Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal b'diżabilita' li qed jistennew jibdew l-iskola primarja għax għadhom ma ngħatawx l-għajnuna rikkmandata mill-istatementing board?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma hemmx tfal b'diżabilita fl-iskejjel primarji li qed jistennew li jibdew l-iskola primarja.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li studenti bniet li jmorru fl-iskola Maria Tereża Nuzzo u jgħixu, per eżempju, fil-Mellieħa u f'Tas-Sliema u f'lokalitajiet oħra flok jitwasslu l-iskola b'mini van għalihom qed jitwasslu f'karoza privata flimkien mas-subien b'perikli ċari għalihom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-uffiċjal inkarigat mit-trasport assenja coach għall-bniet ta' tas-Sliema li jmorru l-iskola Teresa Nuzzo. Din il-coach hija għall-bniet biss. Qed isiru l-arranġamenti sabiex jinstab mini van biex iwassal l-istudenti bniet mill-Mellieħa sa' l-iskola. Wara nofs in-nhar, dawn il-bniet diġa huma provduti b'mini van li twassal lilhom biss mill-iskola sal-Mellieħa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm skejjel primarji u sekondarji li fil-bidu tas-sena skolastika xorta kien għad fadal ix-xogħol għaddej fuq il-bini ta' l-iskola, meta t-tfal u l-għalliema daħlu għas-sena skolastika ġdida?
Response (GALEA, LOUIS)
Ix-xogħolijiet kapitali ma jsirux fis-sajf biss, iżda jibqgħu għaddejin tul is-sena kollha. Hemm tmien skejjel li fihom għaddej ix-xogħol kapitali u ta' bini. Id-Diviżjoni tieħu ħsieb li xogħol li ma jfixkilx it-tagħlim u li ma jkunx ta' periklu għall-istudenti jibqa' għaddej fl-interess ta' l-iskola konċernata.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-ħaddiema ta' l-iskola Giloromu Cassar se jitħallsu għall-overtime tax-xogħol li għamlu fl-MCR Malta Centre for Restoration, li sar bejn it-2 ta' Jannar, sat-3 ta' Mejju, 2000?
Edukazzjoni — Kors ta' Electronic Service Radio & TV
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li m'hemmx għalliema għall-korsijiet ta' filgħaxija għall-Kors ta' Electronic Service Radio & TV kif jidher fil-pubblikazzjoni tad-diviżjoni ta' l-eżamijiet fi ħdan id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni numru 087?
Jaf jew le l-Ministru li dan il-kors jikkonsisti f'erba' snin u hemm min għadu wasal biex jibda it-tielet sena? Jista' jgħid x'se jsir biex dan il-kors ikun jista' jitkompla mill-istudenti li bdewh mingħajr il-biża' li jkunu tilfu sentejn studju għal xejn? Jista' jgħid x'soluzzjonijiet se joffri lil dawn l-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment ta' l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni għall-Adulti f'April ta' kull sena joħroġ applikazzjonijiet għall-għalliema biex jgħallmu fil-korsijiet ta' filgħaxija. Din is-sena ma applika ħadd għall-kors ta' Electronic Servicing Radio and TV City and Guilds 2240 Part II Year II u Part III. Hu fatt magħruf li f'ċerti suġġetti hemm diffikolta biex jinstabu għalliema li jagħtu s-servizz tagħhom mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Minħabba li kien hemm diġa numru ta' studenti li bdew il-kors, id-Dipartiment ser ikompli bl-isforzi tiegħu sabiex jinstab għalliem.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fis-sena skolastika 1999/2000 ammontaw in-numru ta' studenti fl-iskejjel primarji li weħlu mill-eżamijiet u konsegwenza t'hekk se jkollhom jirripetu is-sena skolastika preċedenti?
Jista' jgħid mil-liema suġġetti m'għaddewx?
Response (GALEA, LOUIS)
L-istatistika mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fis-sena skolastika 1999/2000 ammontaw in-numru ta' studenti fl-iskejjel primarji li weħlu mill-eżamijiet u mil-liema suġġett m'għaddewx?
Response (GALEA, LOUIS)
L-istatistika mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fis-sena skolastika 1999/2000 ammontaw in-numru ta' studenti fl-iskejjel sekondarji li weħlu mill-eżamijiet u konsegwenza ta' hekk se jkollhom jirripetu is-sena skolastika preċedenti?
Jista' jgħid mil-liema suġġetti m'għaddewx?
Response (GALEA, LOUIS)
L-istatistika mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema siti ta' wirt rurali abbandunati saru xogħlijiet ta' tindif u/jew restawr koordinat bejn id-dipartiment tal-mużew, il-kunsilli lokali u/jew xi entitajiet volontarji matul l-1999?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dan it-tip ta' xogħol ġeneralment ma jaqax fl-aġenda tad-Dipartiment, għalkemm dan dejjem lest li jilqa' talbiet għal konsultazzjoni ma' entitajiet differenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna żgħażagħ b'diżabilita' fl-iskejjel speċjali li għalqu s-16-il sena? F'liema skejjel qegħdin?
Kemm hemm minnhom li suppost marru diġa' fl-adult training centres?
Sakemm imorru f'dawk iċ-ċentri x'se jkunu qed jagħmlu dawn iż-żgħażagħ fl-iskejjel speċjali? B'liema mod qed jitħejjew għaċ-ċaqliqa li trid issir?
