 minn Jannar sa Mejju 2000.

Djar — Customer Care Unit

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jispjega għalfejn iċ-chairperson u l-general manager ta' l-Awtorita' tad-Djar jiltaqgħu biss mas-sindki tal-Kottonera u l-Kalkara? Jista' jgħid għalfejn huma f'dawn il-lokalitajiet biss li jattendi l-customer care unit ta' l-awtorita'? Jista' jgħid meta dan l-istess unit se jibda jżur il-lokalitajiet l-oħra kollha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li barra laqgħat mas-Sindki tal-Kottonera u Kalkara, l-Awtorita' tad-Djar għamlet laqgħat oħra ma' Kunsilli Lokali oħra. Naħseb li kulħadd jammetti li l-akbar problema ta' housing qiegħda f'dawn il-lokalitajiet flimkien ma dawk tal-Belt u l-Furjana. Dan kien li wassal lil l-Awtorita' tad-Djar sabiex bdiet il-Customer Care Service fil-lokalitajiet tal-Kottonera u l-Kalkara. Minn Marzu ta' din is-sena, l-Awtorita' tad-Djar estendiet dan is-servizz u bdiet tagħti wkoll servizz fil-lokalitajiet tal-Fgura, Valletta, Msida. Wara ftehim mal-Kunsill Lokali ta' Bormla, is-servizz mogħti minn dan il-Kunsill ikopri wkoll in-nies mill-lokalitajiet ta' l-Isla, Birgu u Kalkara. Hu maħsub li l-Customer Care Service ser ikompli jiġi estiż għall-lokalitajiet kollha.

Djar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inbnew, jekk inbnew, postijiet ta' residenza lil dawk li l-aktar għandhom bżonn mid-dħul tal-bejgħ ta' l-ishma li l-Awtorita' kellha fil-Mid-Med Bank plc? Kemm għad fadal minn dawn il-flus? Dawk li ntnefqu fiex intnefqu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ir-rikavat mill-bejgħ ta' l-ishma tal-Mid Med Bank ġie inkorporat mad-dħul ieħor kollu ta' l-Awtorita' tad-Djar biex jintuzaw għall-programm kapitali u soċjali tagħha li jinkludi l-bini ta' appartamenti ġodda kif ukoll l-iffinanzjar ta' l-iskemi ta' l-istess Awtorita'.

Djar — Slum clearance group

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti rendikont tal-ħidma tas-slum clearance group fi ħdan l-Awtorita' tad-Djar (in vista ta' para 3.6.6 tar-rapport tas-sena 1998-1999 ta' l-Awtorita' tad-Djar)? Jista' jgħid x'passi ttieħdu fejn irriżulta illi l-post li okkupanti qegħdin jabitaw fih kien fi stat perikoluż? Jista' jispjega kif l-Awtorita' tad-Djar tibqa' ma tagħmel xejn dwar dan meta taf li bil-liġi hemm rimedji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Slum Clearance Group li huwa fi ħdan il-Ministru għall-Politika Soċjali iltaqa' sittax-il darba fil-perjodu 1998/99. Matul dal-perjodu ġew diskussi diversi proġetti fosthom dawk ta' Bormla, l-Imsida, il-Belt, Ħal-Tarxien u l-Floriana. Permezz tal-ħidma tal-kumitat ġiet solvuta l-problema li kien hemm ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar/Dipartiment tal-Mużewijiet dwar is-sit ta'Triq St Ursula, l-Belt u ingħata bidu għat-tfassil ta' preġetti ġodda fosthom it-tielet fażi ta' Sta Liena, Bormla u l-ħames fażi ta' Triq il-Wied, l-Imsida. Dawk il-familji affettwati minn dawn il-proġetti kollha, il-policy hija li jiġu allokati postijiet oħrajn bħala 'evictees'.

Djar — Awareness campaign

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid, in segwitu għall-"Awareness Campaign" imniedi mill-Awtorita' tad-Djar, x'inhu l-impatt u dan kif rifless meta mqabbel mal-konkorrenza tal-pubbliku fis-snin ta' qabel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni li marru l-Awtorita' tad-Djar wara l-Awareness Campaign, li ngħatat spinta fil-bidu ta' din is-sena, kif imqabbel mal-konkorrenza fix-xhur ta' qabel hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda. Ninsab infurmat li ma kienetx tinżamm statistika dwar in-numru ta' persuni li marru l-Awtorita' qabel Jannar 1999.

Djar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien id-dħul ta' l-Awtorita' tad-Djar mill-fornitura ta' dokumenti neċessarji minn dipartimenti oħra? Kemm kienu l-ispejjeż in konnessjoni ma' l-istess?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li matul 1999 l-Awtorita' tad-Djar irċeviet l-ammont ta' LM 4,679 mill-fornitura ta' dokumenti minn Diparimenti oħra. L-ammont ta' l-ispiża kien l-istess peress illi l-Awtorita' tad-Djar ma tagħmel l-ebda qliegħ minn fuq dan is-servizz li toffri.

