Kunsill Lokali tal-Mellieħa — attività lejlet l-ewwel tas-sena 2015
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-attività li organizza l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa lejliet l-ewwel tas-sena 2015? Jista' jpoġġi r-rendikont ta' kif intefqu l-flus (item b'item) sabiex setgħet issir din l-attività fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li d-dħul u l-ispejjeż marbuta mal-attività li organizza l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa lejliet l-ewwel tas-sena 2015 kienu kif jidher f’budget li tressaq għad-diskussjoni fis-seduta tal-Kunsill nru. 29 tad-9 ta’ Diċembru 2014.
Biex ikopri l-istess spiża, ninsab infurmat li l-istess Kunsill Lokali għadda mozzjoni biex permezz tagħha sar trasferiment ta’ fondi minn vot għal ieħor, liema riżoluzzjoni għaddiet b’mod unanimu mill-kunsillieri kollha.
Intant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-budget approvat mill-Kunsill Lokali għal dan il-għan.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-dawl kollu li hemm fix-xatt u l-promenade ta' Marsaxlokk hux jixgħel u jiffunzjona kif suppost?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk li fil-11 ta’ Diċembru 2014 daħallu rapport li d-dawl kollu ta’ Xatt is-Sajjieda kien jinsab mitfi. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istess l-Kunsill bagħat rapport dwar dan lil Enemalta u ninsab infurmat li l-problema issa ġiet solvuta.
Kunsill Lokali tal-Mellieħa — Funikular bejn il-Mellieħa u l-Bajja tal-Għadira
Question
B'rabta mal-proġett li ssemma mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u li għalih kien hemm referenza f'mistoqsija parlamentari 10099, jista' l-Ministru jagħti garanzija li qabel ma jiġi deċiż li jsir il-proġett indikat, isiru l-istudji neċessarji kollha bhal mhuma dawk dwar l-impatt ambjentali u dak tat-traffiku kemm għaż-żona tal-Għadira kif ukoll għal dik residenzjali biswit il-knisja Parrokjali?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa għamilha ċara mill-bidu li l-proġett tal-funikular bejn il-Mellieħa u l-Bajja tal-Għadira għandu jitwettaq mill-privat wara li jsiru studji li jittrattaw id-diversi aspetti tiegħu. Infurmat li l-Kunsill Lokali għamel il-pożizzjoni tiegħu ċara dwar dan, anke waqt laqgħa li kellu mad-Deputati Parlamentari tad-Distrett, fit-2 ta’ Awwissu 2014, fejn l-Onor. Interpellant kien preżenti.
Kunsilli Lokali tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar — xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma x-xogħlijiet ta' kull tip, kemm servizzi, kif ukoll xogħlijiet fiżiċi, jew professjonali li bħalissa għaddejjin bhala parti mill-ħidma tal-Kunsilli Lokali tal-Mellieħa u San Pawl il-Baħar? Liema minn dawn ix-xogħlijiet qed isiru permezz ta' tender u liema qed isiru permezz ta' direct orders, jew ta' kwotazzjonijet, jew permezz ta' impjegati mal-istess kunsilli, jew ta' ħaddiema assenjati mal-kunsilli rispettivi? F'kull każ meta nbeda x-xogħol u taħt liema kundizzjonijiet? Jista' jagħti tagħrif dwar liema mix-xogħlijiet/servizzi li għaddejjin bħalissa, qabel kienu jsiru permezz ta' kuntratt li għal xi raġuni twaqqaf?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba kif provduta mill-Kunsilli Lokali rispettivi.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali – Customer care – ilmenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-iktar ħames ilmenti frekwenti li ġew irreġistrati fis-sistema jew sistemi li tuża mill-customer care tal-Ministeru tiegħu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-iktar ħames mistoqsijiet frekwentati mill-pubbliku li ġew irreġistrati mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali jikkonċernaw :
(1)Informazzjoni dwar ir-riforma fil-liġijiet tad-drogi tal-abbuż
(2)Mistoqsijiet dwar il-Guardianship deeds favur il-volontarjat
(3)Informazzjoni dwar ir-riforma tal-gwardjani lokali
(4)Il-mekkaniżmu tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti
(5)Il-progress tar-riforma tal-Ġustizzja partikolarment rigward id-dewmien fil-kawżi
Madanakollu, ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li l-customer care tal-Ministeru ma jkunux ikkuntatjati biss b’mistoqsijiet ta’ din ix-xorta iżda jkun hemm ammont sostanzjali ta’ nies li javviċinaw il-customer care tal-Ministeru sabiex jistaqsu għall-informazzjoni vajra. Informazzjoni li hi partikolarment relatata mal-Ġustizzja, attivitajiet u avvenimenti kulturali li jkunu għaddejin kif ukoll informazzjoni dwar il-Kunsilli Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu kontravenzjonijiet minn Transport Malta xahar b'xahar mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, liema kontravenzjonijiet jiġu pproċessati quddiem it-Tribunali Lokali? Jista' jgħid x' tip ta' kontravenzjonijiet ingħataw?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba fil-Mistoqsija Parlamentari li tikkonsisti fil-kontravenzjonijiet li Transport Malta (TM) daħlet fis-sistema kompjuterizzata tal-Infurzar Lokali għall-perjodu bejn it-13 ta’ Marzu 2013 u l-10 ta’ Diċembru 2014.
