Jista’ l-Ministru jgħid jekk inħatrux supervisory boards a termini tal-artiklu 39 tal-Kap. 499 u, jekk fl-affermattiv, jgħid min huma l-membri ta’ kull bord rispettiv u kemm qed jitħallsu?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 5605.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex qed iħoss il-bżonn illi jagħmel micro-management fis-settur tat-toroq u t-trasport billi saħansitra jinżel jiddirieġi t-traffiku jew jagħti ordnijiet lill-ħaddiema fuq il-lant, minflok ma jagħmel użu aħjar mill-bord u l-management ta’ Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal ma ġie iddikkjarat fir-rapport tat-telfa elettorali tal-Partit Nazzjonalista, l-istat ta’ toroq u d-dewmien biex jitlestew ċerti toroq u proġetti infrastrutturali oħra urew nuqqas ta’ kontroll mill-Gvern preċedenti.
Għaldaqstant, nassigurah li iktar għandu għax jinkwieta jekk ma ninvolviex ruħi b’mod dirett fuq oqsma daqshekk importanti bħalma huma s-setturi ta’ toroq u transport, li jolqtu lil kull ċittadin fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Ninfurmuh ukoll li għandi fiduċja sħiħa fil-bord u l-
management
ta’ Transport Malta li qed jagħtu kontribut siewi fit-tmexxija tal-istess Awtorità.
Transport Malta — Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili u tad-Direttorat tat-Trasport fuq l-Art – uffiċċji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’se jsir mill-uffiċċji tad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili u tad-Direttorat tat-Trasport fuq l-Art fi ħdan Transport Malta peress illi dawn jinsabu fi stat mhux adegwat għall-użu u l-ħtiġijiet tal-lum, u jekk hux bi ħsiebu jwettaq il-pjan li kellha Transport Malta għal dawn l-uffiċini qabel ma nbidel il-Gvern?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qabel l-għeluq tas-sena 2013, Transport Malta ser toħroġ sejħa pubblika għal kirjiet ta’ uffiċini adegwati għall-użu u ħtiġijiet ta’ numru ta’ direttorati ta’ l-istess Awtorita’.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk, peress illi dan l-aħħar iddikjara illi Transport Malta se tidħol ukoll għar-responsabbiltà tal-manutenzjoni ta’ toroq li mhux neċessarjament jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħha, Transport Malta hix se tassumi wkoll ir-responsabbiltà legali għal danni kkaġunati minn nuqqas ta’ manutenzjoni ta’ dawn l-istess toroq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bħala parti mill-pjan ta’ sigurta’ fit-toroq, Transport Malta se tkun qed tassisti lill-Kunsilli Lokali bil-manutenzjoni ta’ ċerti toroq. Ir-responsabbilta’ tat-toroq residenzjali, inklużi dawk li tkun intervjeniet Transport Malta fuqhom, se tibqa’ tal-Kunsilli Lokali rispettivi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux biħsiebu jissostittwixxi numru ta’ ħaddiema li ġew jew se jiġu trasferiti minn Transport Malta għal ma’ entitatjiet jew ministeri oħra?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’każ fejn ikun hemm ħaddiema li jkollhom ikunu trasferiti minħabba l-eżiġenzi tas-servizz, kull każ jittieħed skont il-mertu tiegħu.
Il-Marsa – Spencer Hill — manutenzjoni ta’ Manhole covers
Question
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4680, jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni illi numru ta’ manhole covers fit-triq li tagħti minn Spencer Hill għall-Menqa, liema manhole covers saru ġodda ftit xhur ilu, għadhom laxki u jagħmlu ħsejjes kbar meta ssuq fuqhom, u dan minkejja diversi rapporti li saru f’dan ir-rigward?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed tieħu l-azzjonijiet meħtieġa sabiex jitranġaw dawn il-manhole covers mill-kuntrattur li għamel ix-xogħol minħabba li dan ix-xogħol għadu kopert mill-garanzija. L-Onorevoli Interpellant jista jserraħ rasu li ser nagħmel minn kollox biex ma jiġriex bħal ma ġara fil-każ ta’ Triq Melita fil-Belt Valletta. Infakkar li f’dak il-proġett, minħabba l-fatt li l-amministrazzjoni preċedenti ma ħadetx il-passi meħtieġa sabiex il-kuntrattur jirranġa ix-xogħol ħazin li kien sar fiż-żmien li kien kopert mill-garanzija, tali xogħol kellu jerġa jsir bi ħlas minn flus il-poplu bi spiża ta’ aktar minn Eur100,000 .