Gżira — HE - Bitħa

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara illi l-bitħa li hemm taħt Block 2A ġewwa il-Housing Estate tal-Gżira titnaddaf peress li hemm biżibilju ta' ġrieden u firien?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li t-tindif tal-btieħi f'appartamenti tal-Gvern huwa r-responsabbilta' ta' l-inkwilini u mhux tal-Gvern. Jien ser nirreferi lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jinvestiga u jidentifika min hu responsabbli biex titnaddaf din il-bitħa u javża lid-Dipartiment ta' l-Estates Management biex jobbliga lil dan l-inkwilin inaddaf din il-bitħa in kwestjoni.

Senglea — Triq is-Sirena - Fond 25/26

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba l-fond imwaqqa' fl-aħħar gwerra dinjija u li għadu hekk sal-lum li jġib in-numru 25/26 Triq is-Sirena, Senglea huwiex f'idejn jew jistax jaqa' taħt id-Direttur ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali jew l-Awtorita' tad-Djar billi jista' jippresta ruħu għal bini ta' appartamenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li dan is-sit, li huwa privat, diffiċli jiġi żviluppat minħabba li m'hemmx aċċess għall-krejn biex ikun jista' jsir ix-xogħol. B'hekk s'issa mhux previst li dan is-sit jiġi exproprijat biex jintuża għall-skop ta' housing.

Pensjonanti — Ftehim Kollettiv

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 16982 li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi u li ġiet riferuta lilu u cioe': Jista' jgħid jekk il-pensjonanti ex-ħaddiema tal-Maltacom, MIA, Air Malta u Malta Drydocks, ibbenefikawx mill-aħħar ftehim kollettiv li sar ma' dawn l-azjendi? Jekk fl-affermattiv, x'kienu l-benefiċċji li bbenefikaw minnhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma l-Onor. Membru illi kull pensjoni tas-Sigurta' Soċjali terġa ssir stima mill-ġdid kull sena b'seħħ mill-ewwel Sibt ta' Jannar tas-sena. F'kaz ta' persuna li d-Dħul Pensjonabli kien stmat fuq l-aħjar tliet snin kalendarji konsekuttivi u kienet impjegata ma waħda mill-Korporazzjonijiet (jew Ażjenda) imsemmija, allura l-stima mill-ġdid tkun ibbazata fuq il-paga jew is-salarju kurrent tal-grad okkupat u skond il-provedimenti tal-Ftehim Kollettiv. Dan ifisser illi persuna jew armla ta' dik il-persuna li kienet impjegata ma waħda minn dawk il-Korporazzjonijiet imsemmija gawdew minn żidiet kull sena fil-pensjoni tas-Sigurta' Soċjali. Skond l-informazzjoni li għandu d-Dipartiment, il-pensjonijiet huma revduti fuq l-aħħar Ftehim Kollettiv f'dawn l-azjendi u għalhekk m'hemmx pendenzi f'dan ir-rigward.

Ħal Far — Ċentru ta' Matul il-Jum

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi deċiżjoni biex kmamar umdi u mhux addattati fiċ-Ċentru ta' Matul il-Jum f'Ħal Far, jiġu konvertiti għall-kmamar għall-persuni ta' diżabilita' ġejjin mill-iskejjel speċjali? X'passi se jittieħdu dwar il-konverzjoni ta' dawn il-kmamar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

F'dawn l-aħħar ħames snin il-bini taċ-Ċentru ta' Ħal Far tkabbar u llum jipprovdi servizz lil madwar 80 persuna. Il-Ministeru tiegħi, bħala policy ġenerali, ma jaqbilx li dawn iċ-Ċentri jikabbru b'mod sproporzjonat għax Ċentri kbar joħolqu diversi problemi u s-servizz faċilment jidditerjora. F'dan ir-rigward l-enfażi qed issir fuq l-ingaġġ ta' Careworkers u professjonisti oħra biex inkunu nistgħu noffru lil dawn il-persuni servizz ta' kwalita'. Il-Ministeru, flimkien mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' jinsab għaddej b'diskussjonijiet biex nesploraw kif l-aħjar niżviluppaw dan il-qasam inluż li jinstabu metodi ġodda kif nistgħu ntejjbu dan is-servizz. Fil-fatt il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita qed tippjana li għal din is-sena torganizza konferenza nazzjonali fuq dan is-suġġett b'dawn l-għanijiet: a) tinħoloq kuxjenza ġenerali dwar il-bżonn ta' dan is-servizz b) jkollna politika aktar ċar għal dan il-qasam.

