Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pensjoni – Każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tara li tinħadem ir-rata ta’ kemm se jkollu f ‘idu mill-pensjoni, l-pensjonant li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament li minkejja li ilu li applika minn Frar 2013 għadu ma rċieva xejn?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.

Raħal Ġdid — konverżjoni ta' Casa Flamini f'dar tal-anzjani

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux se tkompli fuq il-pjan li d-dar fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid, magħrufa bħala Casa Flamini, tkun ikkonvertita f’day centre jew night shelter għall-anzjani f’eżerċizzju ta’ public-private partnership, kif kien maħsub u ppjanat fil-leġiżlatura li għaddiet tant li kienet ħarġet expression of interest għal hekk?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Gvern qiegħed fil-proċess li janalizza u jevalwa l-possibbilitajiet kollha.

Postijiet tal-Gvern — Każ ta' individwu

Question

Tista' l-Ministru tara l-każ dwar familja, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li applikat għal post tal-Gvern imma s' issa għadha tistenna?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-applikanta in kwestjoni ġiet ikkanċellata fl-10/01/2012. Għaldaqstant hija mitluba biex tiġi ġewwa l-Awtorità tad-Djar fil-ħinijiet tal-ftuħ sabiex tammenda l-applikazzjoni.

djar tal-anzjani — spezzjonijiet

Question

Peress li l-qasam tal-anzjani issa jaqa’ taħt ministeru ieħor, tista’ l-Ministru tgħid jekk hux se jsir xi tibdil rigward is-sistema ta’ spezzjonijiet sabiex jiġu liċenzjati d-djar tal-anzjani, kemm governattivi kif ukoll privati? Jekk iva, x’tibdil hu maħsub? Min se jibda joħroġ il-liċenzji?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-għan tas-sistema ta’ spezzjonijiet huwa biex fid-Djar tal-Anzjani jin¿amm livell ta’ servizz li jirrispetta d-dinjita tar-residenti u jassigura li l-bżonnijet kemm kliniċi kif ukoll soċjali qed jiġu mħarsa. Huwa l-ħsieb ta’ din l-amministrazzjoni li tintroduċi “standards nazzjonali” u ssaħħaħ il-leġislazjoni li permezz tagħha joħorġu liċenzji kemm għad-Djar tal-Anzjani tal-Gvern kif ukoll tal-Privat. Fil-present m’huwiex ser isir tibdil rigward min joħroġ il-liċenzja u din tiġi maħruġa mil-Ministru responsabbli għas-Saħħa Pubblika.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — Nefqa għall-użu ta' mobiles

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa tal-Ministeru għal użu tal-mobiles kollha tal-Ministru u s-segretarjat privat għall-perijodu bejn 1 ta' Ġunju 2012 u t-8 ta' Marzu 2013?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

In-nefqa tal-Ministeru għall-użu tal-mobiles kollha tal-Ministru u s-segretarjat privat għall-perjodu bejn 1 ta' Ġunju 2012 u t-8 ta' Marzu 2013 hi ta’: € 3,127.92

Residenza San Vinċenz de Paul – Admissions board

Question

Tista’ l-Ministru tgħid minn min huwa magħmul l-admissions board għad-dħul tal-anzjani fir-residenza San Vinċenz de Paul? Kemm-il darba ltaqa' mill-11 ta' Marzu 2013 ’l hawn?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjonijiet għall-kura fit-tul se jibdew jgħaddu minn proċess ta’ assessjar minn tim multidixxiplinarju biex b’hekk jitqies kull aspett ta’ bżonn tal-applikant, kemm bżonnijiet kliniċi kif ukoll bżonnijiet soċjali. Dan il-proċess qiegħed ikun iffinalizzat u fil-ġimgħat li ġejjin se jkun jista’ jibda jiffunzjona.