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4684, peress li l-Ministru aċċenna illi kien hemm dewmien fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-proġett mill-amministrazzjoni preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-koordinazzjoni ta’ dan il-proġett għadhiex responsabilità tal-istess persuna li kienet responsabbli minnu taħt l-amministrazzjoni preċedenti liema persuna ngħatat, taħt l-amministrazzjoni preżenti, il-promozjoni għal direttur?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-koordinazzjoni tal-proġett tal-MODUS għadu taħt ir-responsabbilta’ tal-istess persuna iżda issa din il-persuna qed titħalla tieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn b'mod liberu u skont il-proċeduri stabbiliti. Ninfurmuh ukoll li l-gvern preżenti japprezza bis-sħiħ l-importanza ta' dan il-proġett tant li din il-persuna ngħatat l-għajnuna ta' perit u draughtsman li jiffukaw bi priorita' fuq dan il-proġett.
Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku u Road Safety
Question
Peress illi fil-programm Times Talk tad-29 ta' Ottubru l-perit li d-dettalji dwarha qed jntbagħtu separatament stqarret li l-Ministru u ċ-chairman ta' Transport Malta tant jirrikonoxxu l-problema tat-traffiku li ħolqu d-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku u Road Safety, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Att dwar l-Awtorità tat-Trasport li juri l-inklużjoni ta' dan id-direttorat il-ġdid u fl-istess waqt jgħid x’sar minnu t-Traffic Management Unit li kien diġà eżistenti u jaħdem qabel?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li t-Traffic Management Unit kien ġie abolit mill-Integrated Transport Strategy Directorate fl-aħħar tas-sena 2008. Id-Dipartiment tal-Immaniġjar tat-Traffiku u Sigurta’ fit-Toroq reġa ġie stabbilit u huwa l-pjan tal-Awtorita’ li dan id-dipartiment jevolvi f’Direttorat sabiex ikun jista jaqdi aħjar u b’mod aktar professjonali din il-funzjoni ewlenija li għanda l-Awtorita’.
Peress illi fil-programm Times Talk tad-29 ta' Ottubru l-perit li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament stqarret li l-Ministru u ċ-chairman ta' Transport Malta tant jirrikonxxu l-problema tat-traffiku li ħolqu d-Direttorat speċifiku u li kien hemm investiment qawwi anke fir-riżorsi umani, jista' l-Ministru jagħti l-isem, kunjom u kariga/grad ta' kull persuna fi ħdan dan id-direttorat il-ġdid u l-isem, kunjom u kariga ta' kull persuna fi ħdan il-Unit tal-Immaniġjar tat-Traffiku li kien hemm qabel ma dan - skont il-perit - sar direttorat, u ċjoè meta kien għadu jifforma parti mit-Transport Strategy Directorate?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li ma kienx hemm Traffic Management Unit fl-Integrated Transport Strategy Directorate. It-Traffic Management Unit kien ġie abolit mill-Integrated Transport Strategy Directorate fl-aħħar tas-sena 2008.
