Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal it-tfassil ta' car park fil-Mosta u f'Marsaskala?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat minn Projects Malta li ħarġet sejħa ta’ interess pubbliku sabiex fil-Mosta jinħoloq parkeġġ. Iktar ’il quddiem għandu jitħabbar min laħaq il-kriterji identifikati fis-sejħa pubblika. Fl-istess ħin għaddejja l-ħidma biex ikunu identifikati siti f’Marsaskala li jistgħu jiġu utiliżżati għal parkeġġ pubbliku.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' CTB's li nħarġu mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, kull sena, minn meta ddaħħlet is-sistema tas-CTB,? Kemm kien hemm każijiet ta' applikazzjonijiet li ma ġewx aċċettati, għal xi raġuni jew oħra, kull sena? Jista' jagħti dan l-istess tagħrif maqsum lokalità b’lokalità?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, t-taghrif mitlub.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12882, jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk, matul il-perjodu bejn ir-risposta għal din il-mistoqsija u llum, kienx hemm xi rakkomandazzjonijiet partikolari għal dak li jikkonċerna l-policy tal-MEPA, dwar il-fish farms? Jekk kien hemm, x'kienu r-rakkomandazzjonijiet li saru, u x'passi ttieħdu dwarhom?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt nfurmat mill-Awtorita tal-Ippjanar li ma saru l-ebda proposti jew rakkomandazzjonijiet ġodda li tikkonċerna l-policy tal-PA rigward il-fish farms.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni li qabżu l-età pensjonabbli u għadhom impjegati fis-settur pubbliku u fis-servizz pubbliku? Ma’ liema entitajiet u dipartimenti huma impjegati? F’liema gradi huma impjegati?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ persuni li qabżu l-età pensjonabbli u għadhom impjegati fis-servizz pubbliku huwa ta’ 198 waqt li dawk impjegati fis-settur pubbliku huwa ta’111.
Fis-servizz pubbliku il-kotra assoluta hija fil-qasam edukattiv fejn hemm 55 u fil-qasam tas-sahha fejn hemm 113. Il-bqija huma jew minhabba kazijiet umanitarji jew minhabba esigenzi tas-servizz sakemm jinstab sostitwit addattat.
Fil-każ tas-settur pubbliku, madwar 20% tal-impjegati jaħdmu fil-qasam edukattiv filwaqt li l-kumplament qed jikkontribwixxu għal għoti ta’servizz aħjar f’diversi entitajiet.
Issa li x-xogħlijiet fi Vjal il-Ħaddiem fir-Rabat (Malta) tlestew, jista’ l-Prim Ministru jieħu azzjoni sabiex tiġi investigata u solvuta l-problema ta' pressa tal-ilma fi Triq il-Ħobbejża, triq li tiġi biswit Vjal il-Ħaddiem, wara li r-residenti ngħataw l-impressjoni li l-problema se tiġi indirizzata waqt ix-xogħlijiet imsemmija?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li bħalissa qed jiġu ppreparati d-dokumenti meħtieġa sabiex jinħareġ it-tender biex isiru x-xogħlijiet fi Triq il-Ħobbejża u Triq Fidloqqom, ir-Rabat.
