Helicopter/ajruplan fixed wing bejn Malta u Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jibda jopera helicopter jew ajruplan fixed wing bejn Malta u Għawdex? Meta mistenni li jibda dan is-servizz mwiegħed minn dan il-Gvern?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed jagħmel l-istudji kollha neċessarji u relattivi għal u li jippreċedu, tali proġett.
Għawdex – Nadur — ħitan imwaqqa’ fi Triq Għajn Qasab
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta ser jiġu msewwija numru ta' ħitan li waqgħu bil-maltemp fl-aħħar sentejn fi Triq Għajn Qasab (it-triq li twassal għall-bajja tar-Ramla) fin-Nadur?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li qegħda tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser jibda x-xogħol ta' bini mill-ġdid ta' Triq Sannat fis-Sannat, Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li d-dokument tal-offerta qiegħed jiġi pproċessat mid-Dipartiment tal-Kuntratti biex tkun tista’ tiġi ppublikata l-offerta. Ix-xogħol isir skont l-eżitu tal-offerta.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid għal kemm kienet tammonta l-ispiża tal-ħatriet fuq dawn il-bordijiet fis-sena 2012 u fis-2013 u kemm hu stmat li se tkun l-ispiża fis-sena kurrenti?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Ministeru għal Għawdex – allowance għall-kwalifiki
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10874, jista’ l-Ministru jgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, kemm kien hemm talbiet minn impjegati fid-dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li talbu biex jieħdu allowance għal xi kwalifiki li għandhom u li din ġiet miċħuda? F’kull każ għaliex it-talba ġiet miċħuda?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum kien hemm 16 il-talba għal-Qualification Allowance. Minn dawn tlieta ġew miċħuda. F’żewġ każijiet l-uffiċjali kkonċernati kienu fi Grad ta’ Skala 5 u skont il-provedimenti tal-PSMC mhux permess li titħallas Allowance f’dik iċ-ċirkustanza. Fil-każ l-ieħor l-kwalifika preżentata ma kinitx relevanti max-xogħol tal-impjegat li preżenta t-talba.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-bini ta’ Qorti ġdid f’Għawdex li sena ilu l-Gvern kien ħabbar fil-budget għal din is-sena kurrenti?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li bħalissa għaddejja il-konsultazzjoni pubblika fuq l-għażla tas-sit kif mitlub fil-Pjan Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx applikazzjoni mal-MEPA biex tinbena d-dar tal-anzjani f'Għawdex, liema dar kien hemm referenza għaliha fid-diskors tal-bagit tas-sena 2014? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'inhu n-numru tal-applikazzjoni?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjonijiet neċessarji mal-MEPA bin-numru PA1476/14 saru u nħarġu l-permessi mill-istess awtorita’ nhar il-Ħamis 9 ta’ Ottubru 2014.
Għajnsielem Għawdex -Pavimentar tal-Pjazza tas-Santwarju
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Medja tal-Kamra kopja tal-ftehim li għamel mal-Kurja t'Għawdex u/jew il-Parroċċa t'Għajnsielem fuq l-għajnuna li ser tingħata biex isir il-pavimentar tal-Pjazza tas-Santwarju f'Għajnsielem? Kemm ser tkun l-għajnuna li ser jagħti l-Gvern? Min ser joħroġ l-ammont rikjest biex isir il-proġett kollu? Xi pjanti ser jintużaw għal dan il-proġett?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-Gvern mistenni jinvesti mija u sitt elef Ewro (€106,000) għall-kommunità ta’ Għajnsielem. Dan l-ammont mistenni jkopri parti mill-ispejjeż tal-proġett msemmi. Il-pjanti li ser jintużaw huma dawk imfassla mill-Parroċċa.
Jista’ l-Ministru jgħid liema toroq ser isiru f’Għawdex min-naħa tal-Ministeru għal Għawdex bejn l-ewwel t’Ottubru 2014 u l-aħħar ta’ Diċembru 2104? F’kull każ kemm ser tkun l-ispiża u x’tip ta’ xogħol ser isir fuq kull triq?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li bejn l-ewwel t’Ottubru 2014 u l-aħħar ta’ Diċembru 2014 huwa ppjanat li jimbeda x-xogħol fuq Vjal it-Tmienja ta’ Settembru fix-Xagħra. Jiena nfurmat ukoll li x-xogħlijiet jinkludu tiġdid tas-servizzi tal-ilma kif ukoll wiċċ ġdid ta’ tarmak bi stima ta €411,860
Ir-Rabat Għawdex — Forti taċ-Ċittadella - xogħlijiet
Question
B'referenza għax-xogħlijiet li qegħdin isiru fil-Forti taċ-Ċittadella, ir-Rabat Għawdex, minn fondi Ewropej u peress li għadd ta' turisti u gwidi tagħhom qed ikunu kostretti li jgħaddu minn fuq pjanċi tal-ħadid waqt li qed isir ix-xogħol u dan qed ikun ta' periklu serju għat-turisti u l-istess gwidi, jista' l-Ministru jieħu azzjoni sabiex jara li waqt li jsir ċertu xogħol perikoluż bħal tqattigħ ta' trinek, l-aċċess għall-viżitaturi jingħalaq sabiex jiġi evitat periklu?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li waqt it-twettiq ta’ xogħlijiet fiċ-Ċittadella qed jiġu segwiti l-proċeduri ta’ saħħa u sigurta’ fuq il-post tax-xogħol. Il-Ministeru għal Għawdex huwa kommess li jkompli bix-xogħlijiet filwaqt li jisgura li l-periklu jiġi evitat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern għall-bini ta' pixxina f'Għawdex u jgħid meta mistenni jitlesta dan il-proġett tant bżonjuż għall-gżira Għawdxija?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma għandi xejn x’inżid ma tweġiba Parlamentari 7263.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li mill-29 ta' Settembru 2014 kien hemm tibdil fl-ħinijiet tal-vapuri tal-Gozo Channel bir-riżultat li l-vjaġġi, minn Għawdex bejn is-6.00pm u l-10.30pm u minn Malta bejn 6.45pm u 11.05 pm, qed ikun hemm siegħa u nofs bejn vjaġġ u ieħor bil-konsegwenza li qed ikun hemm waqtiet meta il-vapur ma jkollux spazju għall-vetturi kollha u dan qed jikkaġuna stennija żejda għal dawk li jibqgħu l-art?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fid-29 ta’ Settembru 2014 il-kumpanija Gozo Channel bdiet topera l-iskeda tal-‘Mid Season’ bħas-snin preċedenti.
