Pembroke — sit tal-Park & Ride – parkeġġ fil-viċin
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’sar minnhom il-pjanijiet li kellha Transport Malta qabel Marzu 2013 biex is-sit tal-Park & Ride ta' Pembroke jiġi mċekken bi ftit metri sabiex jaġevola l-parkeġġ għal min ikun qed iżur il-Luxol Club u l-iskola ta’ St Michael?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanijiet li kienu qegħdin jiġu kkunsidrati minn Transport Malta fl-2012 sabiex il-parkeġġ żgħir li hemm biswit il-Park & Ride f’Pembroke jiġi mkabbar ftit bil-għan prinċipali li jkun hemm aktar spazju biex il-vetturi li jkunu daħlu f’dan il-parkeġġ ikunu jistgħu jimmanuvraw faċilment biex jerġgħu joħorġu, qatt ma ġie implimentat minn Transport Malta għar-raġuni li l-vetturi setgħu joħorġu faċilment minn ġos-sit tal-Park & Ride stess mingħajr ħlas.
Fil-fatt, dawk il-persuni li jkunu qegħdin iżuru kemm il-Luxol Club kif ukoll l-iskola ta’ St. Michael’s għal perjodu t’anqas minn 15-il minuta biex jiġbru t-tfal tagħhom, jistgħu jagħmlu użu mill-parkeġġ tal- Park & Ride mingħajr ħlas. Dan minbarra l-fatt li l-ħruġ minn ġo dan is-sit huwa aktar sikur għas-sewwieqa minħabba li l-ħruġ ta’ din il-faċilita’ ma tagħtix għal go triq prinċipali.
Jiena tajt struzzjonijiet lil Transport Malta biex terġa’ tirrevedi dan is-suġġeriment mill-aktar fis possibli.
Jista’ l-Ministru jelenka x’inhuma l-proġetti infrastrutturali u ta’ toroq li se jwettaq fil-Belt Valletta fl-2014?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà ġie spjegat qabel f’diversi tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari, il-Gvern beda biex jattwa dak li ġie imwiegħed fil-Manifest Elettorali, kif ukoll qiegħed fil-proċess biex imexxi ‘l quddiem il-proġetti skont il-prijoritajiet u dan wara il-ħafna laqgħat fosthom mal-Kunsilli Lokali.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibdew ix-xogħlijiet fi Triq Wied il-Knejjes ġewwa Ħal Luqa peress li tinsab fi stat ħażin ħafna u qiegħda tkun ta’ inkonvenjent kbir għar-residenti ta’ din it-triq u dawk li jgħaddu minnha?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta bħalissa qed tippjana sabiex tkun tista’ toħroġ is-sejħa għat-tender għal dan ix-xogħol.
Jista’ l-Ministru jara li tittieħed azzjoni sabiex tissolva l-problema ta’ konġestjoni tat-traffiku li qiegħda tinġema’ fil-bidu ta’ Triq l-Imqabba, is-Siġġiewi, li tagħti għal Triq Mons, Mikiel Azzopardi?
Response (MIZZI, JOE)
Jien ninsab infurmat illi l-Crash Barriers li twaħħlu f’parti minn Triq l-Imqabba u li dawn qed jikkawżaw konġestjoni tat-traffiku minħabba li dejjqu il-wisgħa tat-triq, ser jitneħħew iżda xorta ser jittieħdu miżuri ta’ sigurta’ fil-post.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' bendy buses li twaqqfu mis-servizz tat-trasport pubbliku? Kemm-il vettura ġew ingaġġati sabiex jagħtu s-servizz li kienu jagħtu dawn il-bendy buses?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b’kollox tneħħew mis-servizz tat-trasport pubbliku 68 articulated buses.
Dawn ġew sostitwiti bi 12-il vettura tat-tip low floor li huma proprjetà ta’ Arriva Malta Ltd, u b’40 vettura oħra li ġew ikkuntrattati mill-Unscheduled Bus Service min-naħa tal-Arriva Malta Ltd.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inspections saru s'issa fuq is-sit tal-kostruzzjoni (major project) li ġie approvat bil-permess mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, f’Rue d'Argens, Gżira fl-aħħar xahar ħalli wieħed jara hux qed ikunu osservati r-Regulations for the Environmental Management of Construction Sites? Jista’ jgħid jekk ġiex stallat wheelwash fuq is-sit ħalli t-toroq tal-madwar li jibqgħux jintlew bit-tajn?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li saret laqgħa fuq is-sit li d-dettalji tiegħu ingħataw separatament bejn ir-rappreżentanti tal-uffiċċju għar-regolamentazzjoni tal-bini u rappreżentant tal-perit appuntat biex jiġu osservati r-regolamenti imsemmija kif ukoll ġiet diskussa l-possibilta’ li tiġi nstallata wheelwash fil-viċinanzi.
