MEPA u Awtorità tal-Ippjanar – Urban Improvement Funds
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm inġabru Urban Improvement Funds (UIF) matul l-aħħar sitt snin, mis-sena 2010 sal-lum, mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u l-Awtorità tal-Ippjanar minn kull lokalità u kemm ġew allokati lil kull lokalità, meta ġew allokati u għal liema inizjattivi ġew allokati?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt nfurmat mill-Awtorita tal-Ippjanar li, l-ammont ta’ Urban Improvement Funds (UIF) miġbura minn kull lokalità mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u l-Awtorità tal-Ippjanar matul l-aħħar sitt snin, mis-sena 2010 sal-lum, huwa ta’ €8,630,375. L-analiżi ta’ dan l-ammont, maqsum sena b’sena u lokalità b’lokalità jidher f’tabella immarkata bl-ittra ‘A’.
L-ammont allokat lill-lokalitajiet huwa ta’ €7,977,892. L-analiżi ta’ dan l-ammont, maqsum sena b’sena u lokalità b’lokalità jidher f’tabella immarkata bl-ittra ‘B’. Tabella C tagħti dettalji ta’ meta saru dawn l-allokazzjonijiet lill-lokalitajiet rispettivi u għal liema inizjattivi ġew allokati.
Imġarr Malta – Żona tas-Santi sub station — funzjoni
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid meta hu mistenni li tibda tiffunzjona s-sub station fiż-żona tas-Santi fl-Imġarr Malta?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Enemalta plc li l-investiment fis-substation indikata jifforma parti mill-programm ta’ żvilupp kontinwu tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’Malta u Għawdex. Din is-substation mistennija ssaħħaħ l-infrastruttura eżistenti li permezz tagħha titwassal il-provvista tal-elettriku fl-inħawi.
Is-substation mistennija tingħaqad mas-sistema tad-distribuzzjoni meta jitlestew ix-xogħlijiet neċessarji li jridu jsiru b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti.
Dipartiment tal-Artijiet — Bejgħ ta’ garaxxijiet b’tender
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Artijiet għandux il-ħsieb li jerġa’ jiftaħ l-iskema ta’ bejgħ ta’ garaxxijiet b’tender? Kemm intefgħu applikazzjonijiet għall-iskema li għalqet fi Frar 2015?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Iskema ta’ Bejgħ ta’ Garaxxijiet u Siti mogħtija b’Ċens biex fuqhom jinbnew garaxxijiet u li kienu jinsabu fil-Housing Estates madwar Malta u Għawdex, għalqet fi Frar 2016. F’din l-iskema intefgħu 625 applikazzjoni u peress li qegħdin jinħadmu dawn l-applikazzjonijiet għalissa m’hemmx ħsieb li terġa tinfetaħ din l-Iskema.
Madankollu, ninforma lill-Onorevoli Membru li għalkemm din l-Iskema hija magħluqa, id-Dipartiment Propjetà tal- Gvern ikun jista’ jikkunsidra talbiet għall-bejgħ ta’ garaxxijiet permezz ta’ Sejħa għall-Offerti.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid minn meta huma mistennija jibdew jiġu ingaġġati l-persuni li poġġew għall-eżami ta' skrivana fis-servizz pubbliku?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta’ reklutaġġ jinvolvi kemm id-Dipartiment tal-Eżamijiet u kemm lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, u li dan huwa l-proċess li jintuża f’eżamijiet pubbliċi bħal dawn. Malli jitlesta l-proċess kollu ma jkunx hemm xi jżomm l-ingaġġ imsemmi.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26696 u 23063 u jgħid jekk il-mara tiegħu qattx siefret mingħajr il-Prim Ministru fuq xogħol uffiċjali tal-Gvern u jekk iva, fejn siefret, meta u f’kull każ jista’ l-Prim Ministru jagħti break down ta’ kemm kienu l-ispejjeż għal titjiriet, trasferimenti, lukandi, ikliet u per diem għal dan is-safar tagħha?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor Interpellant li minn Marzu 2013 sal-lum, kien hemm disa okkażjonijiet fejn il-mara tiegħi kellha impenji barra l-pajjiż u fejn jien ma kontx preżenti.
Dawn l-impenji kienu relatati ma’ stedinit li sarulha minn Puttinu Cares, The European Organisation for Rare Diseases, AIDS/LifeCycle u Special Olympics. Impenn partikolari kien marbut mal-kanonizazzjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu II. Għal dan l-impenn fuq stedina tal-gvern, kien attenda wkoll rappreżentant tal-Oppożizzjoni.
L-impenji saru fir-Renju Unit, il-Belġju, l-Italja, l-Awstrija, Ċipru u l-iStati Uniti. L-ispiża medja fuq titjiriet, trasferimenti, lukandi u ikliet kienet ta’ €1,191 f’kull impenn. Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-mara tiegħi ma tingħatax per diem allowance.
