Legislature:
Category:
Reset
Active:

EU — Product safety

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma t-tibdiliet li jridu jsiru fir-regolamenti u/jew liġijiet tagħna fir-rigward tal-product safety biex Malta tiġi in line ma' l-acquis communautaire ta' l-UE?

Response (BONNICI, JOSEF)

Sabiex Malta tiġi 'in line' ma' l-'Acquis Communautaire' ta' l-Unjoni Ewropea dwar 'product safety', tħejja abbozz ta' liġi li, fost affarijiet oħra, jaħseb sabiex fil-liġi Maltija jidħol il-prinċipju ta' 'General Product Safety'. Dan ifisser li kull prodott li jitpoġġa fis-suq irid ikun 'safe' skond kif hu definit fid-direttiva. Ir-responsabbilta' ta' dan huwa tal-produttur jew persuna li tpoġġi l-prodott fis-suq. Il-Gvern sejjer iwaqqaf l-istrutturi neċessaarji sabiex dan il-prinċipju jiġi osservat u nfurzat permess ta' taqsimiet apposta fid-Dipartiment għall-Affarijiet tal-Konsumatur u f'dak ta' l-Industrija.
Leg 9 PQ #10018 Sitting 152 1999-10-11 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom — Chairman ġdid

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar ir-remunerazzjoni u l-package sħiħ ta' benefiċċji li ġie offrut iċ-Chairman il-ġdid tal-Maltacom? Il-ħatra tiegħu x'terminu ta' żmien għandha? X'inhi r-raġuni li ċ-chairman il-ġdid ġie rrapportat li qal li għalissa sejjer iżomm il-ħatra ta' chairman tal-PBS? Jikkonferma l-Ministru dak li qal il-Ministru Dalli li l-Maltacom qegħda fuq quddiem fost l-azjendi parastatali għall-privatizzazzjoni akbar?

Response (BONNICI, JOSEF)

Iċ-Chairman il-ġdid tal-Maltacom, li l-ħatra tiegħu ma għandhiex terminu speċifiku, iżda bħalma jiġri f'każijiet oħra jiġi għall-konferma mill-ġdid fil-Laqgħa Ġenerali Annwali, għandu remunerazzjoni annwali ta' Lm12,000. Il-pakkett sħiħ ta' benefiċċji li ġie offrut jikkomprendi 1. Servizz ta' karozza tal-Kumpanija bix-xufier. 2. Polza tas-sigurta' fuq is-saħħa li tkopri Malta u barra. 3. Ħlas ta' sħubija fi sports health club għalih u għall-familjari immedjati tiegħu. 4. Servizz gratwit tat-telefon tad-dar, internet, mobile telephones, pagers, magni tal-fax, kompjuters u apparat ieħor li jgħinu fis-servizz tiegħu lill-Kumpanija. 5. Rifużjoni ta' spejjeż li jkollu jagħmel minħabba l-bżonnijeit tal- Kumpanija. 6. Ħlas ta' sħubija f'korpi professjonali. Mad-dinja kollha insibu li s-settur tat-telekommunikazzjoni huwa minn ta' quddiem f'dak li huwa żvilupp teknoloġiku kif ukoll ekonomiku. Minn din il-lenti, għalhekk, kull fejn l-istat għandu sehem f'dan il-qasam, bilfors li dan is-sehem tal-gvern jitqies bħala opportunita ewlenija għal privatizzazzjoni jew għal miżuri oħra li jiftħu spazju ikbar għall-parteċipazzjoni tas-settur privat.
Leg 9 PQ #10146 Sitting 152 1999-10-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Imdina — Bejgħ minn postijiet turistiċi

Question

B'riferenza għall-artiklu miktub mis-Segretarju Parlamentari, l-Onor. Edwin Vassallo, fil-Mument tal-Ħadd 3 ta' Ottubru dwar in-negozjanti fl-Imdina, jista' l-Ministru jgħid jekk japprovax il-bejgħ ta' oġġetti bi prezz ogħla minn postijiet oħra biex tingħata kummissjoni fuq il-bejgħ lill-gwidi? X'passi beħsiebu jieħu l-Ministeru biex in-negozjanti f'postijiet turistiċi ma jkomplux jitgħabbew bil-kummissjoni li jkollhom iħallsu lill-gwidi u operaturi oħra?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ma hemm l-ebda dubju li la jiena u lanqas ebd Ministru ma japprova li xi oġġett, hu ta' liema għamla hu, jinbiegħ bi prezz ogħla minn dak stabbilit. Tajjeb jingħad li l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta kontinwament jgħasses biex il-kompetizzjoni bejn l-istabbilimenti tkun waħda tassew ġusta, biex bżhekk, kemm jista' jkun, l-abbużi jiġu eliminati.
Leg 9 PQ #10200 Sitting 152 1999-10-11 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Valletta — Triq Merkanti - Tiswija

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Enemalta tieħu l-passi neċessarji biex tirranġa b'mod permanenti phase tad-dawl fi Triq il-Merkanti fil-Belt liema phase qed imur ta' spiss, m'hemmx għalfejn ngħid li, Strada Merkanti hija triq ewlenija għaliex fiha hemm għadd ta' ħwienet u numru ta' uffiċini?