Dipartiment tal-Artijiet – permessi għall-billboards proviżorji
Question
In vista tar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 6573, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ġiet ikkonsultata Transport Malta biex jitqiegħdu billboards fit-toroq jew maġenb it-toroq ta’ Malta u Għawdex mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-lum? Jista’ jagħti lista tal-postijiet u toroq fejn kienu se jitpoġġew dawn il-billboards li dwarhom saret konsultazzjoni ma’ Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill- 1 ta’ Jannar 2012 sal-lum, Transport Malta irċeviet total ta’ 123 talba għat-tqegħid ta’ billboards fit-toroq jew mal-ġnub. Minn dawn it-talbiet 47 kienu approvati filwaqt li kien hemm 76 talba li ġew irrifjutati. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta’ dawn it-talbiet lokalita’ b’lokalita’.
B'referenza għall-programm Times Talk tad-29 ta' Ottubru u dak li stqarret il-perit li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-traffic light counts kollha li saru ġewwa Malta mis-sena 2008 sal-lum, sena b'sena? Jista' jpoġġi wkoll kopja tal-analiżi li saret wara kull traffic light count, għall-iskop ta' fine-tuning, improvement, maximisation u effiċjenza tal-junctions innifishom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar xhur, Transport Malta kienet kontinwament qed tagħmel moniteraġġ tas-sistemi tat-traffic lights kif ġej:
· Kull sitt xhur jinqaleb il-ħin tal-programm skont il-ħin uffiċċjali tal-pajjiż
· Kull sitt xhur jiġi ċċekkjat il-programm li għadu qed jaħdem sew skont kif programmat
· Kull meta jkun hemm ħsara f’xi sistema ta’ traffic lights dawn jerġgħu jiġu pprogrammati mill-ġdid malli l-ħsara tkun issewwiet
· Kull meta jkun hemm qtugħ ta’ dawl li jdum aktar minn sagħtejn, il-precision clock tas-sistema tat-traffic lights taqa’ default u għaldaqstant il-programm irid jerġa’ jitranġa
· Fejn ikun hemm traffic light junctions li ma jkunux qed ilaħħqu mad-domanda tat-traffiku, jittieħdu traffic queue length counts li jiggwidaw lill-Awtorità dwar l-aġġustamenti li jkun hemm bżonn fil-programm sabiex il-junction taħdem b’mod aktar effiċjenti.
Kien hemm tlett traffic light junctions fejn ġie emendat il-programm. Dawn kienu:
· Vjal Santa Luċija k/m Vjal Sir Paul Boffa k/m Vjal il-Labour, Marsa
· Imdina Road k/w Triq Mrieħel, Birkirkara
· Triq Għar Dalam k/m Triq Marsaxlokk, Marsaxlokk
Dawn l-emendi saru wara li ttieħed l-ewwel traffic queue length count sabiex jiġi identifikat sewwa d-daqs tal-problema u fejn kien hemm reserve capacity li setgħet ntużat. Il-ħinijiet tat-traffic lights ġew imnaqqsa fejn kien hemm reserve capacity u ġew miżjuda fejn kien hemm overcapacity. Sussegwentament dawn l-emendi ġew ikkonfermati meta reġgħu saru t-tieni queue length counts u ġew imqabbla ma’ ta’ qabel fejn urew progress. Dan il-progress qiegħed jiġi muri f’tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Transport Malta – kampanji edukattivi favur modal shift
Question
Peress illi fil-programm Times Talk tad-29 ta' Ottubru, il-perit li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament semmiet li barra l-programmi infrastrutturali hemm bżonn ta' modal shift, jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar jekk Transport Malta għandhiex ippjant kampanji edukattivi li jħeġġu lill-pubbliku juża mezzi alternattivi ta' trasport flok vetturi privati u fl-istess ħin jgħid x’inhi l-viżjoni u l-istrateġija ta’ Transport Malta biex jintlaħaq dan il-modal shift?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li l-viżjoni u l-istrateġija ta’ Transport Malta biex jintlaħaq il-modal shift hija kif ġej:
Li jiġu pprovduti rotot tat-trasport pubbliku li jaqdu l-ħtiġijiet taċ-ċittadini
L-aktar aspett importanti li tippromwovi l-modal shift huwa li jiġu pprovduti rotot tat-trasport pubbliku li jaqdu l-ħtiġijiet tal-poplu li qed jagħmel użu minnhom. Għaldaqstant, Transport Malta, flimkien mal-Ministeru għat-Trasport għamlu studju serju u konsultazzjonijiet estensivi sabiex jiġu identifikati n-nuqqasijiet fir-rotot eżistenti u sabiex jiġu identifikati r-rotot li għandhom bżonn iċ-ċittadini. Dawn l-istudji u konsultazzjonijiet wasslu għat-tfassil ta’ rotot ġodda u diversi emendi fir-rotot eżistenti.