Ninsab infurmat li t-Transport Malta iddaħħal fis-sistema kompjuterizzata tal-Infurzar Lokali l-kontravenzjonijiet li hija toħroġ erbgħin (40) jum wara li din tkun ħarġet il-kontravenzjoni nnifisha. Dan isir bl-iskop li Transport Malta tagħti żmien biżżejjed lil dak li jkun sabiex tissolva l-kontravenzjoni direttament magħha. Għaldaqstant mill-kontravenzjonijiet li toħroġ Transport Malta, huma biss dawk li ma jilħqux jiġu solvuti direttament magħha li jiddaħħlu biex jiġu proċessati fis-sistema tal-Infurzar Lokali.
Għaldaqstant l-informazzjoni li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra trid tittieħed f’dan il-kuntest li għadni kemm spjegajt.
Nirreferi lill-Onor. Interpellant jagħmel mistoqsija separata lill-Ministru kkonċernat għall-bqija tal-kontravenzjonijiet maħruġa minn Transport Malta .
Intant ninforma lill-Onor. Interpellant li kull kontravenzjoni maħruġa minn Transport Malta tkun ġudikata mit-Tribunal Lokali sakemm ma ssirx petizzjoni għaliha quddiem il-Bord tal-Petizzjonijiet.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’wassal lill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa biex jitlef l-interess li kellu biex jibda jamministra, b’xi mod, il-Fortizza Campbell f’Selmun limiti tal-Mellieħa? Meta ttieħdet id-deċiżjoni li ma tibqax tiġi segwita t-talba li l-istess kunsill kellu għal din il-fortizza?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10098.
Kunsill Lokali Mellieħa – Fortizza Campbell — rakkomandazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa kellux xi talba biex igħaddi r-rakkomandazzjonijiet dwar l-użu tal-Fortizza Campbell fil-Mellieħa? Jekk iva, x’kienu r-rakkomandazzjonijiet tiegħu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10098.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa qattx intalab biex igħaddi l-inħawi magħrufa bħala l-Gżejjer ta’ San Pawl minn taħt il-konfini tiegħu għal konfini ta’ San Pawl il-Baħar? Jekk kien hemm talbiet simili, jista’ jagħti tagħrif dwar x’kienet ir-razzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk il-Kunsill illum għadx għandu l-istess opinjoni dwar dawn l-inħawi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li qatt ma saritlu talba biex jirrilaxxa l-Gżejjer ta’ Selmun u Selmunett mill-konfini tiegħu. Għaldaqstant, ninsab infurmat mill-istess kunsill li ma jirriżultax mill-minuti tas-seduti ta’ Kunsilli, kemm dak attwali kif ukoll dawk passati, li ġiet addottata xi pożizzjoni uffiċjali f’dan ir-rigward.
Billi qed jingħadd li l-Lukanda Selmun Palace se titkabbar b’mod sostanzjali, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’inhi l-pożizzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa dwar tali tkabbir tal-lukanda?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat lilu stess mill-Ministru tat-Turiżmu għall-Mistoqsija Parlamentari li ġġib in-numru 12309, pero’ naċċertak li kwalunkwe tibdil, jekk ikun il-każ, ser jingħadda mill-proċessi kollha skont il-liġi.
