Peress li fil-ħarġa ta' The Times tas-Sibt 27 ta' April 2013, is-Segretarju Parlmentari għall-Persuni b'Diżabilità ġie rappurtat li qal li "There are no State homes for disabled people with the only available facilities belonging to Church-run organisations and individual priests" tista' l-Ministru tgħid jekk għadhomx joperaw it-tmint idjar għall-persuni b'diżabilità f'Vajrita 2, f'Wied il-Għajn, fil-Fgura, f'Ħal Kirkop, fl-Imtarfa, f'Bormla, u f'Birżebbuġa li jaqgħu taħt l-Aġenzija Sapport, li tagħmel parti mill-Ministeru tagħha u li ġew miftuħa minn Gvern Nazzjonalista? Tista' tgħid ukoll jekk il-Ministeru tagħha hux se jonora l-ftehim li sar taħt amministrazzjoni Nazzjonlista biex jinxtraw s-servizzi residenzjali għal numru ta' persuni b'diżabilità mingħand erba' għaqdiet mhux governattivi li huma l-Arka, Dar Pirotta, Dar il-Wens u Dar tal-Providenza?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant, li l-kwotazzjoni li qiegħed jagħmel referenza għaliha mhix tal-Onor. Franco Mercieca, iżda konklużjoni li għamel l-awtur tal-artiklu inkwistjoni.
Informata wkoll li hemm sebat idjar b’kollox għall-persuni b’diżabbiltà u mhux tmienja. Dawn huma tnejn f’Wied il-Ghajn (Vajrita 1 u 2), Imtarfa, Fgura, Kirkop, Bormla u Birżebbuġa.
Fir-rigward tad-dar f’Birżebbuġa, informata li l-operat tagħha għadu ma bediex minħabba li għad m’għandhiex l-istaff neċessarju kollu. Madankollu l-ewwel żewġ klijenti bdew it-tranżizzjoni tagħhom u għalhekk qegħdin imorru fl-istess dar biex iqattgħu ħin fiha.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern dwar it-twettiq tal-miżura mwiegħda fil-programm elettorali tal-Partit Laburista intenzjonata biex tikkoreġi l-anomaliji li nħolqu fil-pensjoni tas-servizz li jolqtu lil numru ta' ħaddiema li ħadmu mal-Gvern qabel l-1979?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li diġà nbdew taħditiet mal-għaqdiet tal-penzjonati u dawk involuti, kif ukoll mal-Ministeru tal-Finanzi. It-taħditiet għadhom fi stadju bikri.
Kunsilli Lokali — Impjieg ta' persuni b'diżabilità
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm persuni b'diżabilità jaħdmu mal-kunsilli lokali? Tista' tgħid jekk l-iskema biex persuni b'diżabilità jaħdmu għal tliet snin mal-kunsilli lokali hix se titkompla u jekk hux se tingħata opportunità li kull kunsill lokali jħaddem miegħu persuna jew persuni b'diżabilità?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li preżentament 11-il persuna qegħdin igawdu minn din l-iskema. Il-Gvern preżenti huwa impenjat biex din l-iskema jwettaqha u fejn hu possibbli isaħħaħa.
Inżid billi infakkar lill-Onor Interpellant li l-Gvern preżenti ma sab ebda fondi ivvutati għal din l-iskema. Kull ma sab il-Gvern preżenti kienet wegħda verbali li l-Onor Interpellant innifsu bħala Ministru għall-Gustizzja, Djalogu Soċjali u l-Familja għamel lill-Kunsilli Lokali li l-Gvern preċedenti kien se jagħmel tajjeb għal din l-iskema, iżda fondi ivvutati għaliha fil-Budget ta' Novembru ma kien hemm xejn.
Fil-fatt se jkollu jkun il-Gvern preżenti li se jagħmel tajjeb għal din l-iskema biex ikun jista jgħin lill-Kunsilli Lokali jimpjegaw persuni b'diżabilità.