Li l-infrastruttura neċessarja għall-użu tas-servizz tat-trasport pubbliku tkun aċċessibbli għal kullħadd
L-infrastruttura tas-servizz tat-trasport pubbliku ġiet mibnija sabiex tilħaq il-bżonnijiet ta’ persuni anzjani, persuni b’diżabbiltà u sabiex tkun komda għal kull min jużaha. Dan sar billi ġie ntrodott tactile paving u l-qisien u l-wisgħat tal-infrastruttura huma skont standards internazzjonli.
Li l-infrastruttura, fejn possibbli, tkun li tagħti prijorità lit-trasport pubbliku fit-toroq
Kull fejn kien possibbli, ġew introdotti l-bus lanes u kien hemm bus lanes eżistenti li ġew mtejba sabiex tingħata prijorità lit-trasport pubbliku. Uħud minn dawn il-bus lanes se jiġu attrezzati b’sistemi ta’ Intelligent Traffic Management sabiex ikun aktar faċli u sikur li xarabank toħroġ minn fuq bus lane.
Li t-tfassil tal-parkeġġ fit-toroq pubbliċi jkun jippromwovi l-użu ta’ sistemi tat-trasport alternattiv għal vjaġġi lejn u mill-postijiet tax-xogħol
Il-polza tal-Immanniġġjar tal-Parkeġġ fit-Toroq Pubbliċi se tipproponi miżuri li jippromwovu l-użu tat-trasport pubbliku u drawwiet aktar ambjentalment sostenibbli bħal car pooling.
Li ċ-ċittadini jiġu pprovduti bl-informazzjoni kollha neċessarja sabiex jagħmlu l-aħjar użu mis-servizz tat-trasport pubbliku
L-aktar kampanja edukattiva li tippromwovi l-modal shift se tkun dik li tħabbar u tispjega r-rotot il-ġodda li verament għandhom bżonn iċ-ċittadini sabiex jinqdew tajjeb bit-trasport pubbliku. Barra minn hekk, l-Awtorità għandha programm edukattiv li jsir fl-iskejjel tat-tfal li jippromwovi l-użu tar-roti bħala mezz alternattiv ta’ trasport li huwa wkoll ambjentalment sostenibbli. L-Awtorità għandha wkoll kompetizzjoni għat-tfal li se tiffoka fuq l-użu tat-trasport pubbliku bħala mezz ta’ trasport alternattiv u l-vantaġġi tiegħu.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess illi ħarġet Transport Malta għat-tqegħid tal-billboards li qed jirriklimaw il-miżuri tal-baġit?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 6180.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5605, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet tal-membri tal-Maritime Superviory Committee u xi kwalifiċi akkademiċi għandhom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri tal-Maritime Supervisory Committee huma persuni li għandhom il-kwalifiċi u esperjenza vasta fis-settur marittimu.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5605, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet tal-membri tal-Land Transport Supervisory Committee u xi kwalifiċi akkademiċi għandhom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri tal-Land Transport Supervisory Committee huma persuni li għandhom kwalifiċi u/jew esperjenza vasta fis-settur tat-trasport fuq l-art.
Minħabba li fi Triq San Pawl, il-Belt Valletta jaqsmu numru kbir ta’ residenti anzjani u peress li l-vetturi li jgħaddu mill-istess triq iżidu l-veloċità qabel ma jkunu se jaqbdu t-telgħa li tibda mill-kantuniera ma’ Triq Santa Luċija, jista’ l-Ministru jgħid jekk jikkunsidrax li ssir traffic calmer ftit metri qabel il-kantuniera msemmija?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ir-records ta’ Transport Malta ma rriżultax li kien hemm xi talba la mill-Kunsill Lokali tal-Belt u lanqas minn ċittadini għal miżuri ta’ traffic calming fi Triq San Pawl, il-Belt Valletta. Madankollu xorta għaddejt is-suġġeriment tiegħu lil Transport Malta.
Ministeru għat-Transport — Millennium Development Goals
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-involviment tal-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu fir-responsabbiltà tiegħu fejn għandhom x’jaqsmu il-Millennium Development Goals (MDGs)? Jista’ jgħid jekk sarux xi rapporti dwar l-MDGs mis-sena 2000 sal-lum? Jekk fl-affermattiv, jista’ jqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid jekk hemmx xi persuna jew persuni li huma responsabbli mill-MDGs u min huma? X’inhuma l-issues preżenti u futuri li qed isir jew se jsir xogħol fuqhom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-Ministeru tiegħi u l-entitajiet li jaqgħu taħtu m’għandhomx involviment dirett dwar il- Millennium Development Goals u għaldaqstant nitolbu jirreferi għat-tweġibiet mogħtija mill-Ministri konċernati
Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jitħallsu, b’mod individwali, kull membru tal-bord ta’ Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri tal-bord ta’ Transport Malta qed jitħallsu l-istess ammont ta’ remunerazzjoni li kienu jitħallsu l-membri tal-bord taħt l-amministrazzjoni preċedenti.