Billi f'San Martin, (fl-inħawi tal-Għar tal-Madonna), limiti ta' San Pawl il-Baħar, hemm numru ta' arbli qodma tad-dawl li tħallew fil-post, minkejja li twaħħlu arbli ġodda ħdejhom, dawn l-istess arbli qodma jistgħu jikkawżaw danni, u huma ta' periklu għal min ikun għaddej minn dawn l-inħawi, jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-arbli l-qodma jinqalgħu minn fejn qegħdin?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Enemalta plc li l-arbli msemmija tneħħew wara li l-entitajiet privati li kellhom xi wires imwaħħla magħhom neħħewhom.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25858, ir-referenza għas-siti li jkerrhu hi għal dak li jikkonċerna numru ta' plots, li apparentement huma abbandunati, għaliex fihom la hemm ħidma agrikola u lanqas attività ta' kostruzzjoni, li hemm u b'mod partikulari fi Triq it-Tamar, Triq il-Port Ruman, Triq it-Turisti, u Triq il-Fugass. Jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex is-sidien ta' dawn is-siti jiġu nfurmati biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex dawn l-istess siti ma jibqgħux abbandunati, u esposti għar-rimi ta' skart minn persuni rresponsabbli?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninsab nfurmat mill-Awtorita tal-Ippjanar li illi uffiċjali tal- istess Awtorità spezzjonaw it-toroq imsemmija (jiġifieri Triq it-Tamar, Triq il-Port Ruman, Triq it-Turisti u Triq il-Fugass) fejn irriżulta illi l-plots vojta huma siti ta' kostruzzjoni, jew għelieqi kultivati, jew inkella siti li huma diġà mdawrin b'ħitan. Barra minn hekk, ma rriżultax illi kien hemm xi siti illi qegħdin jikkawżaw xi ħsara lill-ġmiel jew siwi taż-żona u li jimmeritaw azzjoni mill-Awtorità skont artikolu 99(1) tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp (2016).
Billi f'dawn l-aħħar jiem kien hemm fawran tad-drenaġġ ħdejn l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar, liema fawran wassal biex in-nies jiġu mitluba biex ma jgħumux f'dawn l-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal biex seħħ dan il-fawran? X'passi ser jittieħdu biex dawn it-tip ta' problemi ma jibqgħux jirrepetu ruħhom?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li l-fawran imsemmi ġie kkawżat minn problema teknika fil-pumping station. Il-Korporazzjoni għamlet it-tiswijiet meħtieġa minnufih.
Billi fl-inħawi tal-Veċċja, San Pawl il-Baħar, għal darba oħra qed jerġa’ jkun hemm irwejjaħ kbar ta' drenaġġ, liema rwejjaħ suppost li l-Water Services Corporation ħadet passi biex jitneħħew, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'passi fil-fatt ittieħdu dwar dawn l-istess irwejjaħ, kif kien ingħad f'domanda parlamentari preċedenti? Meta ttieħdu xi miżuri dwar dan?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li mill-investigazzjoni li saret irriżulta li r-riħa ta’ drenaġġ fiż-żona tal-Veċċja kienet ikkaġunata minn fawran tad-drenaġġ minn sistema privata fi Triq San Pawl. Minħabba li l-fawran seħħ minn propjeta’ privata l-każ ġie rriferut lid-Dipartiment tas-Saħħa kif ukoll lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.
Billi din is-sena qed jerġgħu jitfaċċaw problemi marbutin mas-sistema tad-drenaġġ f'San Pawl il-Baħar, u billi jidher li matul is-snin li ġejjin il-lokalità ser tkompli tikber ħafna minħabba l-appartamenti li qegħdin jinbnew, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu l-preparamenti marbuta mal-upgrade tas-sistema tad-drenaġġ, u dan qabel ma jkun tard wisq għal dan l-istess lokal?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li l-Korporazzjoni qed tħejji pjan għas-snin li ġejjin għall-infrastruttura tal-ilma u d-drenaġġ għal Malta kollha.
Billi jirriżulta li numru ta' bozoz fuq l-arbli fit-toroq fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, suppost jiġu rranġati mill-Enemalta, dawn jinsabu maqtugħa, u wħud minnhom ilhom hekk maqtugħa għal numru ta' ġimgħat, jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn l-istess bozoz jiġu rranġati?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Enemalta plc li sad-data li saret din il-mistoqsija parlamentari, il-Kumpanija ma kellhiex rapporti pendenti ta’ ħsarat ta’ dwal fit-toroq f’San Pawl il-Baħar.