Response (BONNICI, JOSEF)

Din il-mistoqsija diġa' weġibtha meta rrispondejt il-mistoqsija numru 9892 fis-Seduta numru 148. Madankollu nista' nżid li ninsab infurmat li l-ilment ġie investigat mill-Korporazzjoni Enemalta u li l-proċess meħtieġ biex is-sitwazzjoni titranġa beda u huwa ppjnat li jitlesta f'qasir żmien.
Leg 9 PQ #10206 Sitting 152 1999-10-11 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Katamaran — Vjaġġi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għamlet vjaġġi l-Katamaran bejn Malta u Għawdex minn mindu bdiet taħdem dan l-aħħar? Kemm ġarret persuni bejn iż-żewġ gżejjer? Xi spejjeż għamlet din il-Katamaran fi fuel, ħsarat u pagi tal-crew? Xi profitti għamlet mill-passiġġieri li ġarret?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li minn mindu bdiet topera fil-5 ta' Lulju 1999 sat-30 ta' Settembru 1999, il-Katamaran għamlet 450 vjaġġ bejn Malta u Għawdex li matulhom inġarru 14,645 passiġġier. L-ispejjeż fi fuel, ħsarat u pagi tal-crew kienu jammontaw għal Lm45,039. F'dan il-perjodu ma sarx qliegħ.
Leg 9 PQ #10215 Sitting 152 1999-10-11 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Żejtun — Triq Żabbar - Bozza

Question

Jista' l-Ministru jara li bozza maqtugħa bi dritt f/h (farmhouse) fi Triq Żabbar, Żejtun tissewwa peress li l-persuna li toqgħod hemm hi anzjana?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie mgħoddi lill-Korporazzjoni sabiex tieħu l-passi meħtieġa.
Leg 9 PQ #10216 Sitting 152 1999-10-11 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Xgħajra — Triq Leonard Mahoney

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir bozza viċin dar jisimha "Villa Silken Cocoon" fi Triq Leonard Mahoney, x-Xgħajra?

Response (BONNICI, JOSEF)

Is-suġġerimenti ta' l-Onorevoli Interpellant ġie mgħoddi lill-Korporazzjoni għall-konsiderazzjoni tagħha.

Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi — Refurbishment

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 8172?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li l-ammont li ntefaq fil-perjodu imsemmi fil-mistoqsija f'refurbishment u f'għamara ġdida fl-uffiċini tal-Ministeru u f'tad-Diretturi jew Chairmen li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, kien kif ġej: Ministeru, li jinkludi l-uffiċini tas-Segretarjat Privat tiegħi, taż-żewġ Segretarji Parlamentari,u tas-Segretarju Permanenti, Lm11,682. Malta Drydocks - Lm49,474. Tajjeb jingħad li x-xogħol ta' refurbishment sar mill-ħaddiema ta' l-azjenda u l-biċċa l-kbira ta' l-għamara inħadmet fl-azjenda. M.O.B.C. - Lm752 Malta Standardisation Authority - Lm3,267 Ta' min jgħid li l-għamara inxtrat għall-ewwel darba u mhux saret flok oħra eżistenti.
Leg 9 PQ #9994 Sitting 151 1999-10-07 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom — Telefonati għal barra

Question

B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 7955, jista'l-Ministru jispjega kif il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament wara li ordnat li t-telephone jiġi barred għan-numru "0" fil-kont li rċeviet għall-perijodu Mejju/Lulju 1999 kien hemm imniżżel mobile call?

