Jista' l-Ministru jara li dawk il-mature students li għadhom qed jistennew risposta mill-Universita' jistgħux jibdew xi kors din is-sena jew le, jingħataw risposta xierqa? Dan jgħodd ukoll għall-IHC fejn kulmin għadda qed jistenna risposta.
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-aċċettazzjoni ta' applikanti li japplikaw taħt il-klawsola komunement magħrufa bħala il-maturity clause bil-fors ikollhom jingħataw risposta aktar tard minn oħrajn peress li l-aċċettazzjoni tagħhom tiddependi fuq evalwazzjoni individwali u tikkomprendi intervista mill-Kap tad-Dipartiment skond il-kors li japplikaw għalih. L-intervisti jibdew isiru f'Settembru wara l-għeluq tal-perjodi ta' l-applikazzjoni.
L-istess jista' jingħad għall-applikanti għall-korsijiet fl-Institute of Health Care li kollha jridu jkunu intervistati skond ir-regolamenti biex ikun stabbilit li għandhom ix-xeħta (aptitude) għal professjoni li jkunu għażlu. F'ċerti każi fejn ikun hemm dubju jkun meħtieġ li jkunu intervistati minn psikologu. Ma' dan irid jingħad li d-dħul ta' ħafna minn dawn l-applikanti jiddependi mir-riżultati li kisbu fl-eżamijiet supplimentari li saru f'Settembru u li r-riżultat tagħhom ħareġ fit-30 ta' Settembru.
Qed isir kull ma hu possibbli biex l-applikanti kollha jkunu rċevew risposta fil-ftit ġranet li ġejjin u fil-fatt fadal ftit risposti x'jintbgħatu, prinċipalment minn dawk ta' l-eżamijiet supplimentari ta' Settembru.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-Form Six ta' Għawdex kienx hemm xi korsijiet li kellhom jibdew fit-2 ta' Ottubru u li fil-fatt ma bdewx?
F'każ affermattiv, x'kienet ir-raġuni li għaliha ma bdewx? Meta se jibdew?
X'kienet ir-raġuni li għaliha għadu ma tlestiex il-laboratorju tal-bijoloġija li kellu jitlesta għas-Sixth Form?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li d-Dipartiment ta' l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni għall-Adulti joħroġ it-tieni sejħa għall-applikazzjonijiet wara li jkunu ppubblikati r-riżultati tar-reparatorju tas-SEC. Din is-sena d-Dipartiment laqa' dawn l-applikazzjonijiet bejn it-2 u l-4 ta' Ottubru. Dan isir sabiex inkunu nistgħu nakkomodaw studenti li jkunu għadhom ma sabux posthom fl-ebda kors.
Għaldaqstant bħal fl-iskejjel post-sekondarji li jaqgħu taħt dan id-Dipartiment, il-korsijiet f'Għawdex ma setgħux jibdew fit-2 ta' Ottubru 2000, għax sa l-4 ta' Ottubru 2000 kienu għadhom qed jintlaqgħu l-applikazzjonijiet wara t-tieni sejħa. Il-korsijiet kollha, inkluż tnejn ġodda, ser jibdew nhar it-Tnejn 9 ta' Ottubru 2000. L-istudenti tat-tieni sena bdew fil-25 ta' Settembru 2000.
Il-proġett tal-laboratorji ġodda fis-Sixth Form f'Għawdex jinsabu fi stadju avvanzat ħafna u partijiet minnhom ġa bdew jintużaw. Dan il-proġett jinkludi laboratorji tal-Fiżika, Kimika u Bioloġija Xjenza Ġenerali, tliet laboratorji tal-Kompjuter u ammenitajiet oħra.
Billi hija l-politika tal-gvern preżenti li jgħolli l-livelli tan-nurses, speċjalment fid-dawl ta' l-isptar il-ġdid, possibbli l-Ministru ġentilment jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jerġgħu jinfetħu l-applikazzjoni għal conversion course minn EN għal SN?
Jekk iva, meta bejn wieħed u ieħor hu maħsub li jerġa' jinfetaħ dan il-course?
Kemm il-conversion course sar s'issa?