Ħsarat ta’ dwal tat-toroq l-ewwel jiġu ċċekjati mill-Kunsill Lokali u jekk jinstab li ma jistgħux jiġu rranġati mill-Kunsill stess, dawn jużaw il-proċeduri stabbiliti biex jitolbu l-għajnuna tal-Enemalta plc.
San Pawl il-Baħar — Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – sistemi tad-drenaġġ
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' koordinazzjoni saret mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, waħedha, jew ma' korporazzjonijiet oħra, għal dak li jikkonċerna x-xogħol li sar b'rabta mas-sistema tad-drenaġġ, fi Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar, fl-1 ta' Awwissu 2016? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm koordinazzjni fuq il-post, biex isiru s-superviżjonijiet neċessarji minn uffiċjali tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li huma marru fuq il-post indikat meta l-kuntrattur kien se jibda bix-xogħlijiet ħalli jassiguraw li l-connection bejn il-katusa privata u l-main tad-drenaġġ issir kif suppost.
Billi huma bosta l-każijiet, madwar Malta u Għawdex fejn arbli tad-dawl qegħdin fuq il-bankina, bil-problemi kollha li dawn jistgħu jikkawżaw, b'mod partikulari fil-postijiet fejn il-bankini mhumiex wesgħin ħafna, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm, lokalità b’lokalità, arbli li qegħdin fuq il-bankina? X'passi hu mistenni li tieħu l-Enemalta biex dawn l-inkonvenjenzi jonqsu u jekk jista’ jkun jispiċċaw?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Enemalta plc li fejn ikun possibbli jiġi evitat twaħħil ta’ arbli fuq bankini. Kull meta l-Kumpanija tirċievi rapporti ta’ arbli li jkunu ta’ diffikulta’ għall-pubbliku, it-teknici jmorru fuq il-post biex jidentifikaw soluzzjonijiet alternattivi b’konsultazzjoni ma’ dawk li jkunu rrapurtaw il-każ. Jekk ikun teknikament possibbli li l-arblu jitneħħa, l-Enemalta ma jkollha l-ebda diffikulta’ li tagħmel dan.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhuma l-aħħar żviluppi marbuta mal-Fortizza Campbell f'Selmun? Min hu mistenni li jiżviluppa dan il-post? Meta?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern m’għandu l-ebda talba quddiemu għal xi żvilupp partikulari tal-Fortizza Campbell f’Selmun.
Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar min qed jieħu ħsieb il-Palazz ta’ Selmun, preżentement? Meta saret l-aħħar manutenzjoni f'dan il-post, u kemm ġiet tiswa?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel l-mistoqsija lill-Ministru konċernat .
Xogħol ta’ kostruzzjoni fuq toroq u bankini – koordinazzjoni bejn il-PA, il-BRO u l-OHSA biex ma jitħallewx perikli żejda
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' koordinazzjoni qed issir bejn il-PA, il-BRO u l-OHSA, biex jiġi assigurat li meta jingħalqu bankini, u possibbilment toroq, minħabba xogħol ta' kostruzzjoni li għalih ikunu ħarġu l-permessi neċessarji fil-fatt ma' jitħallewx perikli żejda fuq tali postijiet? Billi huma bosta l-każi fejn min jibni qed iħalli bankini mkissra għal xhur sħaħ u dan mingħajr ma jittieħdu l-ebda passi, minkejja l-perikli li jkunu qed jinħolqu, jista' jiġi assigurat li l-entitajiet kollha involuti jkunu jistgħu jikkordinaw aħjar ix-xogħol tagħhom, u dan biex jiġi evitat li jkun hemm perikli żejda?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninsab infurmat li l-organizazzjonijiet imsemmija ma jagħtux permessi biex tingħalaq xi triq partikolari. L-istess jgħodd għall-bankini, bid-differenza iżda li fejn ikun hemm bankina li qed toħloq inkonvenjent peress li ma tinħoloqx ‘covered walkway’ fl-armar ta’ scaffolding li jkun intrama’, l-Uffiċċju għar-Regolament tal-Bini (BRO) jistudja x’inhi r-raġuni għal tali ngombru u skond il-konkluzzjoni li tintlaħaq jittieħdu l-passi meħtieġa.