Grupp ta' Ħidma dwar il-Pensjonijiet — rapporti fuq ir-rakkomandazzjonijiet
Question
Peress li l-Grupp ta' Ħidma dwar il-Pensjonijiet kien lesta r-rapport finali tiegħu wara konsultazzjoni twila mal-istakeholders kollha, u peress li dan ir-rapport kien fih numru ta' rakkomandazzjonijiet, u peress li fuq numru ta' rakkomandazzjonijiet fejn kien hemm qbil bejn kulħadd bdew jiġu attwati u fuq oħrajn kompliet għaddejja l-konsultazzjoni, tista' l-Ministru tgħid kif dan il-Gvern beħsiebu jimxi fuq din il-materja tal-pensjonijiet u jekk hix beħsiebha timxi fuq dan ir-rapport finali tal-Grupp ta' Ħidma?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f’seduta oħra.
Tista' l-Ministru tara li l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jingħata prijorità peress li ilha diversi snin tistenna post tal-housing?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna imsemmija ġiet ikkunatattjata mill-Head of Customer Care. Din ġiet infurmata li qed jittieħdu l-passi neċessarji sabiex jitħaffef l-każ tagħha.
Tista' l-Ministru tara li l-każ tal-persuna, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jingħata prijorità peress li ilha diversi snin tistenna post tal-housing?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f’seduta oħra.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsijiet parlamentari 635 u 299 u tara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li applikat biex tidħol fid-Dar tal-Anzjani ta' Bormla però issa lesta li tmur fir-Residenza San Vinċenz de Paul?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Il-persuna msemmija kienet applikat sabiex tidħol f’dar tal-anzjani tal-Gvern l-ewwel darba fl-1996. Din ġiet ammessa fid-Dar ta’ Bormla fis-sena 2002 u telqet mir-residenza minn jedda.
Din il-persuna reġgħet applikat biex tidħol fl-istess dar fis-sena 2006 u ġiet ammessa mill-ġdid iżda reġgħet telqet mid-dar ta’ Bormla minn jedda.
Fis-sena 2009 reġgħet applikat biex tidħol fl-istess dar u l-Bord approvaha bħala Prijorità Għolja. Saret ‘update’ tal-applikazzjoni fl-4 ta’ Novembru 2010 u l-Bord ikkonfermaha bħala Prijorita’ Għolja. L-istess proċedura ta’ ‘update’ reġgħet saret fis-26 ta’ Settembru 2012 u f’Ottubru 2012 din l-applikazzjoni reġgħet ġiet konfermata mill-Bord ta’ l-Ammissjonijiet bħala Prijorita Għolja.
B’hekk din l-applikazzjoni tinsab fil-lista ta’ stennija ma’ applikazzjonijiet oħra.
Peress li riċentament tħabbar li persuni li jixtiequ s-servizz tal-home help se jiġu means tested, tista' l-Ministru tinforma jekk dawn il-persuni li diġà qed jingħataw dan is-servizz hux se jiġu affetwati minn dan it-tibdil?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Tweġiba għal din il-mistoqsija se tingħata f’seduta oħra.
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-guidelines li jirregolaw il-ħidma u l-operat tas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u tad-deputat laburista, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li ngħata inkarigu fir-Residenza San Vinċenz de Paul u fetaħ uffiċċju f'din ir-residenza?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Tweġiba għal din il-mistoqsija se tingħata f’seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm għalliema tal-Braille impjegati mal-Gvern u fejn huma assenjati?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Aġenzija SAPPORT tiffinanzja 20 siegħa fil-ġimgħa mill-paga ta’ impjegat tal-KNPD sabiex dan jassisti fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum ta’ Santa Venera u fost id-dmirijiet tiegħu huwa jgħallem il-Braille lill-klijenti neqsin mid-dawl.