Kemm temmew b'suċċess dan il-conversion course?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li l-materja għandha tiġi riferita lill-Ministru tas-Saħħa, informat mill-IHC ta' l-Universita` li l-conversion courses minn EN għal SN huma organizzati mill-Institute of Health Care għad-Dipartiment tas-Saħħa. Hemm ħsieb li jergħu jinfetħu meta jkun hemm ir-riżorsi meħtieġa u ukoll meta jlestu l-istudenti li għandna bħalissa reġistrati. S'issa kors wieħed tlesta, 4 korsijiet għaddejjin u ieħor ser jiftaħ fi żmien qasir. 19-il studetn temmew b'suċċess dan il-conversion course.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-kumitat maħtur sabiex jorganizza l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru f'pajjiżna fis-sena 2003?
Liema huma l-kumitati l-oħra maħtura u min huma l-persuni li jagħmlu parti minn dawn is-sotto-kumitati?
Jista' jagħti rendikont tal-ħidma tagħhom mit-twaqqif sal-lum?
Jista' jgħid jekk hemmx xi ħsieb ta' xi proġett qrib il-Pixxina Nazzjonali f'Tal-Qroqq?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu sabiex il-football ground tax-Xgħajra jiġi rranġat u ma jibqax ta' periklu għal dawk li jiffrekwentawh, b'mod speċjali t-tfal?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li wara l-laqgħa li saret bejn uffiċjali tal-Klabb tax-Xgħajra Tornadoes F.C. u s-Segretarju Parlamentari l-Onor. Mugliett (fil-preżenza ta' l-Onor. C. Abela u C. Agius) lejn l-aħħar ta' Awissu, is-Segretarjat stħarreġ kif jista' jiġi mgħejjun dan il-Klabb.
Ta' min jgħid li meta fil-5 ta' Awissu 1998 il-Kumitat talab l-għajnuna lis-Segretarju Parlamentari ta' dak iż-żmien sabiex jiġi rranġat il-fence (li kien diġa' fi stat perikoluż), is-Segretarjat approva għotja ta' Lm2,500 għal dan ix-xogħol. Fil-fatt, il-flus ingħataw lill-Klabb fit-30 ta' Settembru 1998. Ġara iżda li dawn il-flus ma intefqux fix-xogħol li kien urġenti u minflok intefqu f'affarijiet oħra.
Madanakollu, is-Segretarju Parlamentari qed jistħarreġ x'jista' jkun l-intervent tiegħu f'din il-problema li jidher li tinvolvi entitajiet diversi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni mpjegati fiċ-ċentru tal-kreattivita'? Kemm minn dawn huma full-time u part-time? X'tip ta' xogħol qegħdin jagħmlu dawn il-persuni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fiċ-Ċentru għall-Kreattivita hemm ħdax impjegati - wieħed uffiċċjal pubbliku full-time u għaxra casual part-time. Sitt persuni huma mpjegati bħala Casual Part-time Ushers u erbgħa oħra bħala Casual Part-time Cleaners.
Ma' dawn wieħed irid iżid:
Is-sur Chris Gatt li għandu kuntratt mal-Ministeru għall-Ambjent
Is-sur Piju Spiteri li għandu kuntratt ma' l-MTA u qed jgħin fil-Calendar of Events
Is-servizzi ta' sigurta li huma ġentilment mislufa mit-Taqsima tal-Manifattura u Servizz fid-Dipartiment tax-Xogħolijiet Pubbliċi, Ministeru għall-Ambjent
Tiswijiet qed isiru mill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħolijiet Pubbliċi u minn handymen mislufa mid-Dipartiment tal-Kultura
Għajnuna oħra qed tingħata mill-istaff tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji ħalli jissewwew jew jinbidlu s-soqfa tas-sala ta' xi skejjel ta' l-iskola primarja Karmnu Sant fil-Għargħur billi dawn għandhom ħsara konsiderevoli filwaqt li s-saqaf tas-sala ilu miftuħ għal diversi xhur?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f-dawn il-ġranet il-kuntrattur ingħata l-ordni biex ikompli x-xogħol fuq is-saqaf ta' l-iskola primarja Karmnu Sant fil-Għargħur.
Ix-xogħol dam wieqaf għal tul ta' żmien minħabba li kellha tintalab awtorizzazzjoni għal nefqa akbar fuq il-proġett. Dan kien meħtieġ għaliex il-ħsara fis-saqaf kienet akbar minn dak previst. Meta issaqfet is-sala l-ewwel darba fl-1986 il-planki ma kienux tal-qies meħtieġ u tpoġġew ħażin. Din kienet il-kawża li ħafna mill-planki inqasmu u b'hekk saru perikolużi.