Transport Malta — Direttorat tal-Immaniġġar tat-Traffiku u Road Safety – kors ġewwa Singapor
Question
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' min huma ż-żewġ impjegati fl-hekk imsejjaħ Direttorat tal-Immaniġġar tat-Traffiku u Road Safety fi ħdan Transport Malta li qed jattendu/attendew kors ta' ġimagħtejn ġewwa Singapor? Jista' jagħti dettalji ta' kif intagħ¿lu dawn l-impjegati? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-CVs ta' dawn l-istess impjegati? Jista' jagħti dettalji ta' kemm se jiswa l-kors għaż-żewġ impjegati, kemm jiswew il-biljetti tal-ajru, l-akkomodazzjoni u s-subsistence? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda kopja tal-programm ta' dan il-kors?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li persuna waħda biss mid-Dipartiment għall-Immanniġġjar tat-Traffiku u Sigurta’ fit-Toroq marret kors ta’ġimgħatejn ġewwa Singapore u din kienet il-Perit Audrey Testaferrata de Noto. Il-Perit Audrey Testaferrata de Noto intagħżlet għax hija Traffic Engineer kwalifikata fi Transport Malta. L-ispejjeż għal dan il-kors kienu biss għall-biljett tal-ajru li sewa €930 u għal subsistence ta’ €409. Minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tad-data, ma nħossx li huwa etiku li titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra is-CV ta’ din il-persuna. Wara kollox l-Onorevoli Interpellant jaf sewwa il-kapaċitajiet ta’ din il-Perit li kienet ukoll tagħmel parti minn Transport Malta taħt Gvern Preċedenti. Id-differenza hija biss li taħt l-amministrazzjoni preċedenti din il-persuna ma kienitx titħalla taħdem, mentri illum qed titħalla tagħmel xogħolha bla ebda tkixkil u indħil. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-programm tal-kors.
B'referenza għall-programm Times Talk tad-29 ta' Ottubru u dak li stqarret il-perit li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni, fid-dettall, tal-ispinta qawwija f'dawn l-aħħar ftit xhur li ngħatat lill-proġetti tal-junction tal-Marsa u l-Kappara? Jista' jispjega r-riżultat ta' din l-ispinta qawwija hekk kif stqarret il-perit fl-istess programm u fl-istess waqt jagħti rendikont dettaljat tax-xogħol li kien sar fuq dawn iż-żewġ proġetti qabel Marzu 2013?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, sa qabel Marzu 2013, il-proġett dwar il-junction fil-Marsa kien biss fi stadju ta’ kunċett skematiku li kien jifforma parti mir-rapport li kien sar mill-kumpanija ta’ konsulenti Francizi BCEOM fl-2004 dwar it-toroq arterjali ta’ Malta. Dan id-disinn preliminari kien jinkludi roundabout f’dan l-inkroċju tat-toroq bi triq elevata fuqha.
Minn wara Marzu 2013 saru disinji ġodda fejn qed jiġi propost li f’din il-junction it-traffiku jkun kontinwu. Bħalissa qed isir il-koordinament mal-entitajiet tas-servizzi, kif ukoll konsultazzjoni mal-MEPA. Apparti tibdil fit-toroq se jkun hemm ukoll riġenerazzjoni taż-żona biex iż-żoni sportivi li hemm fil-viċinanzi jkunu aktar aċċessibbli. Dawn l-istudji u d-disinji l-ġodda qed isiru mill-impjegati ta’ Transport Malta.
Fil-rigward tal-proġett tal-inkroċju tal-Kappara, sa qabel Marzu 2013, ma kienx fi stadju avvanzat u fil-fatt il-permess tal-Awtorita’ tal-Ambjent u Ippjanar, li kien l-aktar parti mportanti w kruċjali tal-proġett, inħareġ f’Awissu 2013. Iż-żewġ aspetti l-oħra li kienu mportanti ħafna għal dan il-proġett kienu li tinħareġ it-tender sabiex isiru x-xogħlijiet u l-applikazzjoni għall-fondi. Fil-fatt, bħalissa qed isir ix-xogħol neċessarju sabiex tinħareġ it-tender u ssir l-applikazzjoni għall-istess fondi, liema applikazzjoni ser tiġi sottomessa fiż-żmien qarib.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn toroq f’Malta u Għawdex msemmija għal nies Maltin (prominenti jew patrijotti)? X’perċentwal hu dan mit-toroq kolla? Hemm il-ħsieb li jinbidlu xi ismijiet ta’ toroq biex jissemmew għal dawn in-nies?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif ġie maħtur li Street Naming Committee il-ġdid ma sab l-ebda informazzjoni jew xi tip ta’ rendikonti ta’ l-ismijiet tat-toroq. Din l-informazzjoni trid tinġabar mill-ġdid.