Naċċertak ukoll li din l-inizjattiva ta’ dan il-Gvern ser twassal biex din il-lukanda, li ngħalqet taħt l-amministrazzjoni preċedenti, ser terġa’ tkun punt ta’ riferenza fiż-żona tan-naħa ta’ fuq ta’ Malta u partikolarment il-Mellieħa ħalli din tkompli tasserixxi ruħha bħala żona turistika.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — taxxi, tariffi jew miżati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu), mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu matul is-snin 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012? Jista’ jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lil Onorevoli Interpellant li t-taxxi, tariffi u miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti matul is-snin imsemmija f’din il-Mistoqsija Parlamentari qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Anness Numru 1 – Qrati tal-Ġustizzja.
Akkumpanjat bl-Avviżi Legali Numri 347/2008 u 371/2011.
Anness Numru 2 – Ċentru tal-Medjazzjoni għal Malta
Akkumpanjat bl-Avviż Legali Numru 309/2008.
Anness Numru 3 – Aġenzija Heritage .
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għall-kumplament tad-dipartimenti, awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali hi xejn.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-prosekuturi fit-Tribunali Lokali? Jista' jgħid wieħed wieħed meta jiskadi l-kuntratt tagħhom bħala prosekutur u b'liema rata u sistema qegħdin jitħallsu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għal din il-Mistoqsija Parlamentari għadha qed tinġabar u għalhekk ser tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Ġustizza, Kultura u l-Gvern Lokali – żidiet f’miżati
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ servizzi tal-Gvern li se togħla l-miżata tagħhom? Jista’ jgħid b’kemm se jiżdiedu?
Response (BONNICI, OWEN)
B’referenza għall-mistoqsija 12779 ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li l-miżati tas-servizzi mitluba f’din il-Mistoqsija Parlamentari diġa ġew ippubblikati fl-Abbozz tal-Liġi Numru 74 tal-2014 li huwa l-Abbozz tal-Liġi li jimplimenta l-Miżuri tal-Estimi Finanzjarji għall-2015 u miżuri amministrattivi oħra.
Irrid ngħid li fejn jidħlu miżuri tal-Qorti hemm miżati li żdiedu marġinalment, hemm oħrajn li roħsu u hemm oħrajn li saħansitra tneħħew kompletament.
Iż-Żurrieq — street lighting fi Triq l-Isqof Alferan
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex bozza tal-iStreet Lighting li qiegħda fi Triq l-Isqof Alferan kantuniera ma’ Triq Donato Del Piano fiż-Żurrieq ilha madwar sena ma tixelx? Meta se tiġi rranġata din il-bozza?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq li qatt ma rċieva l-ilment li rrefera għalih l-Onor. Interpellant fil-mistoqsija. Intant infurmat mill-istess Kunsill li hekk kif wasallu dan ir-rapport permezz ta’ din il-Mistoqsija Parlamentari ħa ħsieb jagħmel ir-rapport lill-Enemalta sabiex ikun isir ix-xogħol meħtieġ.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa ressaqx xi suġġerimenti partikolari għal dak li jikkonċerna l-inħawi magħrufa bħala l-Fortizza Campbell, fl-inħawi ta' Selmun, limiti tal-Mellieħa? Jekk iva, x'kienu s-suġġerimenti li saru u xi studji partikolari saru dwar dawn l-istess inħawi?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li r-risposta hi fin-negattiv.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żviluppi partikolari għal dak li jikkonċerna l-possibilità li jiġi stallat funikular li jgħaqqad il-Mellieħa mal-Bajja tal-Għadira jew xi spazju ieħor fl-istess inħawi?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li peress dan il-proġett jirrikjedi finanzjament sostanzjali li jmur il’hinn mill-mezzi finanzjarji tiegħu l-Kunsill ser iressaq il-ħsibijiet tiegħu lis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali fiż-żmien li ġej.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' nutara li turi s-sena sa meta l-atti tagħhom inter vivos u causa mortis ġew depożitati fl-arkivju notarili?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed jitpoġġewi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ listi ta’ Nutara f’Malta u Għawdex li juru s-sena sa meta l-atti tagħhom inter vivos u causa mortis ġew depożitati fl-Arkivju Notarili.
Kunsilli Lokali — dejn ma’ entitajiet governattivi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kunsilli lokali li għandhom djun ma’ entitajiet tal-Gvern? Liema huma dawn il-kunsilli? Kemm huwa d-dejn u meta beda?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar mingħand il-Kunsilli Lokali permezz ta’ ċirkolari elettronika maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali u għaldaqstant tweġiba bl-informazzjoni miġbura tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-artiklu 141 tal-Kodiċi Kriminali hux applikabbli u jiġix applikat f'każ ta' impjegat ta' korporazzjoni pubblika li jixxaħħam?
Response (BONNICI, OWEN)
Nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li, għall-fatt illi l-iskop ta’ dina l-mistoqsija parlamentari ma jistax ikun il-kisba ta’ parir legali u għalhekk din it-tweġiba m’għandiex tiġi interpretata bħala xi forma ta’ parir legali lil xi ħadd, wisq iżjed meta ma ġewx esposti fil-mistoqsija l-ebda fatti speċifiċi.
L-Artikolu 141 tal-Kodiċi Kriminali jgħid hekk:
“DISPOSIZZJONI ĠENERALI LI TAPPLIKA
GĦALL-UFFIĊJALI PUBBLIĊIDisposizzjoni
ġenerali.
Emendat:
IX. 1859.10.
141. Barra mill-każijiet li fihom il-liġi tgħid espressament liema
huma l-pieni li għandhom jingħataw għar-reati li jsiru minn
uffiċjali jew impjegati pubbliċi, kull uffiċjal jew impjegat pubbliku
li jsir ħati ta’ reat ieħor li huwa kellu jissorvelja biex ma jsirx jew li
minħabba l-kariga tiegħu huwa kellu d-dmir li jimpedixxi, jeħel,
meta jinsab ħati, il-piena stabbilita għal dak ir-reat, miżjuda bi
grad.”
Ninsab infurmat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li kif inhu miktub l-Artikolu, jirreferi għall-uffiċċjali pubbliċi biss. Madanakollu, wieħed għandu jiftakar li l-liġijiet kostituttivi ta’ diversi korporazzjonijiet pubbliċi jistipulaw illi l-impjegati ta’ dawk il-korporazzjonijiet għandhom jitqiesu bħala uffiċċjali pubbliċi għall-finijiet tal-Kodiċi Kriminali.
F’dak il-każ, għalhekk l-Artikolu 141 japplika wkoll għall- “impjegat ta’ korporazzjoni pubblika li jixxaħħam.”
Jista' l-Ministru jgħid jekk jagħmilx sens li filwaqt li fix-xogħol normali tagħhom, professjonisti varji jridu josservaw id-dettami rigorużi tal-liġi tal-Money Laundering, kif għandu jkun, mill-banda l-oħra kien hemm u qed ikun hemm każijiet fejn imputati li jingħataw il-ħelsien mill-arrest mill-Qrati tagħna fuq depożitu ta' għexieren ta' eluf ta' euro, iħallsu dawn l-ammonti kontanti (il-mejda fl-awla litteralment tkun miksija flus kontanti) u ħadd ma jitlob li jimtlew formoli taħt il-Money Laundering Act għal verifika u skrutinju? Għaliex jekk avukat jiddepożita l-Qorti b'ċedola somma flus iktar minn ċertu ammont ta' ftit eluf ta' euro għan-nom tal-klijent tiegħu, ngħidu aħna ta' kera jew ċens, irid jissodisfa lill-Financial Intelligence Unit u l-liġi tal-Money Laundering - u dan hu sew - però dan ma japplikax għall-imputati li jiddepożitaw il-flus għall-bail li jkun iktar minn dak l-istess ammont?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li minn verifiki li saru mar-Reġistru tal-Qrati ta’ Ġurisdizzjoni Kriminali ma jirriżultax li f’dawn l-aħħar snin saru bails ta’ depositu fejn ġew depożitati iktar minn €11,646.87 (LM5,000) fi flus kontanti; il-massimu li l-amministrazzjoni taċċetta fi flus kontanti. Fejn l-ammont ta’ depożitu jkun iktar minn dak imsemmi, l-istess flus jiġu depożitati permezz ta’ cheque jew ta’ bank draft.