Fir-rigward ta’ bankini li jitħallew imkissra, żgur li l-Onor. Interpellant huwa konxju mill-fatt li Kunsill Lokali ta’ lokalita’ li fiha ikunu qed isiru xogħlijiet ikollu favur tiegħu garanzija bankarja biex tagħmel tajjeb għall-ħsarat li setgħet iġġarrab bankina. Huwa biss meta tali Kunsill ikun sodisfatt li l-bankina ġiet fl-istat oriġinali tagħha li tali garanzija tiġi rilaxxata jew inkella jekk ikun il-ka¿ likwidata favur tali Kunsill biex isiru t-tiswijiet meħtieġa tagħha.
Taqsima responsabbli mir-reġistrazzjoni tal-artijiet – diskussjonijiet biex jiġu aġġornati s-site plans
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar meta ser jiġu finalizzati d-diskussjonijiet mat-taqsima responsabbli mir-reġistrazzjoni tal-artijiet, biex il-pjanti (site plans) aġġornati li għandha l-PA jibdew jintużaw ukoll mis-sezzjoni responsabbli mir-reġistru tal-artijiet, u dan billi l-pjanti provduti minn dan ir-reġistru ilhom snin twal ma jiġu aġġornati, u għalhekk qed joħolqu diffikultajiet għal dawk li jkollhom bżonn jużawhom?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel l-mistoqsija lill-Ministru konċernat .
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – San Pawl il-Baħar – Triq it-Tamar — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar ix-xogħol li sar fi Triq it-Tamar, San Pawl il-Baħar, mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jew mill-privat għall-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, li iżda jaffettwa lill-istess korporazzjoni, minħabba li xogħol ta' house connections li saru f'din it-triq ftit tal-ġimgħat ilu fil-fatt diġà niżlu sew, bil-konsegwenza li triq li kienet ta' livell aċċettabbli spiċċat imħaffra f'numru ta' postijiet fit-tul tagħha?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li l-konnessjonijiet mall-main tal-ilma biss jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tal-Korporazzjoni. Fil-perjodu msemmi saret konnessjoni waħda biss mal-main tal-ilma, liema trinka ma kinitx ta’ kwalita’ sodisfaċenti u għaldaqstant il-Korporazzjoni ħadet il-provvedimenti sabiex il-wiċċ ġdid tat-trinka jkun ta’ kwalita’ tajba.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi l-policy tal-Planning Authority (PA) għal dak li jirrigwarda bini li jkun evidentement abbandunat, u li jkun qed ikerrah l-inħawi li jkun fih? X'passi jittieħdu mill-istess PA biex tali bini ma jibqax abbandunat?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Gejt nfurmat mill-Awtorità tal-Ippjanar li din timxi skont kif provdut fl-artikolu 99(1) tal-Att tal-2016 dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp. L-artikolu 99(1) jaqra kif ġej: Jekk il-Kunsill Eżekuttiv jidhirlu li l-ġmiel jew siwi ta’ xi żona huwa mħassar bid-dehra jew kondizzjoni strutturali ta’ xi bini jew ta’ xi art, li tkun ġnien, sit vojt jew art oħra fil-beraħ, jew bid-dehra ta’ xi sit fejn ikun qed isir jew sar żvilupp fih jew kostruzzjoni jew xi xogħlijiet oħra, il-Kunsill Eżekuttiv jista' jinnotifika avviż ta’ twettiq fuq is-sid tal-art jew fuq l-okkupant tal-art jew fuq it-tnejn kif il-Kunsill Eżekuttiv jidhirlu l-aktar spedjenti, li fih ikun meħtieġ li jittieħdu dawk il-passi biex titnaqqas il-ħsara kif jista’ jiġi speċifikat fl-avviż.