Is-Siġġiewi – Triq Dun Manuel Zammit – żamma ta’ ilma
Question
Jista’ l-Ministru jgħid ta’ min hi r-responsabbiltà li tiġi rranġata Triq Dun Manuel Zammit ġewwa s-Siġġiewi peress li hemm problema ta’ żamma ta’ ilma f’din it-triq b’konsegwenza li qiegħda toħloq inkonvenjent kbir lir-residenti kull meta tagħmel ix-xita?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq imsemmija mhux waħda arterjali jew distributorja u għaldaqstant il-manutenzjoni u xogħlijiet relatati magħha ma jaqgħux taħt ir-responsabbilta’ ta’ Transport Malta. Madanakollu bħal ma jsir f’kull każ, lest li nagħti il-kontribut sħiħ tiegħi u niġbed l-attenzjoni ta’ dawk ikkonċernati.
Dipartiment tal-Artijiet – permessi għall-billboards proviżorji
Question
In vista tar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 6309, jista' l-Ministru jgħid kif Transport Malta tkun involuta fit-tpoġġija ta’ kwalunkwe billboards fit-toroq jew maġenb it-toroq ta’ Malta u Għawdex, kemm dawk li jitpoġġew b’mod proviżorju kif ukoll dawk li jitpoġġew b’ mod permanenti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta tiġi kkonsultata sabiex tevalwa s-sit, li jkun identifikat għat-tqegħid ta’ billboard, mil-lat ta’ sigurta’ fit-triq skont Kapitlu 499 tal-Liġijiet ta’ Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-Rapport Annwali għas-sena 2012 ta’ Transport Malta ġiex ippreżentat lilu skont it-termini stabbiliti fl-artiklu 34 tal-Kap. 499? Jekk fl-affermattiv jista’ jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra u jekk fin-negattiv, jista’ jispjega għalfejn?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li ir-Rapport Annwali għas-sena 2012 ta’ Transport Malta ilu ‘l fuq minn 5 xhur li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Nirreferi ukoll lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 5606.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5592, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, lista ta’ siti li huma proprjetà ta’ Transport Malta u li fuqhom inħareġ kemm permess kif wkoll kirja għall-installazjoni ta' billboards minn Transport Malta? Jista’ jgħid jekk dawn is-siti ngħatawx b'direct order jew inkella ħarġux b'tender? Meta nħarġet id-direct order/tender? Min ħa t-tender/direct order? Għal kemm hu validu dan id-direct order/tender?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta mhix l-entita’ responsabbli sabiex toħroġ permessi għall- billboards. L-Awtorita’ tagħti biss l-approvazzjoni jew oġġezzjoni tagħha meta tiġi kkonsultata.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5592, jista’ l-Minstru jgħid x'azzjoni qed tieħu Transport Malta fir-rigward ta' dawk is-siti li huma proprjetà ta' Transport Malta u li fihom hemm stallati billboards bla permess jew approvazzjoni ta’Transport Malta, speċjalment dawk li mhumiex armati skont ir-regolament ta’ Transport Malta?
Peress li kull darba li tagħmel ix-xita qed ikun hemm għadira kbira qrib l-area magħrufa bħala l-Qolla s-Safra, matul il-coast road, ħdejn il-Magħtab, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jitnaddfu l-pajpijiet li hemm min-naħa għall-oħra tat-triq ħalli ma jibqax joqgħod ilma li qed joħloq periklu għas-sewwieqa li jgħaddu minn dawn l-inħawi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ser isir ko-ordinament bejn id-Direttorat għat-Tindif u Transport Malta sabiex jiġi evalwat x’jista' jsir sabiex jitneħħa dan l-inkonvenjent.
Jista’ l-Ministru jgħid x’se jkunu t-tibdiliet li se jiddaħħlu fis-sistema tas-CVA fil-Belt Valletta u meta dawn se jidħlu fis-seħħ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tibdiliet li se jiddaħħlu fis-sistema tas-CVA huma hekk kif ġie mwiegħed fil-manifest elettorali. Dan ifisser li b’effett mill-1 ta’ Diċembru 2013, mhu se jkun hemm l-ebda ħlas tas-CVA għal kull min jidħol il-Belt Valletta wara s-sagħtejn ta’ wara nofsinhar mit-Tnejn sal-Ġimgħa, il-ġurnata kollha s-Sibtijiet u l-Ħdud u fil-festi pubbliċi.
Dan ser isir bil-għan li ninkoraġġixxu id-dħul fil-Belt Valletta għal-żjarat wara s-sagħtejn ta’ wara nofsinhar, weekends u festi pubbliċi.