Il-perit inkarigat mill-iskejjel mill-iskejjel statali għalhekk ordna li jinbidel is-saqaf kollu tas-sala. Għalhekk in-nefqa għal dan ix-xogħol għoliet konsiderevolment.
Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ser tieħu l-passi kollha neċessarji biex ix-xogħol li ser ikompli jsir, b'ebda mod ma jaffetwa t-tagħlim jew is-safety ta' l-istudenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru riċevimenti u ikliet mill-ministeru - dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-1 ta' Jannar, 2000 sal-31 ta' Awissu, 2000?
Jista' jgħid separatament f'kull każ x'kienet l-okkażjoni, u kemm laħqet l-ispiża?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif ġa kelli l-opportunita` inwieġeb l-Onor. Membru f'okkażjonijiet oħra, sakemm ma ningħatax raġuni l-għala qed tintalab, ma nara ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba. Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Membru għall-allokazzjonijiet għall-Hospitality li hemm fl-Estimi Ġenerali taħt il-vot tal-Ministeru tiegħi u dawk tad-dipartimenti li jaqgħu taħtu.
Jista' l-Ministru jinformani x'sar mid-dipartiment ta' l-isports mill-5 ta' Settembru '98 'l hawn sabiex il-klabb tal-boċċi ta' Buġibba jkollu t-titolu meħtieġ biex jissodisfa l-applikazzjonijiet li jrid jissottometti għall-embellishment tal-klabb ħalli jkun jista' jtejjeb il-faċilitajiet għall-membri u għall-pubbliku in ġenerali li jkun isegwi dan l-isport f'Buġibba?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li la d-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport u lanqas il-Kunsill Malti għall-iSport ma qatt irċevew talba mill-Klabb tal-Boċċi Buġibba sabiex il-faċilita` sportiva li jokkupaw tiġi mgħoddija lilhom b'titlu.
Jista' l-Ministru jinformani x'inhija l-policy tad-dipartiment ta' l-isport sabiex jgħin lill-clubs tal-boċċi jkollhom titolu uffiċjali għall-premises li għandhom u/jew qed jużaw illum?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li wara li l-klabb ikun talab bil-miktub li jingħata titlu fuq il-faċilita sportiva li jkun qed jokkupa, din it-talba tiġi mistħarrġa mill-Kunsill Malti għall-iSports. dan il-kunsill jistħarreġ xi pjanijiet ikollu l-istess klabb dwar l-iżvilupp tal-faċilita filwaqt li jistħarreġ il-qagħda ta' l-istess klabb sabiex jiġi żgurat li l-faċilita tgħaddi f'idejn entita serja li jkollha l-mezzi neċessarji sabiex din il-faċilita tibqa' tintuża għall-iskop oriġinali tagħha, mingħajr ma jkun hemm bżonn ta' għajnuna mid-Dipartiment. Intalbu wkoll l-opinjonijiet ta' l-Awtorita ta' l-Ippjanar u d-Dipartiment ta' l-Artijiet u jekk ma jkunx hemm oġġezzjonijiet, dawn il-faċilitajiet jgħaddu għand l-għaqda li tkun ilha tmexxihom.
Din il-policy diġa' qegħda titħaddem u fir-riżoluzzjoni numru 339 ta' Lulju 2000 għaddew ħdax il-pitch tal-boċċi lill-għaqdiet li jmexxuhom. Dawn kienu Birżebbugia Boċċi Club, Lija Boċċi Club, Paola Wolves Boċċi Club, Senglea Boċċi Club, Paola Boċċi Club, St. Peter Boċċi Club Zabbar, Paola Tarxien Boċċi Club, Zebbug Boċċi Club, Zejtun Boċċi Club, Zabbar Boċċi Club u Guy Boċċi Club.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri magħżula għall-Kumitat Koordinatur għall-Azzjoni taż-Żgħażagħ tal-Komunita'?