Sptar San Vinċenz de Paule — Anzjani

Question

Mill-miżuri ġodda li tħabbru li jinġabru 60% tad-dħul ta' l-anzjani fl-Isptar San Vinċenz de Paule kemm huwa stmat li se jiġbor il-gvern din is-sena fuq il-bażi tat-tagħrif li daħallu s'issa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant li l-Onor. Interpellant qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Politika soċjali — Economic Impact Assessment

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-ministeru ikkummissjonax xi economic impact assessments dwar is-sħubija prospettiva ta' Malta fl-Unjoni Ewropea? Jekk iva, x'terms of reference kellhom? Minn min saru? X'kienu s-suġġetti ttrattati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Wara l-ħruġ għal sejħa għal proposti, fl-1 ta' Ġunju 2000, il-Ministeru għall-Politika Soċjali kkumissjona Cost-Benefit Analysis dwar diversi Direttivi ta' l-Unjoni Ewropea li jirrigwardaw il-qasam tas-Saħħa u Sigurta' fuq ix-Xogħol u dwar ix-Xogħol. Dan l-analiżi, li mistenni jkun lest sa l-aħħar ta' Awwissu, qed isir mill-kumpaniji K.M.P.G., MISCO International u EuropAdrive Ltd flimkien. Dan il-Cost-Benefit Analysis ser jinkludi economic impact assessment ta' l-adozzjoni eventwali, f'każijiet, ta' 25 Direttiva dwar is-Saħħa u Sigurta' fuq ix-Xogħol u 4 Direttivi dwar ix-Xogħol.

Imtarfa Home — Trasferiment

Question

Peress li l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament jixtieq li jitla' l-Imtarfa Home flok jibqa' f'San Vincenz de Paule, jista' l-Ministru jara li tinstab soluzzjoni għal din it-talba peress li jirriżulta li l-persuna qed tagħmel f'qalbha? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija applikat għar-Residenza San Vinċenz de Paule fis-27 ta' Marzu li għadda u daħlet fis-26 ta' Mejju 2000. Minn informazzjoni miġbura, jidher li s'issa ma saret l-ebda applikazzjoni biex din il-persuna tidħol fl-Imtarfa Home.

Djar — Rapporti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti dettalji dwar it-tielet rapport preparat mill-Awtorita' tad-Djar għar-rigward ta' proprjeta' ta' l-Uffiċċju konġunt u dak dwar l-artijiet vojta f'Pembroke?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li saru diskussjonijiet ma' l-Awtorita' tal-Ippjanar u s'issa l-ebda art addizjonali ma ġiet inkorporata ma l-art li kienet ippjanat. Rigward dak li jikkonċerna propjeta' ta' l-Uffiċċju Konġut qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Djar — Skema S

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma dawk li applikaw taħt l-iskema S għall-perjodu 1/10/99 - Ġunju 2000? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew aċċettati? Kemm minnhom jikkonċernaw bini ta' l-ewwel dar li nxtara wara l-1 ta' Jannar 1999 jew dar li l-bini tagħha sa dik il-ġurnata ma kienx lest? Kemm minnhom jikkonċernaw irranġar u kostruzzjoni ta' l-ewwel dar ta' abitazzjoni ta' proprjeta' li kienet mibnija u lesta għall-abitazzjoni fl-1 ta' Jannar 1960 jew qabel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fil-perjodu speċifikat fil-Mistoqsija, l-Awtorita' tad-Djar irċeviet 162 applikazzjoni taħt Skema S. Minn dan it-total 125 ġew approvati, 13 ġew rifjutati jew irtirati mill-applikanti u 24 l-oħra qed jiġu proċessati. 36 applikazzjoni kienu jikkonċernaw djar li nxtraw wara l-1 ta' Jannar 1999 jew postijiet li kien għandhom ma' tlestewx, filwaqt li 25 applikazzjoni kienu jikkonċernaw irranġar ta' djar li kienu lest għall-abitazzjoni qabel l-1960.

Djar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid bejn l-1 ta' Ottubru 1999 u Ġunju 2000, kemm units l-Awtorita' tad-Djar għaddiet lill-għaqdiet li jaħdmu fl-oqsma biex jipprovdu djar għal persuni/familji li huma homeless? Jista' jispjega kif għad hemm tant familji li jgħixu f'periklu (u dan kif dikjarat f'parag.3.6.6 tar-rapport 1998-1999 ta' l-Awtorita' tad-Djar) u ma jingħatawx post alternattiv u fl-istess ħin l-Awtorita' tad-Djar għandha units extra biex tgħaddi lill-organizzazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar:- (1) għaddiet żewġ appartamenti lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali biex jiġu allokati familji li kienu residenti f'Ċini Institute u Merħba Bik; (2) poġġiet għad-disposizjoni tal-Welcome Home, illum Fondazzjoni Suret il-Bniedem, erba' postijiet li għandhom bżonn xogħlijiet ta' rranġar u titjib. Dawn ix-xogħlijiet ser isiru minn din il-Fondazzjoni a spejjes tagħha; (3) iffirmat ftehim mall-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' fejn din il-Kummissjoni ġiet allokata post biex jiġu akkomodati persuni minn Dar il-Wens. Jekk l-Onor. Membru għandu xi oġġezzjoni li l-Awtorita' tipprovdi djar lil nisa msawta, single parents, persuni homeless u persuni b'dizabilita' allura għandu jgħid hekk ċar u tond u jispjega x'inhi l-policy tiegħu dwar dan il-qasam.