Ngħarraf ukoll lill-Onor Interpellant li l-prassi li kienet segwita fir-rigward tal-mara tiegħi minn Marzu 2013 ‘il quddiem hija l-istess prassi li kienet segwita fir-rigward tal-mara tal-Prim Ministru fil-legislaturi li għaddew. Fil-fatt bejn l-2007 u l-2011 kien hemm numru ta’ okkażjonijiet li matulhom il-mara tal-Prim Ministru kellha impenji barra l-pajjiż u fejn il-Prim Ministru ma kienx preżenti, f’Ċipru, r-Renju Unit, il-Belġju u l-Portugal.
Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-permessi tal-iżvilupp ta’ uffiċini, inkluż dawk il-permessi li jinkludu mixed-use, li ġew approvati matul dawn l-aħħar 3 snin, maqsumin skont il-lokalità u kemm hu l-floor space li ser jiġi kreat għal kull permess?
Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjonijiet għall-permessi għall-bini ta’ uffiċini
Question
Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ applikazzjonijiet għall-permessi għall-bini ta' uffiċini, inkluż dawk il-permessi li jinkludu mixed-use, li hemm preżenti bħalissa quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar, maqsumin skont il-lokalità u l-floor space li hu propost li jinħoloq għal kull applikazzjoni?
Uffiċċju tal-Prim Ministru — Safar – użu ta’ ajruplan privat
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid liema kienet il-kumpanija li tagħha għamel użu minn ajruplan privat f’kull każ li għamel dan u meta għamel dan, minn Marzu 2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija parlamentari?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kienu tnejn il-kumpaniji li sar użu mis-servizzi tagħhom : Euro Jet Ltd u Vista Jet Ltd.
Kien hemm 16 – il darba meta sar użu mis-servizzi tal-kumpanija Euro Jet Ltd u 15 – il darba meta sar użu mis-servizzi tal-kumpaniji Vista Jet Ltd.
L-ajruplan privat jintuża għall-laqgħat tal-Kunsill Ewropew u laqgħat relatati li jien inkun mistieden għalihom flimkien ma’ Kapijiet ta’ Stati u Kapijiet ta’ Gvernijiet oħra tal-pajjiżi membri tal-UE.
Din kienet l-istess prassi wżata minn amministrazzjonijiet oħra.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif kien jiġri taħt amministrazzjonijiet oħra, parti sostanzjali ħafna tal-ispiża għall-użu tal-ajruplan privat tingħata lura lill-gvern Malti mill-UE.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid f’liema okkażjonijiet ma għamilx stqarrija pubblika qabel jew wara li siefer barra ‘l pajjiż minn Marzu 2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija parlamentari?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li f’din il-leġizlatura inżammet il-prassi li kien hemm fl-aħħar leġizlatura, fejn il-Prim Ministru minn żmien għal żmien jagħmel stqarrijiet Ministerjali b' mod ewlieni wara laqgħat tal-Kunsilli Ewropej.
Fil-fatt bejn Marzu 2013 u llum kienu 31 l-okkażjonijiet fejn għamilt stqarrijiet Ministerjali.
23 minn dawn l-istqarrijiet kienu dwar laqgħat tal-Kunsilli Ewropej u impenji uffiċjali oħra li kelli barra l-pajjiż.
8 stqarrijiet Ministerjali oħra kienu jew dwar żviluppi fix-xena internazzjonali jew dwar żviluppi lokali.
Uffiċċju tal-Prim Ministru – kompozizzjoni ta’ delegazzjoni fuq safar
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk hux dejjem iddikjara l-membri kollha tad-delegazzjoni tiegħu għal kull żjara li għamel barra ‘l pajjiż minn Marzu 2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija parlamentari?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Hija l-prassi li l-informazzjoni mitluba tingħata, kif tikkonferma t-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26715.
Jista’ l-Prim Ministru jagħti rendikont tal-attivitajiet kollha li saru f’Villa Francia minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Kif kien jiġri fl-aħħar leġiżlatura, minn żmien għal żmien jintlaqgħu nies differenti f’okkażjonijiet varji f’Villa Francia.
Għad-dettalji dwar ir-riċevimenti/laqgħat/laqgħat soċjali organizzati f’Villa Francia bejn Marzu 2013 u Diċembru 2015 nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 7100, 15056 u 22882.
Bejn Jannar u Lulju 2016 kien hemm 3 okkażjonijiet fejn saru riċevimenti/laqgħat/laqgħat soċjali f’Villa Francia bi spiża medja ta’ €310 f’kull okkażjoni.
Niġbed l-attenzjoni tal-Onor Interpellant li meta fl-aħħar leġiżlatura deputati tal-Oppożizzjoni talbu informazzjoni dwar Villa Francia kien hemm okkażjonijiet fejn il-Prim Ministru ta’ dak in-nhar kien wieġeb li l-informazzjoni mitluba kienet tirrikjedi ħafna xogħol u ma ingħatatx (PQ 26,428 - Seduta 373 - Leġiżlatura XI).
Jista’ l-Prim Ministru jagħti rendikont tal-ħlasijiet għall-attivitajiet kollha li saru f’Villa Francia minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba hu siefer minn Mejju 2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija parlamentari u kemm-il jum dam barra 'l pajjiż f'kull każ?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 26715.
