Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #10001 Sitting 149 1999-10-05 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ekonomija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-forum għall-ekonomija aħjar ġiex abbandunat għal kollox bħala struttura?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-'forum għall-Ekonomija Aħjar' inħoloq taħt l-amministrazzjoni preċedenti bħala entita li kellha tiġbor fiha l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp ekonomiku. Fil-prattika dan il-Forum qatt ma irnexxielu jikseb l-identita tiegħu filwaqt li l-Kunsill Malti għall-iżvilupp Ekonomiku baqa jaqdi r-rwol tiegħu mingħajr bidliet sostanzjali mill-mod kif kien jopera fil-passat. Il-Gvern jixtieq jara lill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku jissaħħaħ għaliex jemmen fir-rwol importanti li għandu biex iġib rappreżentanti mit-tliet partijiet soċjali flimkien.
Leg 9 PQ #10005 Sitting 149 1999-10-05 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Bank of Valletta/HSBC — Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-banek, prattikament il-Bank of Valletta u l-HSBC (Mid-Med Bank), joħorġu external applications għal min għandu s-C.I.B.? Billi s'issa jidher li fil-Bank of Valletta ħarġu internal applications, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fil-futur qarib joħorġu external applications għal min studja l-banking school u ġab s-C.I.B.?

Response (BONNICI, JOSEF)

Peress li l-azjendi li għalihom qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant huma privati, kwotati fil-Borża ta' Malta, mhuwiex il-kompitu ta' dan il-Ministeru li jagħti l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #9807 Sitting 148 1999-10-04 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

GWU — Azzjonijiet industrijali

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid kemm ġew jiswew lill-pajjiż l-azzjonijiet industrijali tal-General Workers' Union, fosthom fl-MIA, fil-Freeport u f'postijiet oħra?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #9809 Sitting 148 1999-10-04 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Power Station

Question

Jista'l-Ministru jgħid x'inhuma l-prospetti, kif ħabbar il-Ministru, li jsir pipeline biex il-power station tibda taħdem bil-gas? Fiex waslu l-istudji li saru jew li qed isiru?

Response (BONNICI, JOSEF)

Waħda mill-possibiltajiet li qed tiġi kkunsidrata bħalissa hija dik ta''pipeline' li tforni il-power stations (f'Malta) bi provista ta' gas naturali. Minn aspett ambjentali, il-gas naturali joffri vantaġġi kbar fuq iż-żjut (fuel oil jew diesel) intużati bħalissa. L-użu tal-gas jimplika, potenzjalment, l-eliminazzjoni kważi totali tat-tniġġiż tal-arja mill-power stations. Minn aspett ekonomiku, il-gas jinbiegħ bi prezz ħafna irħas minn dak taż-żejt. Fil-fatt, in-nefqa prinċipali tinsab fl-ispiża kapitali meħtieġa sabiex il-gas jitwassal sa fejn jeħtieġ jintuża, permezz ta' pipeline dedikata. Minn studju preliminari li sa f'isem l-Enemalta jidher li, anki meta titqies din l-ispiża kapitali kbira tal-bidu sabiex titqiegħed il-pipeline meħtieġa, xorta l-użu tal-gas jirriżulta kompetitur meta mqabbel maż-żejt, jekk wieħed jagħmel kalkolu fuq tul biżżejjed ta' snin. L-Enemalta bi ħsiebha tidħol iktar fil-fond ta' dan is-suġġett sabiex toħroġ stampa iktar sħiħa li fuqha ikun possibbli li jsiru rakkomandazzjonijiet definittivi. Dwar pipeline minn Sqallija għall-Malta.
Leg 9 PQ #9841 Sitting 148 1999-10-04 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Wied il-Għajn — Triq is-Salini - Dawl

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni jekk tistax issir lampa fuq il-breakwater ta' barra fi Triq is-Salina ġewwa Wied il-Għajn? Jista' jgħid jekk tistax issir lampa fuq is-slipway il-kbira ta' quddiem il-Knisja, ġewwa St George's Street, Wied il-Għajn?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li ż-żewġ ttalbiet magħmula mill-Onorevoli Interpellant qed jiġu kkunsidrati flimkien ma' talbiet oħra.
Leg 9 PQ #9842 Sitting 148 1999-10-04 Oral · Interim From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Wied il-Għajn — Dawl

Question

Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni meta se jinxtegħlu l-poles bil-brazzi li hemm quddiem il-Knisja ta' Wied il-Għajn, meta dawn ilhom ma jinxtegħlu xi ħames snin?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #9843 Sitting 148 1999-10-04 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta — Impjegati

Question

Peress li l-Air Malta ilha żmien twil tikkuntratta technicians u maintenance operators minn barrra għal xogħol ta'manutenzjoni fuq ajruplani,jista'l-Ministru jgħid jekk għandhiex il-ħsieb li tingaġġa dan il-personnel fuq bażi permanenti?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li sabiex tkun tista' tlaħħaq mad-domanda li dejjem qed tiżdied għall-'maintenance engineering' ta' l-ajruplani, inklużi dawk ta' kumpaniji barranin, l-Air Malta qed tieħu ħsieb li trawwem numru ta' technicians, li għandhom il-kwalifiki meħtieġa, biex isiru inġiniera. Sadanittant, dipendentiment fuq il-volum u ċirkostanzi oħra, l-aktar triq prattika, jekk mhux l-unika, għall-Kumpanija hija li tingaġġa, fuq bażi strettament temporanja, is-servizzi ta' inġiniera barranin meta jinqala' l-bżonn.