Response (GALEA, LOUIS)
L-istatistika mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna żgħażagħ b'diżabilita' fl-iskejjel speċjali li għalqu s-16-il sena? F'liema skejjel qegħdin?
Kemm hemm minnhom li suppost marru diġa' fl-adult training centres?
Sakemm imorru f'dawk iċ-ċentri x'se jkunu qed jagħmlu dawn iż-żgħażagħ fl-iskejjel speċjali? B'liema mod qed jitħejjew għaċ-ċaqliqa li trid issir
Response (GALEA, LOUIS)
L-istatistika mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom il-klassi tar-repeaters (6 klassi) fl-iskola Alfred Buhagiar tar-Rabat hemm fiha 25 tifel u tifla meta s-soltu biex it-tagħlim ikun iżjed effettiv il-klassi tkun żgħira b'14 tifel u tifla?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li il-klassijiet tar-repeaters huma meqjusa bħall-klassijiet l-oħra kollha għal dak li għandu x'jaqsam in-numru ta' tfal li jkun fihom.
Informat ukoll li fl-iskola Alfred Buhagiar tar-Rabat hemm klassi waħda biss li fiha 25 tifel u tifla.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol tant urġenti tar-riabilitazzjoni sħiħa tal-bini tal-Junior Lyceum, Sir Adrian Dingli?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment tal-Kuntratti rrifjuta l-offerti kollha għal xogħolijiet ta' finitura tal-parti ċentrali ta' l-iskola fl-aħħar ġimgħat. Madanakollu qed jittieħdu l-miżuri kollha sabiex terġa toħroġ din l-offerta biex ikun jista' jitkompla x-xogħol meħtieġ.
Jista' l-Ministru jgħid x'nuqqas ta' għalliema għandna fl-iskejjel primarji u sekondarji?
F'liema skejjel? F'liema suġġetti?
X'se jsir biex tiġi solvuta din il-problema?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Minkejja l-garanzija li ta l-Ministru li l-iskejjel kollha kellhom ikunu lesti mix-xogħol kollu tal-bini bid-dħul tat-tfal fl-iskola, għaliex nhar is-27 u t-28 ta' Settembru 2000 kien għad hemm krejn jaħdem fuq xogħol fuq il-bini ta' l-iskola bil-periklu għat-tfal li jmorru f'dik l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-ġranet tas-27 u t28 ta' Settembru 2000, jekk kien hemm xi krejn jaħdem fuq xi lant tax-xogħol, żgur li dan ma kienx ta' periklu għat-tfal u għall-għalliema f'xi skola partikolari, hi liema hi.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi dixxiplinarji ttieħdu fil-każ ta' impjegati fl-Istitut Tekniku ta' Corradino li għamlu x-xhur ma jmorrux għax-xogħol?
Jista' jgħid x'passi ittieħdu wkoll kontra min kien jiffirma minflokhom u kontra l-aġent kap tekniku li għattielhom il-każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li d-Diviżjoni ta' l-edukazzjoni ġiet assigurata mill-aġent kap ta' l-iskola li ħadd mill-impjegati ma għamel xhur ma jmurx għax-xogħol ħlief dawk b'ċertifikat mediku. Għaldaqstant ma kien hemm l-ebda okkażjoni fejn xi ħadd iffirma flok impjegati assenti.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuwa stmat li jlaħħqu l-ispejjeż tal-kontinġent Malti għall-olimpjadi f'Sydney?
Jista' l-Ministru jgħid min kienu l-persuni u l-atleti li għamlu parti minn dan il-kontinġent u x'kienet il-ħtieġa u r-rwol tagħhom li jagħmlu parti mill-kontinġent?
Jista' jgħid ukoll separatament fiex kienu jikkonsistu l-ispejjeż?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-parteċipazzjoni ta' atleti Maltin fl-Olimpjadi hija prerogattiva tal-Kumitat Olimpiku Malti. Huwa l-istess K.O.M. li jiddeċiedi min jifforma parti mill-kontinġent Malti u dawn id-deċiżjonijiet jittieħdu fuq kriterji tekniċi stabbiliti mill-International Olympic Committee.
L-ispejjeż jitħallsu kollha mill-K.O.M. jew mill-organizzaturi tal-Logħob f' Sydney.
Għall-informazzjoni ta' l-Onor. Membru qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport tal-Press Conference li l-K.O.M. għamel meta tħabbar il-kontinġent Malti għall-Logħob Olimpiku ġewwa Sydney.
Jista' l-Ministru jgħid x'effett se jkollhom l-iżviluppi negattivi tal-Kulleġġ Vokazzjonali fuq il-ftehim li l-Ministru tal-Finanzi iffirma ma' l-awtoritajiet Libjani li permezz tiegħu studenti Libjani kellhom jiġu jitgħallmu hawn Malta?
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni li attendew għall-olimpjadi f'Sydney? Jista' jgħid min kienu dawn il-persuni u x'kien r-rwol tagħhom li jagħmlu parti mill-kontinġent? Jista' jgħid kemm huwa stmat li jiġu jiswew l-ispejjeż totali għaż-żjara ta' dan il-kontinġent fl-Awstralja? Jista' jgħid separatament fiex kienu jikkonsistu dawn l-ispejjeż?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19137