(Korrezzjoni: Ara Dokumenti PL 7625 li ngħatat f'Seduta 424, It-Tnejn, 10 ta' Ottubru 2016)
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar xi żviluppi seħħew, għal dak li jikkonċerna l-policies dwar il-PPP li tħabbru fid-diskors tal-Budget ta' din is-sena? F'liema oqsma partikulari diġà hemm żviluppi biżżejjed biex jassiguraw li dawn il-policies ikunu jistgħu jibdew jitħaddmu fl-iqsar żmien possibbli?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jiċċara aktar x’jifhem bil-kelma ‘policies’.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – Promozzjonijiet lil persuni li ma kellhomx il-kwalifiċi meħtieġa
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk fil-WSC ingħatawx promozzjonijiet lill-persuni li ma kellhomx kwalifiċi meħtieġa għall-ħatra iżda li ngħataw ċans ulterjuri sabiex iġibu l-kwalifika fil-futur? Jista’ jgħid x’kienet din il-kwalifika? Jista’ jgħid kemm ingħataw ċans biex iġibu din il-kwalifika? Jista’ jgħid kemm nies ingħataw promozzjoni b’dan il-mod?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li l-policy tal-Korporazzjoni, li ilha għal ħafna snin, hi li tagħti opportunità li min ikun qiegħed fil-proċess li jġib kwalifika jingħata opportunita’ li japplika bil-kundizzjoni li jġib il-kwalifika fil-perjodu stipulat, bħal fil-każ ta’ żewġ persuni li qed jagħmlu d-Diploma fil-Management (MQF 5) fejn ingħataw iċ-ċans li jġibu l-kwalifika sa Novembru 2016.
Jista’ l-Prim Ministru jagħti rendikont ta’ kemm-il darba siefer barra ‘l pajjiż minn Marzu 2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija parlamentari?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Rigward l- perjodu Mejju 2013-Lulju 2015, nirreferi lill Onor Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 12115 u 17753.
Għal perjodu ta’ wara , qed inpoġġi it-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — Safar – użu ta’ ajruplan privat
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba uża ajruplan privat biex siefer barra ‘l pajjiż minn Marzu 2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija parlamentari u jgħid min kien qed jakkumpanjah f’kull każ? Fejn mar, f’liema dati, kemm dam u kemm ġiet tiswa l-ispiża għall-vjaġġ f’kull każ?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qed inpoġġi t-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.
L-ajruplan privat jintuża għall-laqgħat tal-Kunsill Ewropew u laqgħat relatati li jien inkun mistieden għalihom flimkien ma’ Kapijiet ta’ Stati u Kapijiet ta’ Gvernijiet oħra tal-pajjizi membri tal-UE.
Din kienet l-istess prassi wżata minn amministrazzjonijiet oħra.
Ninforma lill-Onor Interpellant li kif kien jiġri taħt amministrazzjonijiet oħra, parti sostanzjali ħafna mill-ispiża għall-uzu tal-ajruplan privat tingħata lura lill-gvern Malti mill-UE.
Water Services Corporation – konnessjoni tad-drenaġġ
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26446, jista' l-Prim Ministru jikkonferma li fejn kien hemm każi ta' xogħol fuq house connections, li mhumiex fil-lista li ġiet imqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 26245, dan ifisser li fil-fatt TM ma tatx permessi għal tali xogħol u li allura l-WSC ma setgħetx tkun taf bl-istess xogħol? Għal dak li jirrigwarda x-xogħol fuq il-lista ta' house connections li fil-fatt ingħatat fid-domanda msemmija, jista' jikkonferma li l-WSC tara wkoll li l-wiċċ tat-triq li jkun involut ikun sar kif suppost? Mingħajr ma nippretendi (almenu għalissa) li jinqala’ l-wiċċ tat-triq, fid-dawl tal-fatt li n-numru ta' permessi indikati huma ftit, jista' jitlob lill-WSC terġa’ tispezzjona l-istess uċuħ, għaliex hu faċli li fuq il-post wieħed jinduna li l-wiċċ għandu bżonn jerġa’ jsir?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li dan hu proċess fejn il-kuntrattur japplika direttament mat-TM, u hija TM li torbot lill-kuntrattur bil-kundizzjonijiet neċessarji. Il-Korporazzjoni tkun taf b’dawn il-permessi meta dawn jidhru fuq is-sistema ta’ TM.
Il-permessi kollha li jirrigwardaw
drainage house connections
li rċeviet il-Korporazzjoni permezz tas-sistema tal-permessi fil-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar, huma dawk imniżżla fir-risposta parlamentari 26245. Il-Korporazzjoni għamlet l-ispezzjonijiet meħtieġa biex tara li l-konnessjoni saret kif suppost mingħajr ebda ħsara fuq il-main tad-drenaġġ.
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma m’hijiex responsabbli għal kwalita’ tal-wiċċ tat-tarmac li ġie mogħti. Il-kwalita’ hija regolata minn TM anke fil-permess innifsu.