Persuni b’diżabilità taħt is-60 sena

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu l-ammont ta’ persuni b'diżabilità li għandhom anqas minn 60 sena li qegħdin jgħixu jew f'San Vinċenz de Paul jew xi djar tal-anzjani tal-Gvern? Tista’ tindika dawn l-ammonti dar b'dar u skont l-etajiet tal-persuni indikati?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni b’diżabilità – Servizzi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta' persuni b'diżabilità li jgħixu fil-komunità li qed jibbenefikaw mis-servizz tat-Telecare, Home Help jew servizz ta’ handyman? Tista’ tindika n-numru ta’ dawn il-persuni li jibbenifkaw minn kull servizz?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità ma jzommx informazzjoni dwar kemm persuni b’diżabilità qed juzaw is-Servizz tat-Telecare u s-Servizz tal-Handyman.In-numru ta' persuni b'diżabilità li jgħixu fil-komunità li qed jibbenefikaw mis-servizz tal-Home Care Help huwa ta’ 332.

Blue Sticker – Persuni intitolati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta' persuni b'diżabilità li bħalissa huma intitolati għall-blue sticker?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onerevoli Interpellant li numru ta' persuni b'diżabilità intitolati għall-Blue Sticker sa Mejju 2013 huwa l-ammont ta’ 6966.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — Impjegati fis-segretarjati minn barra s-Servizz Pubbliku

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 732, dwar persuni impjegati minn barra s-Servizz Pubbliku mas-segretarjat tal-Ministeru u tas-Segretarju Parlamentari, tista' l-Ministru tinforma l-Kamra b'dawn id-dettalji: l-isem ta’ dawn l-individwi, il-kariga li qed jokkupaw, l-iskala tas-salarju tagħhom u l-impjieg preċedenti tagħhom?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Bini ta' kmamar fuq bejt — każ ta' individwu

Question

Tista' l-Ministru tara għala qed isir xogħol bla permess konsistenti f’bini ta’ kmamar fuq il-bejt tal-blokk li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-Blokk in kwestjoni jinkludi erba’ entratruri li huma 7, 8, 9 u 10. Entraturi 9 u 10 ġew trasferiti lil Awtorità permezz ta’ Avviż Legali 235/12 filwaqt li Entraturi 7 u 8 għadhom ma’ ġewx trasferiti lil Awtorita’. L-Onor. huwa ġentilment mitlub jispeċifika in-numru tal-Entratura. F’każ li ir-referenza hija għall-Entraturi 7 u 8, il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lid-Dipartiment tal-Propjeta tal-Gvern.

Postijiet tal-Gvern — Każ ta' individwu

Question

Tista' l-Ministrui tara l-każ dwar familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li applikat għal post tal-Gvern imma s' issa għadha tistenna u se tispiċċa bla saqaf fuq rasha?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-applikanta u r-raġel tagħha applikaw għall-akkommodazzjoni soċjali nhar il-11 ta’ Jannar, 2012. Huma qegħdin jikru mingħand is-settur privat u jħallsu kera ta’ €200 fix-xahar. Il-lokalitajiet preferuti tal-applikanti huma Kirkop, Zurrieq u Valletta. L-applikazzjoni tagħha qegħda tingħata l-attenzjoni meħtieġa flimkien mal-applikazzjonijiet tal-istess kategorija. Sadanittant il-koppja huma mħeġġa li jekk huma interessati japplikaw taħt l-Iskema ta’ sussidju fuq il-kera dejjem jekk huma konformi mal-kriterji tal-Awtorita’ tad-Djar.

Att Dwar is-Sigurtà Soċjali — reviżjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jiġi rivedut l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali bil-għan li jiżdiedu aktar kundizzjonijiet fl-iskedi tal-istess Att?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.

Residenza San Vinċenz de Paul — lift bil-ħsara

Question

Tista'’ l-Ministru tgħid għaliex lift użat ħafna fir-Residenza San Vinċenz de Paul ilu għal numru ta'’ ġimgħat bil-ħsara b'’inkonvenjenza għar-residenti, qraba u impjegati li normalment jagħmlu użu minnu?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li bħalissa hemm lift wieħed li mhux jiffunzjona f’dan l-isptar. Dan il-lift qiegħed fil-binja amministrattiva u ilu wieqaf mid-9 ta’ Mejju. Dan ġie rrapportat u ttieħdu l-passi biex tinxtara lift card ġdida.