Jista' l-Ministru jgħid min ħa d-deċiżjoni li din is-sena, wara numru ta' snin, in-Notte Gozitana - Lejliet Lapsi, ma ssirx? Din id-deċiżjoni saret bi qbil mal-Gozo Tourism Association u l-Gozo Chamber of Commerce?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għal mistoqsija parlamentari 9808.
Ministeru għal Għawdex– nisa f’pożizzjoni ta’ deċiżjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm nisa f'pożizzjoni ta' deċiżjoni fi ħdan id-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħu? Liema hija l-kariga ta' dawn in-nisa?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għall-liema perjodu qed jirreferi.
Ministeru għal Għawdex – nisa f’pożizzjoni ta’ deċiżjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid minn Marzu 2013 sal-lum kemm inħatru nisa f'pożizzjoni ta' deċiżjoni fi ħdan id-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħu?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Marzu 2013 sal-lum inħatru tlett (3) nisa f’pożizzjoni ta’ deċiżjoni fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, Segretarju Permanenti u żewġ (2) diretturi. Is-Segretarju Permanenti ma għadiex tokkupa din il-kariga ġol Ministeru għal Għawdex minn April 2014.
Ministeru għal Għawdex – persuni f’pożizzjoni ta’ deċiżjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-persentaġġ ta' nisa u rġiel li jokkupaw pożizzjoni ta' deċiżjoni fi ħdan id-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħu?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm wieħed u għoxrin fil-mija (21%) nisa u disgħa u sebgħin fil-mija (79%) rġiel, li jokkupaw pożizzjoni ta’ deċiżjoni fi ħdan id-Dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tal-Ministeru għal Għawdex.
Ministeru għal Għawdex – allowance għall-kwalifiki
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mill-10 ta’ Marzu sal-lum kemm kien hemm talbiet minn impjegati fid-dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li talbu biex jieħdu allowance għal xi kwalifiki li għandhom u li din ġiet miċħuda? F’kull każ għaliex it-talba ġiet miċħuda?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika s-sena minn meta jrid din l-informazzjoni
Anniversarju tal-Ħamsin Sena mill-Indipendenza — tiżjin f’Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fl-okkażjoni tal-anniversarju tal-ħamsin sena anniversarju mill-Indipendenza f’Għawdex ma sar l-ebda tiżjin kif isir is-soltu fil-festi nazzjonali, la fi Triq ir-Repubblika, la fi Pjazza San Franġisk u lanqas fi Pjazza Indipendenza? Min ħa din id-deċiżjoni li ma jsir l-ebda tiżjin u armar?
Response (REFALO, ANTON)
Naħseb li l-Onor. Interpellant jaqbel miegħi li ċ-ċelebrazzjonijiet li jfakkru l-50 anniversarju mill-Indipendenza kienu ċelebrazzjonijiet kbar denji ta’ anniversarju importanti u għalhekk il-pajjiż ingħaqad f’festa waħda li għaliha pparteċipa wkoll l-Onor. Kap tal-Oppożizzjoni. Fejn jidħol tiżjin, kien hemm restrizzjonijiet minħabba xogħolijiet ta’ kostruzzjoni mil-Kunsill Lokali tar-Rabat. Għalkemm ma’ sarx tiżjin li jsir is-soltu, l- Għawdxin ukoll gawdew miċ-ċelebrazzjonijiet kbar li saru f’din l-okkażjoni.
Anniversarju tal-ħamsin sena mill-Indipendenza — Spiża
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif ġie mfakkar l-annversarju tal-ħamsin sena mill-Indipendenza ta’ Malta u Għawdex f’Għawdex? Kemm kienet l-ispiża fuq dawn l-avvenimenti li saru f’Għawdex biex jitfakkar dan l-anniversarju? Min kien responsabbli minn dawn l-avvenimenti?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-okkażżjoni tal-50 Anniversarju ta’ Jum l-Indipendenza sar kunċert mużikali mill-band D Capitals nhar il-Ħamis 18 ta’ Settembru 2014 fit-8.00pm fi Pjazza San Ġorġ, Rabat, Għawdex. In-nefqa għal din l-attivita’ kienet ta’ €1375.
Il-Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex kien responsabbli minn din l-attivita’.
Barra minn hekk il-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ser tfakkar il-50 anniversarju ta’ Jum l-Indipendenza u l-40 anniversarju ta’ Jum ir-Repubblika b’żewġ kunċerti li ser jittellgħu fiż-żewġ tejatri ewlenin ġewwa r-Rabat, Għawdex.