Air Malta — Piloti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' piloti li kkwalifikaw matul is-snin mal-linja nazzjonali ta' l-ajru Air Malta minn mindu twaqqfet? Kemm minn dawn il-piloti għadhom fl-ingaġġ ma'l-Air Malta sal-lum?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li minn kemm ilha li twaqqfet il-linja nazzjonali ta' l-ajru, ħarrġet 122 pilota li minnhom 115 għadhom impjegati magħha.

Siġġiewi — Triq Lapsi - Dawl

Question

Jista'l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet it-talba tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi għat-twaħħil ta'bozza pubblika fi Triq Lapsi, bejn id-Dar tal-Provvidenza u r-roundabout li tieħu lejn Lapsi?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni Enemalta ma għandhiex pendenti talba mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi biex titwaħħal bozza fil-parti msemmija ta' Triq Lapsi. Peress li l-parti tat-triq indikata hija twila, jinħtieġ aktar tagħrif speċifiku.
Leg 9 PQ #9855 Sitting 148 1999-10-04 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Settur Finanzjarju — Kontribut

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-kontribut tas-settur finanzjarju (financial services) lejn: (a) GDP; (b) kreazzjoni ta' mpjiegi ġodda; (c) dħul (revenue) għall-Gvern bejn l-1995 u l-1999 sal-lum?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba rigward il-partijiet (a) u (b) tal-Mistoqsija. Nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel l-aħħar parti tal-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #9859 Sitting 148 1999-10-04 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Industrijalisti — Tneħħija ta' levies

Question

Peress li jidher biċ-ċar li l-industrijalisti li jimmanifatturaw għas-suq lokali ma ġewx konsultati dwar skeda ta' tneħħija ta' levies, jista' l-Ministru jgħid: (a) x'konsultazzjonijiet saru ma' l-industrijalisti; (b) x'inhuma l-pjanijiet diskussi ma' l-industrijalisti konċernati biex jilqgħu għat-tibdil li bilfors iridu jgħaddu minnu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Kontra dak li ridt jimplika l-Onorevoli Interpellant fil-mistoqsija tiegħu il-proposti għat-tneħħija tal-levies kienu ċċirkulati lill-Korpi Kostitwiti li jirrapreżentaw l-industrijalisti f'Malta (jiġifieri il-Federazzjoni tal-Industrija, il-Kamra tal-Kummerċ u il-GRTU) qabel ma dawn l-istess proposti ġew iffinalizzati minn naħa tal-Gvern. F'din il-fażi saru numru ta' laqgħat bejn il-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi u dawn il-Korpi Kostitwiti, kif ukoll ma numru ta' industrijalisti ndividwalment. B'riżultat ta' dawn il-laqgħat, fil-fatt saru xi tibdil f'l-iskeda għat-tneħħija tal-levies, qabel ma din ġiet iffinalizzata u ppubblikata permezz ta' avviż legali li deher fil-gazzetta tal-gvern tas-16 ta' Lulju 1999. Fuq kollox dawn kienu diskussjonijiet dwar it-tneħħija tal-levies li komplew fuq diskussjonijiet oħra, dwar l-istess usġġett, li kienu saru fi żmien tal-amministrazzjoni preċedenti. Għandu raġun l-Onorevoli Interpellant meta jitkellem dwar tibdil li l-industrijalisti bilfors iridu jgħaddu minnu. Malta żgħira wisq biex taħrab mir-rejalta ta' dinja fejn is-suq qed issir dejjem wieħed globali u miftuħ għall-kompetizzjoni. F'l-aħħar mill-aħar, iridu jkunu l-istess industrijalisti li jridu jgħamlu l-almu tagħhom sabiex jilqgħu għal din l-isfida. Il-Gvern qed jagħmel ħiltu sabiex jgħin lil dawn l-intrapriżi; dan prinċipalment permezz tal-IPSE. Din l-aġenzija qiegħda taħdem kemm fuq programmi maħsuba sabiex jilħqu intrapriżi individwali kif ukoll fuq inizjattivi immirati għal setturi industrijali speċifiċi, meħuda globalment (eżempju is-settur ral-għamara).
Leg 9 PQ #9861 Sitting 148 1999-10-04 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Fgura — Mahatma Gandhi Street - Dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif arbli li ġew imwaħħla xhur ilu f'Mahatma Gandhi Street, fil-Fgura, għadhom ma twaħħlulhomx il-bozoz biex jixgħelu? Għalfejn kien hemm dan id-dewmien?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li x-xogħol pendenti fuq l-arbli fit-triq imsemmija mistenni jitlesta fi żmien qasir.
Leg 9 PQ #9892 Sitting 148 1999-10-04 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Valletta — Triq Merkanti - Tiswija