Servizzi għall-anzjani – means-test

Question

Tista’ l-Ministru tikkonferma jekk hemmx il-ħsieb li servizzi għall-anzjani bħall-Home Help, Meals on Wheels u Telecare jsiru means-tested kif ġie rrapurtat li qal is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva? Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, tista’ tgħid liema minn dawn is-servizzi hemm il-ħsieb li jsiru means-tested?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern qiegħed fil-proċess li jagħmel reviżjoni tas-servizzi kollha inkwistjoni, fejn irid jassigura li dawn jiġu pprovduti fit-tul b’mod sostenibbli. L-għan ta’ dan il-Gvern hu li jkollna soċjetà ġusta u għalhekk irridu nassiguraw li dawn is-servizzi jkunu ta’ sosten għal dawk li huma l-aktar dgħajfa fis-soċjetà tagħna.

Residenza San Vinċenz de Paul — rwol ta' deputat parlamentari

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’se jkunu d-dmirijiet tad-deputat parlamentari, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, fir-residenza San Vinċenz de Paul? Jekk dan mhux se jkun involut fil-management ta’ din ir-residenza x’se jkun qed jagħmel eżatt?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f’seduta oħra.

Residenza San Vinċenz de Paul – dmirijiet ta’ staff nurses u health assistant

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma d-dmirijiet eżatti ta’ staff nurses u health assistants fir-Residenza San Vinċenz de Paul, li mill-anqas darbtejn fil-ġimgħa qed jitilqu mis-swali tagħhom u jkunu allokati fl-uffiċċju tad-deputat parlamentari, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Qed jintalab replacement ta’ dawn l-istaff meta dawn jitilqu mis-swali rispettivi tagħhom biex imorru jagħmlu xogħol fl-uffiċċju tad-deputat parlamentari, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f’seduta oħra.

Residenza San Vinċenz de Paul – Kap eżekuttiv

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk wara li twaqqaf Bord ta’ Tmexxija għar-residenza San Vinċenz de Paul hux qed jiġi kkunsidrat ukoll li jinħatar kap eżekuttiv fuq l-istess linji ta’ sptarijiet pubbliċi oħra?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f’seduta oħra.

Skema għall-persuni li jieħdu ħsieb il-ġenituri

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-iskema għal dawk l-ulied li jieħdu ħsieb il-ġenituri tagħhom tapplikax kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa? Din l-iskema hija means tested? X'irid isir biex persuna tapplika għal din l-iskema?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm żewġ benefiċċji għal min jieħu ħsieb il-ġenituri. Guvintur u xebbiet, kif ukoll nisa u rġiel romol u persuni separati bla tfal li jkunu jgħixu u jduru bil-ġenituri full-time, jiġu intitolati jekk il-kapital tagħhom ma jkunx jeċċedi €14000. Jekk il-ġenituri jkunu f’sodda jew f’wheelchair japplikaw għal Pensjoni tal-Wens filwaqt li jekk le għal Għajnuna Soċjali għal Carers. Il-means test għalihom hija l-istess u it-tnejn iridu jidhru quddiem board mediku. L-applikazzjonijiet jistgħu jinġabru mill-Uffiċini Distrettwali jew jitniżżlu mil-website tad-Dipartiment.

Ċentri għall Persuni b’Diżabilità – Manual of Procedures

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 36125 tal-Leġiżlatura li għaddiet, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-manual of procedures taċ-ċentri għall-persuni b’diżabilità?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1632 id-dokument hawn fuq imsemmi qiegħed fil-proċess li jiġi rivedut. Dan minħabba d-diversi tibdiliet ta’ operat li saru matul dawn l-aħħar snin u minħabba esiġenzi oħra fl-operat. Tajjeb li wiehed jgħid ukoll li Servizz ikopri diversi oqsma u għalhekk dan il-proċess qed jieħu ċertu ħin. Għaldaqstant dan id-dokument ma jistax jinħareġ bħalissa. Huwa maħsub li meta dan id-dokument ikun lest, l-informazzjoni li qiegħda f’dan id-dokument ssir ukoll b’mod issimplifikat (easy format) sabiex jingħata lill-ġenituri u lill-klijenti. Tajjeb li wieħed isemmi li avolja il-Manwal tal-Proċeduri mhux lest, is-Servizz jimxi fuq il-Policies u l-Kodiċi tal-Etika tal-Fundazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali.