Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija arrestawx lil xi ħadd waqt u wara l-inċidenti li seħħew matul logħba football tal-Premier Division bejn Tas-Sliema u Birkirkara fil-31 ta' Jannar, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm tressqu nies il-Qorti u x'kien l-eżitu tal-każi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-jiem ta' wara l-logħba football li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant, il-Pulizija żammet xi nies in konnessjoni mal-investigazzjoni li qed issir dwar l-inċidenti li nqalgħu waqt il-logħba.
Ninsab infurmat ukoll li s'issa għadu ma tressaq ħadd quddiem il-Qorti.
01.03.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk inħarġux permessi għall-bini bil-proprjeta' magħrufa bħala Villa Da Fremeaux fi Triq Santa Katarina fiż-Żejtun? Jaf il-Ministru li minkejja li qatt ma kienu nħarġu permessi dejjem issokta x-xogħol ta' tkissir f'din il-proprjeta' storika ta' żmien il-Franċiżi, kemm fid-dar kif ukoll fil-ġiebja kbira u antika li hemm, li saħansitra ntradmet bil-ħamrija? Jista' l-Ministru jgħid jekk kien hemm stop order jew appell quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar huwiex lest li minbarra li jwaqqfu x-xogħol jobbliga li d-dar issir fl-istat li kienet qabel?
Jaf il-Ministru li l-ħsara li saret fil-faċċata u l-aċċess li hemm, huwa ta' periklu u fastidju f'dak li hu serq u abbuż kemm għar-residenti kif ukoll għal dawk li jkunu għaddejjin minn quddiem id-dar?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed jaħseb biex ikun hemm skop ulterjuri għal din il-proprjeta' li tista' tkun ta' servizz akbar għal komunita'?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, il-permess għal bini ta' garaxxijiet u appartamenti nħareġ fis-27 ta' Lulju, 1998. Eventwalment inħareġ Stop and Enforcement Notice u hemm appell pendenti quddiem il-Planning Appeals Board.
01.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew deċiżi applikazzjonijiet għar-rigward ta' bini f'Għawdex: (a) mid-DCC; (b) mill-Bord ta' l-Appelli mill-(i) 1 ta' Jannar, 1998 sa 6 ta' Settembru, 1998; u (ii) mis-7 ta' Settembru, 1998 sas-16 ta' Frar, 1999?
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 4742?
Response (BORG, TONIO)
B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 4742, ninsab infurmat li bejn Settembru, 1998, u s-17 ta' Frar, 1999, in-numru ta' laqgħat tal-Kummissjoni għall-Kontroll ta' l-Iżvilupp f'St. Francis Ravelin, il-Furjana kien ta' 62.
01.03.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-servizzi ġodda li ġew introdotti fl-Awtorita' ta' l-Ippjanar, fost liema hemm il-każijiet tal-Bord ta' l-Appelli jkunu aċċessibbli lill-periti u l-avukati, humiex sejrin jiġu estiżi anke għall-gżira Għawdxija?
Hemm ħsieb li fl-uffiċċju ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar f'Għawdex issir kamra apposta għal avukati u periti biex jinqdew b'dawn is-servizzi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bħalissa qed jiġi studjat kif uħud minn dawn is-servizzi jiġu estiżi wkoll on-line fuq il-website tal-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
01.03.99
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-applikazzjoni ta' bini li jidħlu f'Għawdex ma jiġux ipproċessati fl-istess gżira, lanqas fl-ammont li jrid jitħallas ma' l-applikazzjoni, imma sal-lum għadu jħallas għaxar liri (Lm10) ma' kull applikazzjoni u l-ammont li għandu jħallas jiġi kkalkolat wara mill-awtorita' f'Malta u b'hekk jinħela ħafna ħin fl-ipproċessar ta' l-istess applikazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li numru ta' applikazzjonijiet qed jiġu pproċessati fl-Uffiċċju ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar f'Għawdex stess, li jinkludu applikazzjonijiet għal proġetti kbar u xi applikazzjonijiet għal żviluppi sostanzjali fuq siti li huma barra mill-Iskemi ta' Żvilupp. Ir-rapporti ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar lill-Bord ta' l-Appelli dwar l-Ippjanar qed isiru fl-Uffiċċju ta' Għawdex ukoll.
Ninsab infurmat ukoll li fl-Uffiċċju ta' l-Awtorita' ġewwa Għawdex issa anke beda jiġi iċċekjat il-Building Levy u l-applikazzjonijiet jiġu validati f'Għawdex stess.
01.03.99
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tidħol fis-seħħ il-Liġi dwar il-Condomini?
Response (BORG, TONIO)
Il-Kummissjoni Permanenti għal Riforma fil-Liġi għamlet rakkomandazzjoni għal tibdil fil-liġi dwar il-Kondomini. Fl-istess ħin ukoll, ġew formulati r-regolamenti għat-twettiq ta' diversi disposizzjoni tal-liġi skond kif jitlob Artikolu 32 ta' l-istess Att. Dan kollu qed jiġi diskuss ma' l-Avukat Ġenerali qabel ma jiġi ffinalizzat il-pakkett kollu, u l-liġi u r-regolamenti li joħorġu minnha jidħlu fis-seħħ.
01.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal lukandi ġodda, extensions u upgrading ta' lukandi eżistenti?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm kull kategorija mistennija li jkollhom sodod?
Response (BORG, TONIO)
Tweġiba għall-ewwel parti ta' din il-Mistoqsija diġa' ngħatat f'Seduta 54 tal-21 ta' Jannar, 1999.
Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li, skond il-proposti li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għandha quddiemha, in-numru ta' sodod f'lukandi ġodda hu 2,588 u dawk f'estensjonijiet għall-lukandi eżistenti hu 1,490.
Peress illi 2 mill-41 applikazzjoni li hemm pendenti quddiem l-Awtorita', huma outline, għad mhux possibli li jingħata tagħrif dwarhom.
24.02.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu fax machines kemm fil-ministeru kif ukoll fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħu dipartiment b'dipartiment?
Jista' jgħid x'ditta huma?
Meta nxtraw?
Kemm swew fi spejjeż?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
24.02.99
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra f'idejn min qegħdin l-imħażen li nbnew fl-aħħar żmenijiet tal-Kavallieri f'Malta ġewwa l-Bajja ta' Rinella, Kalkara, u jistax sussegwentement iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li minn stħarriġ li sar mill-Estate Management Department ma jirriżultax li fil-Bajja tar-Rinella, l-Kalkara, hemm imħażen li nbnew fiż-żmien imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.
Mir-records tad-Dipartiment u minn informazzjoni li nġabret mill-Kunsill Lokali, ma jidhirx li hemm xi mħażen fil-Bajja ta' Rinella, ħlief għal dak li nbena fi żmien l-Ingliżi u li kien magħruf bħala Ammunition Depot. Dan jinsab mikri lis-Sea Cadets Corps għal Lm25 fis-sena.
24.02.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk hijiex qed tiġi kkonsidrata amnestija lill-ħabsin mal-bdil tal-President u mal-wasla tal-millenju? Jekk iva, min se jibbenefika?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
24.02.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni anzjani li kienu vittma ta' reat matul ix-xahar ta' Jannar 1999? X'tip ta' reati kienu u kemm kellhom eta'?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Din l-informazzjoni tkopri kull tip ta' reat in ġenerali u mhux biss attakki fuq l-anzjani. Dawn l-attakki fuq l-anzjani kienu jikkonsistu f' 15-il inċident u ċioe' 16% tat-total.
24.02.99
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet u/jew permess għandha quddiemha l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal area tas-Swatar, Msida?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-iżvilupp fl-inħawi ta' Swatar huwa rregolat mill-iskema ta' l-iżvilupp ta' l-inħawi.
Peress li din l-area għada qed tiżviluppa, l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tirċievi regolarment talbiet għal kull tip ta' żvilupp, iżda l-aktar komuni huma għal żvilupp residenzjali.
23.02.99
Jista' l-Ministru jgħid x'se jagħmel biex jiżgura li l-għassa tal-Gżira tkun miftuħa l-ġurnata kollha?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Pulizija kienet u għadha tagħti prijorita' sabiex, sa fejn hu possibli, l-għases kollha jinżammu miftuħa l-ġurnata kollha. Iżda dan mhux dejjem possibli għar-raġuni li l-eżiġenzi tas-servizz ġieli jirrikjedu lill-pulizija li jkun għassa joħroġ biex jinvestiga rapporti u anke fuq ronda, bil-konsegwenza li l-għassa jkollha tingħalaq. Minbarra dan, il-pulizija assenjati xogħol fl-għases ikollhom xogħol ieħor konness mall-Qorti, kemm sabiex jagħtu xhieda kif ukoll fuq skorti.
23.02.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' investigazzjonijiet kriminali f'Għawdex li għadhom f'idejn il-pulizija u li l-individwu suspettat għadu ma ġiex akkużat quddiem il-Qorti Kompetenti?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi każijiet bħal dawn li llum huma preskritti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi hemm 92 każ x'jitressqu quddiem il-Qorti f'Għawdex li minnhom 9 huma preskritti.
23.02.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu computer scanners kemm fil-ministeru kif ukoll fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħu dipartiment, b'dipartiment?
Jista' jgħid x'ditta huma?
Meta nxtraw?
Kemm swew fi spejjeż?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
22.02.99