Jista' jgħid fuq liema kriterji ntgħażlu, x'allowances se jitħallsu u meta se jibda sewwa sew jiffunzjona dan il-kumitat?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li l-Kumitat Koordinatur għall-Azzjoni taż-Żgħażagħ tal-Komunita għadu ma twaqqafx. Hu maħsub li l-kumitat jitwaqqaf sa l-aħħar tas-sena peress li Malta ser tibda tieħu sehem f'dan il-programm matul l-2001.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni magħżula għall-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF), fuq liema kriterji ntgħażlu u kemm qed jitħallsu għal dan ix-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-nies magħżula bħala esperti mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u mill-Ministeru tal-Politika Soċjali huma s-sinjorina Joyce Pullicino (Director Further Studies and Adult Education) u s-sur John Camilleri, Chief Executive tal-Employment and Training Corporation. Dawn intagħżlu minħabba l-karigi li jokkupaw u ma jitħallsux ta' dan ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-istrategic review li ħejjew KPMG dwar il-Mediterranean Conference Centre?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li f'dan id-dokument hemm diversi proposti li fuqhom għad trid tittieħed deċiżjoni mhux fl-interess nazzjonali li r-rapport mitlub jiġi publikat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fis-sena skolastika 1999/2000 ammontaw in-numru ta' studenti fl-iskejjel post sekondarju li weħlu mill-eżamijiet u mil-liema m'għaddewx?
Response (GALEA, LOUIS)
L-istatistika mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fis-sena skolastika 1999/2000 ammontaw in-numru ta' studenti li weħlu mill-eżamijiet għall-post-sekondarju u kellhom jirrepetu l-eżami f'Settembru?
Jista' jgħid mil-liema suġġetti m'għaddewx u kemm minnhom spezjonaw il-karta tal-eżami?
Response (GALEA, LOUIS)
L-istatistika mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm studenti ġew mgħarrfa li weħlu fl-Ingliż fl-eżami tal-MATSEC "O" Level u mbagħad wara ġew mgħarrfa li fil-fatt kienu għaddew? Jekk fl-affermattiv, jistax jgħid x'wassal għal dawn l-iżbalji?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-istess Mistoqsija Parlamentari numru 19371 ta' l-istess membru magħmula fl-istess data.
Jista' l-Ministru jikkonferma li kienu biss 40 in-numru ta' applikanti biex jistudjaw fil-Kulleġġ Vokazzjonali l-ġdid fis-sena akkademika 2000/2001?
Jista' jgħid min huma l-uffiċjali tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li qegħdin jieħdu sehem fil-programm "Leonardo"?
Jista' jgħid min huma l-kapijiet ta' l-edukazzjoni vokazzjonali u ta' l-istituzzjoni tat-taħriġ li qegħdin jieħdu sehem fil-laqgħat ta' tagħrif dwar il-programm?
Jista' jgħid fuq liema kriterji ngħażlu biex jieħdu sehem u minn liema fondi qed jitħallsu l-vjaġġi tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tweġiba għall-ewwel parti tal-Mistoqsija hija fin-negattiv.
Dwar il-programm Leonardo, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni hi rappreżentata minn Assistent Direttur fil-Coordinating Committee tal-EUPU.
Dwar l-aħħar żewġ partijiet tal-Mistoqsija informat li l-istituzzjonijiet kollha ta' edukazzjoni vokazzjonali u taħriġ ħadu sehem fil-laqgħat ta' tagħrif dwar dan il-programm. La attenda kulħadd ma kien hemm ebda kriterju speċifiku u l-laqgħat saru kollha Malta u allura, ma kien hemm ebda spejjeż ta vjaġġi.
Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Delegazzjoni ministerjali għal-logħob olimpiku
Question
Minn min kienet komposta d-delegazzjoni ministerjali li marret għal-logħob olimpiku?
Kemm swiet b'kollox din il-mawra?
Liema kienu dawk il-ministri barranin li magħhom saru laqgħat/taħdidiet formali?
Response (GALEA, LOUIS)
Għall-ewwel parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor Membru għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 19137 u 19140.
Informat li matul iż-żjara tiegħu f' Sydney, is-Segretarju Parlamentari ltaqa' mal-Ministru Federali ta' l-Isport u Turiżmu, l-Onor. Jackie Kelly, mal-Ministru ta' l-Edukazzjoni ta' l-Istat ta' New South Wales l-Onor. John Aquilina u mal-Ministru Fedrali ta' l-Edukazzjoni, Taħriġ u Żgħażagħ l-Onor. David Kemp. Barra minn hekk is-Segretarju Parlamentari kellu diversi laqgħat informali oħra fosthom mal-Ministri ta' l-Isport ta' diversi stati Awstraljani oħra u ta' pajjiżi oħrajn, foshom mal-Ministri tal-Bulgarija, Greċja, Belarussja, Kummissjoni Ewropea u Northern Territory.