Ministeru tat-Trasport u Komunikazzjoni — Kuntratti
Question
B'riferenza għall-perjodu 10 ta' Settembru, 1998 sal-31 ta' Ottubru, 1998 u għad-dikasteru li għalih hu responsabbli, jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti li saru ta' ġarr ta' għamara ta' uffiċini li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika: 1) min kienu l-persuni li għamlu l-award; 2) lil min intalbu quotations; 3) kemm kienet kull quota; 4) min rebaħ il-kuntratt; 5) ingħatawx extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv: 6) fiex kienu jikkonsistu; u 7) kemm kien il-valur totali tagħhom?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li fil-perjodu msemmi mill-Onor. Interpellant, il-valur ta' ġarr mill-Ministeru għat-Trasport u Kominikazzjoni kien jammonta għal-Lm 1,519 (elf, ħames mijja u dsatax) -il lira.
Minħabba l-urġenza li kien hemm biex isir ċaqliq kemm tal-Ministeru, kif ukoll tad-Dipartiment, ġew imqabbda żewġ kuntratturi li huma magħrufa għal dan is-servizz li mhux l-ewwel darba li taw dan is-servizz lill-Ministeri u Dipartimenti tal-Gvern. Dawn iż-żewġ kuntratturi huma: Borg Brothers Garage ta' Triq id-Demmnuq, Siġġiewi għall-valur ta' Lm630 (sitt mija u tletin) lira, u F. Borġ & Sons ta' Frankate, Triq ir-Rebbiegħa, Siġġiewi għal-valur ta' Lm 889 (tminn mija u disa' u tmenin) lira.
L-ordnijiet ġew maħruġa mid-Direttur għas-Servizzi korporattivi.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-Gvern dwar il-monopolju li jeżisti bħalissa f'pajjiżna fil-qasam tas-cellular telephones (mobile phones)?
Kemm iqis il-Gvern li dan il-monopolju jservi tajjeb jew ħażin lill-konsumatur kemm fil-kwalita' u anke fir-rati li jitħallsu?
Jaf il-Ministru li dawn ir-rati huma ogħla sew mill-istess rati f'pajjiżi Ewropej?
Kemm hu konformi dan il-monopolju mat-talba tal-Gvern preżenti li applika biex pajjiżna jsir membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li permezz ta' ftehim li kien sar bejn il-Korporazzjoni Telemalta (illum Maltacom plc) u t-Telecell Ltd., (illum Vodafone Malta Ltd.,) it-telecell, kienet inagħtat liċenzja biex topera it-telefon ċellulari taħt monopolju għal għoxrin (20) sena. Dan jiskadi fis-sena 2010.
Il-liċenzja msemmija hawn fuq bħal kull liċenzja maħruġa taħt l-Att dwar il-Korporazzjoni Telemalta baqgħet fis-seħħ taħt l-Att ta' l-1997 biex jirregola t-Telekomunikazzjoni u jirrikonoxxi ċerti esklusivita' sa mhux aktar tard mis-sena 2010.
Jien infurmat illi t-Telecell kienet żiedet tariffi oħra barra dik li hemm fil-ftehim u għalhekk il-konsumatur illum għandu xelta ta' 4 tariffi x'jista' jagħżel.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta hu ppjanat li t-toroq: Triq Tumbrel, Triq Orlando, Triq Ħaż-Żabbar u Triq Mahoney li għandhom mhux żviluppati fir-raħal tax-Xgħajra jsiru?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li minħabba xogħol li jrid isir f'dan il-qasam fil-lokalitajiet kollha, l-asfaltar ta' dawn it-toroq isir skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment, sintendi wara li jkun zgurat li s-servizzi jkunu tqiegħdu kollha b'mod permanenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il siegħa damu l-170 cruise liner li żaru Malta minn Jannar sa Ottubru, 1998?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li bejn Jannar u Otubru da' din is-sena ġew Malta 191, Cruise Liner li damu fil-port għal 1,815 (elf, tminn mija u ħmistax) -il siegħa.
Cruise Liners Siegħat
Jannar 1 11
Frar 1 9
Marzu 1 9
April 21 206
Mejju 35 332
Ġunju 22 199
Lulju 22 196
Awissu 20 181
Settembru 31 285
Ottubru 37 387
Total 191 1,815
Jista' l-Ministru jara li fl-area magħrufa bħala Taż-Żokrija, fil-Mosta fejn hemm saħansitra Housing Estate ukoll, tibda tidħol il-bus route imqar f'xi ħin partikolari fil-għodu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li diġa' kienet ikkunsidrata l-possibilita' li mill-inħawi taż-Żokrija tibda' tgħaddi l-karozza tar-Rotta 47, iżda dan għadu mhux possibbli għax it-toroq li jwasslu lejn u 'l barra minn Taż-Żokrija għadhom ma' jagħtux il-possibilita' li jgħaddu minnhom il-karozzi tal-linja.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li triq fil-bypass ta' Birkirkara quddiem l-Isptar ta' Tal-Qroqq, li preżentement tinsab magħluqa, tibda tkun aċċessibbli għat-traffiku għal quddiem il-Price Club?