Response (BONNICI, JOSEF)

Huwa minnu li fil-kont ta' l-abbonata msemmija, li jġib is-data tal-11 ta' Lulju 1999, minkejja li t-telefon tagħha kien barred għan-numru '0', kien hemm imniżżel charge ta' mobile call. Dan ġara minħabba li t-tape li fuqu kien hemm irrekordjati s-sejħiet ta' kontijiet tal-1998 ma kienx tħassar kollu minħabba ħsara teknika. Fil-fatt is-sejħa li għaliha kellha tħallas l-abbonata kienet saret fit-12 ta' Lulju 1998. Fil-kont ta' wara, dak li jġib id-data tal-11 ta' Settembru 1999, sar aġġustament ta' 15-il ċenteżmu biex hekk din is-sejħa ġiet annullata. L-istess sar fil-kontijiet ta' abbonati oħra hekk kif il-Maltacom indunat b'dan. L-abbonata tista' sserraħ rasha li t-total barring, li sar fid-9 ta' Ottubru 1998, għadu fis-seħħ.
Leg 9 PQ #10006 Sitting 151 1999-10-07 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta/MIA — Casual Porters

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu casual porters/loaders ma' l-Air Malta jew/u mal-Malta International Airport dan is-sajf? Kemm damu jew se jdumu fl-impjieg? Kien hemm min minnhom ingħata l-impjieg fuq bażi permanenti? Jekk iva, kemm? Hemm il-ħsieb li mill-casual porters/loaders jittieħdu numru fuq bażi permanenti? Kull min daħal casual porter jew loader għax-xhur tas-sajf ma' l-Air Malta jew ma' l-MIA kien qiegħed jirreġistra ma' l-ETC? Għalxiex kienu qed jirreġistraw?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li matul is-sajf, waqt li l-Malta International Airport ma impjegatx ħaddiema fil-grad ta' casual porters/loaders, l-Air Malta mpjegat mija u ħdax. Dawn ġew reklutati permezz tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ u għandhom jibqgħu fl-impjieg sa l-aħħar ta' Novembru ta' din is-sena. Ninsab infurmat ukoll li għadha ma ttieħdet ebda deċiżjoni dwar jekk, u fil-każ kemm, xi numru minn dawn il-loaders/cleaners każwali li għandhom jibqgħu fl-impjieg fuq bażi regolari.
Leg 9 PQ #10007 Sitting 151 1999-10-07 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Zejtun — Dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li ssir bozza fi Sqaq Strejnu, Ramla Road, Zejtun, minħabba d-dlam li hemm, għalkemm hemm għadd ta' residenti?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li m'hemmx biżżejjed tagħrif speċifiku dwar f'liema parti ta' l-isqaq imsemmi qed issir it-talba biex titwaħħal bozza. Ikun apprezzat jekk l-Onorevoli Interpellant jagħti aktar tagħrif f'dan ir-rigward.
Leg 9 PQ #10010 Sitting 151 1999-10-07 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MDC — Xogħol fuq reviżjoni prospettiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol fuq reviżjoni prospettiva tal-IDA hux qed isir mill-MDC jew minn xi konsulenti barranin? Jekk iva, min huma dawn il-konsulenti?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ix-xogħol fuq ir-reviżjoni ta' l-IDA huwa xogħol kontinwu fl-M.D.C. u mhux xi eżerċizzju li jsir darba kull tant. Dan ix-xogħol għandu l-għan aħħari li jtejjeb il-kompetittivita ta' l-industrija f'pajjiżna. Fil-preżent l-eżerċizzju qiegħed isir minn esperti fi ħdan l-M.D.C. bl-għajnuna tal-konsulenti lokali l-K.P.M.G.
Leg 9 PQ #10013 Sitting 151 1999-10-07 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Kamra tal-Kummerċ — Lobbying

Question

Il-gvern beħsiebu jieħu pożizzjoni formali dwar il-lobbying tal-Kamra tal-Kummerċ favur l-obolizzjoni tal-kontroll tal-prezzijiet? Jekk iva, se jneħħi l-liġi eżistenti li ilha in vigore bosta snin?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-Gvern għandu riservi serji dwar kemm fil-fatt ħadmet sew fil-passat, is-sistema ta' kontrol tal-prezzijiet. Bħala prinċipju ġenerali, il-Gvern ilu li esprima ruħu favur strateġija fejn il-kompetizzjoni, permezz ta' suq ħieles, tkun il-fattur ewlieni li jinfluwenza u għaldaqstant jikkontrolla l-prezzijiet. Minn din il-perspettiva għandha tonqos id-dipendenza fuq kontrolli diretti tal-prezzijiet u minflok jissaħħu il-mekkaniżmi meħtieġa sabiex is-suq ikun verament ħieles, b'kompetizzjoni miftuħa u ġusta. Din kienet l-istrateġija wara l-ħolqien tal-Uffiċċju għal Kompetizzjoni Ġusta (Office for Fair Competition) u tal-Kummissjoni għall-Kummerċ Ġust (Commsision for Fair Trade) li għandhom ikomplu jingħataw iktar saħħa sabiex jaqdu l-funzjonijiet tagħhom aħjar. Naturalment jibqa oqsma, speċjalment fejn jidħlu ċerti servizzi essenzjali ta' infrastruttura, fejn tibqa il-ħtieġa għal ċertu forom ta' kontroll. F'dawn il-każijiet, din il-funzjoni teħtieġ li tingħata lil regolatur (jew regolaturi) indipendenti minn min qed jagħti is-servizz. Hemm oqsma wkoll li għandhom igawdu minn protezzjoni bħas-sistema ta' levies. F'dawn il-każijiet, irid ikun hemm sorveljanza dwar moviment ta' prezzijiet u anki, f'ċertu każi, il-ħtieġa ta' price order.