Question

Possibbli l-Enemalta tieħu passi biex tirranġa b'mod permanenti phase li qed imur kull ftit ġranet fi Triq il-Merkanti, il-Belt fejn kif jaf il-Ministru hi triq prinċipali fil-Belt fejn hemm għadd ta' entitajiet kummerċjali inkluż id-Dipartiment ta' l-Insinwa?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħgħoddija lill-Korporazzjoni li min-naħa tagħha qed tikkunsidraha flimkien ma' talbiet oħra.
Leg 9 PQ #9944 Sitting 148 1999-10-04 Oral · Interim From: CARMELO BORG To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Gozo Channel — Studenti - Pass speċjali

Question

Jista'l-Ministru jiżvela jekk studenti Maltin li jkunu jistudjaw fl-Universita' ta' Għawdex humiex intitolati għall-pass speċjali tal-Gozo Channel biex ikunu jistgħu jaqsmu lejn Għawdex bi prezz ridott?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #9959 Sitting 148 1999-10-04 Oral · Final From: LOUIS BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom — Servizzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hijiex l-intenzjoni tal-Maltacom li tidħol biex tipprovdi servizzi oħra ta' telekomunikazzjoni bħal data transfer, mobile telephoning eċċ?

Response (BONNICI, JOSEF)

Hija l-intenzjoni tal-Matacom li tidħol biex tipprovdi dawk is-servizzi kollha li għandha dritt li tipprovdi fil-liċenzja tagħha. Tajjeb jingħad li l-Maltacom diġa' toffri servizzi li jippermettu data transfer permez ta' semi-digital lines, digital Data Network, Frame Relay u l-X25 Packet Switching. Aktar tard din is-sena ser jiġi ntrodott is-servizz ta' l-ISDN li mbagħad ikun aċċessibbli għal kulħadd is-sena d-dieħla. Huwa l-ħsieb tal-Maltacom li fi żmien raġjonevoli tintroduċi wkoll l-ADSL.
Leg 9 PQ #9960 Sitting 148 1999-10-04 Oral · Final From: LOUIS BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Delimara — Impjant

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-preparamenti biex jiġi kkummissjonat l-impjant f'Delimara imsejjaħ tal-combined cycle?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li t-testijiet tal-commissioning tal-Combined Cycle ta' Delimara tlestew fil-5 ta' Lulju li għadda. Dan l-impjant qed jaħdem regolarment.
Leg 9 PQ #9961 Sitting 148 1999-10-04 Oral · Interim From: LOUIS BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Vodafone — Monopolju

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-monopolju miftiehem mal-Vodafone hux se jiġi limitat ukoll sal-2003 bħalma se jsir fil-każ tas-servizzi li tagħti l-Maltacom?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #9962 Sitting 148 1999-10-04 Oral · Final From: LOUIS BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom — Monopolju

Question

Billi l-Maltacom kellha ftehim ta' monopolju fis-servizzi li tipprovdi sal-2010 u billi issa l-monopolju se jiġi limitat sal-2003, jista' l-Ministru jgħid jekk għallinqas l-investituri privati humiex se jieħdu kumpens dwar din id-deċiżjoni unilaterali u żvantaġġjata għalilhom?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #9992 Sitting 148 1999-10-04 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Dawl f'Ħ'Attard

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet is-somma li ntnefqet mill-Enemalta/Gvern sabiex isir id-dawl elettriku fit-triq bejn Ħaż-Żebbuġ u Ħ'Attard minn fejn l-Allwoods sa l-għelieqi fil-viċin? Kemm twaħħlu arbli u kemm kien it-tul ta' wires li ntużaw? Kemm kien il-ħlas dovut mill-individwu/i li twassal lilhom id-dawl għal irziezet tagħhom?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija numru W133.
Leg 9 PQ #8570 Sitting 147 1999-09-29 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Rabat — Vjal il-Ħaddiem - Dawl

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 8085, Seduta Numru 128, dwar dawl (street lighting) fi Vjal il-Ħaddiem, Rabat, Malta?

Response (BONNICI, JOSEF)

Kif diġa għidt fit-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 3381 dwar l-istess suġġett, it-talba qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra. Tajjeb jingħad li għalkemm f'dawn l-aħħar 9 xhur l-istallazzjoni ta' dwal ġodda żdiedet sostanzjalment, xorta waħda fadal numru ta' talbiet pendenti, fosthom it-triq li għaliha qed issir riferenza. Huwa l-għan tal-Korporazzjoni Enemalta li tnaqqas dawn it-talbiet pendenti.