Jikkonsidra l-Ministru li sakemm din it-triq tinfetaħ bħala one-way traffic tkun qegħda tnaqqas it-traffiku minn dħul wieħed biss għal area ta' ħafna residenti li joqogħdu f'dawk l-inħawi partikolarment ukoll għall-iskola ta' St. Martin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li lt-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant ingħalqet meta parti minnha waqgħet, u wara nbniet il-mina l-ġdida għal ġo l-Universita'.
Kif inhi s-sistema tat-traffiku llum, mhux il-każ li din it-triq tinfetah peress illi jkun hemm wisq aċċessi mit-triq prinċipali li jistgħu jfixklu lil min ikun qed juża dawn it-toroq.
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-tieni parti tax-xogħol fi Triq Hompesch, il-Fgura huwiex se jsir? Jekk iva, meta se jibda?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li x-xogħol fuq l-ewwel parti ta' triq Hompesh għadu kemm tlesta din is-sena u għalkemm it-tieni fażi ser issir, ix-xogħol fiha irid bilfors isir wara li jitlesta xogħol simili li nbeda f'lokalitajiet oħra.
Jista' l-Ministru jara li jsiru pelican lights u traffic lights fil-bypass ta' l-Iklin fejn regolarment jaqsmu l-pedestrians min-naħa għall-oħra ta' l-istess bypass?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat wara diskussjonijet mal-Kunsill Loklali ta' l-Iklin ser jiġu nstallati Pelican lights kif miftiehem.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 266, ċioe' jista jgħid meta hu maħsub li jiġu asfaltati għall-ewwel darba dawn it-toroq fil-Ħamrun, toroq li fihom qed ibatu inkonvenjent kbir ir-residenti li joqogħdu fihom; (1) Triq Willie Attard; (2) Triq Ġuże' Bajada; (3) Triq Dun Frans Camilleri; (4) Misraħ Is-Sebgħa ta' Ġunju 1919; u (5) Triq Manuel Attard?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li minħabba xogħol li jrid isir f'dan il-qasam fil-lokalitajiet kollha, l-asfaltar ta' dawn it-toroq isir skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment, sintendi wara li jkun żgurat li s-servizzi jkunu tqiegħdu b'mod permanenti.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru traffic lights fi Triq 28 ta' April, Raħal Ġdid peress li jeżisti periklu? Jekk se jitwaħħlu dawn it-traffic lights, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra site plan li turi fejn se jitwaħħlu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Ser nirreferi s-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant għal konsiderazzjoni tal-Bord għall-Kontroll tat-traffiku.
Minħabba l-istat perikoluż li tinsab fih bħalissa Triq San Ġwakkin, f'Wied il-Għajn, jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol fiha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li x-xogħol li qiegħed issir fil-lokalita' qiegħda tagħmlu d-diviżjoni tax-xogħolijiet u l-Onor. Interpellant mitluba tagħmel mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir l-asfaltar ta' Triq Joseph Burlo' ġewwa Ħal-Tarxien?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li minħabba l-ħafna xogħol li jrid isir f'dan il-qasam fil-lokalitajiet kollha, l-asfaltar ta' din it-triq isir skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment sintendi wara li jkun żgurat li s-servizzi jkunu tqiegħdu kollha b'mod permanenti.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir l-asfaltar ta' Triq Odilone Caruana ġewwa Ħal-Tarxien?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li minħabba l-ħafna xogħol li jrid isir f'dan il-qasam fil-lokalitajiet kollha, l-asfaltar ta' din it-triq isir skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment sintendi wara li jkun żgurat li s-servizzi jkunu tqiegħdu kollha b'mod permanenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inħatru diretturi fid-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn?
Min huma?
Xi kwalifiki għandhom?
Fuq liema kriterji ngħataw il-ħatra?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li mill-5 ta` Settembru 1998 `l hawn, ma` nħatru l-ebda Diretturi fil-Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni.
Jista' l-Ministru jara li jsir xi xogħol ta' manuntenzjoni fi Triq F. Geneste, Birkirkara peress li preżentement din it-triq tinsab fi stat diżastruż?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li l-parti l-kbira tat-triq F. Geneste kienet ġiet asfaltata u għalhekk il-Kunsill Lokali jieħu ħsieb il-manutenzjoni tagħha.
Baqa' biċċa f'din it-triq li għadha mhix asfaltata u x-xogħol f'din il-parti irid isir mid-Dipartiment tat-toroq skond il-prijoritajiet li għandu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mis-6 ta' Settembru sat-28 ta' Ottubru, 1998 ma' l-Awtorita' Marittima ta' Malta? Jista' l-Ministru jgħid fl-imsemmi post tax-xogħol, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr ma' ħarġu applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm min dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għall-imsemmi impjieg?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li l-Awtorita' Marittima ta' Malta impjegat tlett (3) ħaddiema ġodda bejn is-16 ta' Settembru sat 28 ta' Settembru 1998.
L-applikazzjonijiet li ħarġu l-ewwel darba fis-26 t'Awissu 1998 kienu għal:
2 Draughtsmen / Surveyors / Site supervisors
1 Port Officer
Il-Port Officer irrapporta għax-xogħol l-ewwel darba fit-12 t'Ottubru 1998, filwaqt li d-Draughtsmen bdew l-impjieg tagħhom ma' l-Awtorita' fis-26 t'Ottubru 1998.
Ma' ġie mpjegat ħadd mingħajr ma' ħarġu applikazzjonijiet.