Marsa — Power Station

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-livell ta' emissions mill-Power Station tal-Marsa? Kemm hu l-livell aċċettabbli mill-EU f'kull każ?

Response (BONNICI, JOSEF)

Testijiet riċenti li saru fuq l-emissjoni tal-boilers tal-power station tal-Marsa wasslu għal dawn ir-riżultati: So2 (Korretta għal 3% O2) 3200-4900 mg/Nm3 NoX (Korretta għal 3% O2) 340-600 mg/Nm3 Particulates 80-210 mg/Nm3 Id-Direttiva 88/609/EEC ta' l-Unjoni Ewropea ma tagħtix limiti għall-emissjoni minn impjant li nbena qabel l-1987, iżda titlob li jkun hemm tnaqqis ta' l-emissjoni totali skond tabella approvata mill-Kummissjoni. Bħala paragun, il-limiti ta' pollutant fuq impjant ġdid ta' dak id-daqs huma dawn: So2 (Korretta għal 3% O2) 1700mg/Nm3 Nox (Korretta għal 3% O2) 450mg/Nm3 Particualtes 100mg/Nm3
Leg 9 PQ #9606 Sitting 150 1999-10-06 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Żejtun - Triq il-Fossa tal-Qamh - Dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se titwaħħal bozza fi triq ġdida wara Triq il-Fossa tal-Qamħ fiż-Żejtun, mal-ħajt ta' l-istitut tas-sorijiet Ġesu Nazzarenu, minħabba li qed ikun hemm xi abbużi wkoll?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li fi żmien qasir għandhom jitwaħħlu bozoz ġodda fit-triq imsemmija.

Attard — Wied is-Sewda - Xatbiet

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 9307?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma deherilha li s-sistema ta' sorveljanza fuq il-widien li kienet tintuża ma kienitx adattata u kienet ukoll tinvolvi ħafna spejjeż. Jiena nfurmat ukoll li l-Korporazzjoni kienet bdiet taħdidiet mal-Ministru ta' l-Ambjent biex tara kif l-aħjar dan ix-xogħol isir u min għandu jiffinanzjah.

Attard — Wied is-Sewda - Proġett

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 9303 peress li minkejja l-waqfa tas-sajf għadu ma nstabx ħin sabiex tingħata risposta għal din il-mistoqsija?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma tinsab f'diskussjonijiet mal-Ministeru tal-Finanzi u dak ta' l-Ambjent sabiex tara kif u minn min dan ix-xogħol ser jiġi ffinanzjat. Għaldaqstant għadu prematur biex wieħed jagħti risposta.

Valletta — Cardphone

Question

Tista' l-Kumpannija Maltacom tagħmel cardphone f'St. Barbara Baston viċin il-Victoria Gate fil-Belt peress li hu post frekwentat ħafna mit-turisti?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li s-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant ser jiġi diskuss bejn il-Maltacom u l-Kunsill Lokali tal-belt Valletta u jekk jinstab li hemm il-ħtieġa, il-payphone titwaħħal fejn mitlub.

Wied is-Sewda — Pontijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru iż-żewġ pontijiet f'Wied is-Sewda, li kienu ppjanati bħala parti mix-xogħol ta' rehabilitation ta' dan il-wied?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #9948 Sitting 149 1999-10-05 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Fabbriki

Question

Jista'l-Ministru jgħid kemm għalqu fabbriki mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn? Liema kienu u kemm kienu jħaddmu nies? Fl-istess perijodu kemm ġew miftuħa fabbriki ġodda u kemm iħaddmu nies?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li matul il-perjodu msemmi għalqu ħames fabbriki u fetħu ħdax. Minħabba d-dispożizzjonijiet dwar kunfidenzjalita kontemplati fl-Att dwar l-Iżvilupp Industrijali, mhux possibbli li jingħata t-tagħrif mitlub dwar ismijiet ta' fabbriki. Nissuġġerixxi li l-aħħar parti tal-Mistoqsija ssir lill-Ministru kkonċernat.