Huwa fil-ħsieb ta’ dan il-Ministeru li għal quddiem se jitħarġu aktar nies f’dan il-qasam
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm anzjani, minn kull lokalità f’Malta u f'Għawdex, li qegħdin fuq il-waiting list biex jidħlu fir-residenza San Vinċenz de Paul jew f’xi dar tal-anzjani residenzjali oħra tal-Gvern?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Tweġiba għal din il-mistoqsija se tingħata f’seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm persuni li qed jibbenefikaw minn kull benefiċċju soċjali li jipprovdi l-Gvern, u għal kull benefiċċju tista’ tipprovdi din l-informazzjoni maqsuma għal kull lokalità f’Malta u f'Għawdex?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-Informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Minħabba li l-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, qiegħda tgħix f’kundizzjonijiet mhux adegwati għaliha u għat-tliet uliedha, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità hijiex qed tagħti prijorità lil dan il-każ?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-applikanta in kwesjoni applikat sabiex tpartat l-appartament mikri lilha mill-Gvern nhar it-22 ta’ Marzu, 2012 peress li hija qiegħda tgħid li l-post huwa żgħir. Fl-2007 hija kienet għamlet it-talba sabiex tiġi rikonoxxuta fil-post attwali tagħha u wara li l-Awtorità tad-Djar laqgħet it-talba tagħha, l-applikanta ffirmat il-kuntratt ta’ kera nhar il-05/03/2008. Dak iż-żmien l-applikanta kellha żewġt ibniet biss. Il-lokalita’ preferuta tal-applikanta hija l-Floriana. L-applikazzjoni tagħha qegħda tingħata l-attenzjoni meħtieġa flimkien mal-applikazzjonijiet tal-istess kategorija.
Tista' l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità tad-Djar hix se żżomm il-policy li ma tibnix aktar appartamenti, kemm biex jintużaw għall-akkomodazzjoni soċjali kif ukoll biex jintużaw għall-akkomodazzjoni affordabbli, iżda minflok tniedi skemi li permezz tagħhom takkwista jew tutilizza bi ftehim mas-sidien privat, parti mill-istock kbir ta' appartamenti vojta li hawn mal-pajjiż kollu? Jekk se tinbidel kif?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa qed isir awditjar li mistenni jkun lest fil-ġranet li ġejjin. Wara se jsir analiżi dwar liema skemi l-Awtorità tad-Djar se tkun qed timplimenta.
Għawdex — Djar residenzjali għal persuni b'diżabilità
Question
Tista' l-Ministru tgħid għaliex il-vot biex tinfetaħ l-ewwel dar residenzjali f'Għawdex għall-persuni b'diżabilità tnaqqas minn €500,000 għal €300,000, u dan meta l-Gvern għandu wegħda espressa li matul din il-leġiżlatura jiftaħ djar fil-komunità għall-persuni b'diżabilità kollha?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Tweġiba għal din il-mistoqsija se tingħata f’seduta oħra.
Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li għandu applikazzjoni pendenti għall-Meals on Wheels?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Tweġiba għal din il-mistoqsija se tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — uffiċjali tas-segretarjati - kuntratti
Question
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti ta' impjieg tal-uffiċjali tas-segretarjat privat tagħha inkluż is-segretarjat tas-Segretarju Parlamentari?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-Informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — vakanzi
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'vakanzi mtlew fil-Ministeru u d-dekasteru li jaqa' taħtha bejn l-1 ta' Novembru 2012 u t-8 ta' Marzu 2013 u tagħmel referenza għal kull sejħa separatament?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-Informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — Impjegati minn barra s-Servizz Pubbliku
Question
Tista' l-Ministru tgħarraf lill-Kamra jekk fis-segretarjat tal-Ministeru tagħha ġewx impjegati individwi li huma minn barra s-Servizz Pubbliku? Jekk fl-affermattiv, tista' tgħid kemm hu n-numru ta' dawn il-persuni u jekk kenux jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC)?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li 7 kienu jaħdmu, 1 kien jaħdem part-time, 4 bla xogħol u ma kinux jirreġistraw, 2 bla xogħol u kienu jirreġistraw, 1 kien ġej redundant u 4 kienu jaħdmu xogħol prekarjat.
Aġenzija Sapport — personal assistants għal persuni b'diżabilità
Question
Tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra jekk persuni b'diżabilità minħabba nuqqas ta' saħħa mentali jistgħux jingħataw is-servizz ta' personal assistant li huma msemmi mill-Aġenzija Sapport?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija SAPPORT ġiet mwaqqfa biex toffri servizzi għal persuni b’diżabilità intelletwali u/jew fiżika u/jew sensorjali u għalkemm xi wħud mill-klijenti tagħha ikollhom ukoll diffikultajiet ta’ saħħa mentali – minħabba li jkollhom dual diagnosis – id-direzzjoni tal-aġenzija hija li ma toffrix servizzi lil persuni li jkollhom diffikultà ta’ saħħa mentali biss. Dan minħabba l-fatt li hawn servizzi speċjalizzati purament għalihom mogħtija minn entitajiet oħra f’Malta.