Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunċert mill-Banda tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12756 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurità Nazzjonali u li issa qed tiġi riferuta lilu u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-recording li ħa l-PBS tal-kunċert li sar f’Ottubru 2014 f’Dar il-Mediterran, il-Belt, mill-Banda tal-Pulizija fl-okkażjoni tal-200 anniversarju tal-Korp tal-Pulizija?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13300.

Qorti –Theddida ta’ bomba — evakwazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għala, waqt l-evakwazzjoni tal-bini tal-Qorti fil-Belt nhar il-15 ta’ Jannar 2015, minħabba theddida ta’ bomba għal ħabta tal-10 ta’ filgħodu, ma ġewx evakwati wkoll l-istudenti u persuni oħra li kienu qed jagħmlu l-eżami tal-warrant fl-awla tal-ġurijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fil-ħin li daħlet it-theddida ta’ bomba ġewwa l-Qrati kien hemm żewġ Prokuraturi Legali u 71 Avukat jagħmlu l-eżami tal-Warrant maqsumin f’żewġ Awli (Nru. 21 u 22). Dan l-eżami beda fid-9.00 am u kellu jispiċċa f’12.00 pm. Appena daħlet it-theddida ta’ bomba, li kien għal ħabta tal-10.00 am, ħarġu struzzjonijiet mal-Qrati kollha għall-evakwazzjoni. Din l-ordni ngħatat ukoll lil dawk li kienu qed jagħmlu l-eżami tal-Warrant. Hekk kif ħarget l-ordni lill-Avukati u Prokuraturi Legali sabiex joħorġu mill-Qrati u li konsegwentement l-eżami ġie mħassar, dawn bdew jipprotestaw u assulutament ħadd minnhom ma ried joħroġ mill-awli u nsistew li jkomplu l-eżami. F’dawn iċ-ċirkustanzi saru l-konsultazzjonijiet neċessarji, u ġie deċiż li dawk li qed jagħmlu l-eżami jiġu nfurmati li jekk ser ikomplu bl-eżami dan taħt ir-responsabilta’ personali tagħhom. Kulhadd aċċetta li jkompli b’din il-kundizzjoni u ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni da parti mingħandhom. L-eżami ġie mtawwal bi kwarta biex ikopri xi ħin mitluf minħabba dan l-akkadut. Eventwalment kull min kien qed jagħmel l-eżami ffirma dikjarazzjoni li għalkemm ġie avżat li saret theddida ta’ bomba fil-bini tal-Qrati, minn jeddu għażel li jibqa’ jkompli l-eżami tal-Warrant ta’ Avukat/Prokuratur Legali fl-istess bini tal-Qrati.

Reġistru għall-protezzjoni tal-minuri – persuni rreġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġew irreġistrati pesuni fir-reġistru għall-protezzjoni tal-minuri taħt l-Att dwar ir-Reġistrazzjoni għall-Protezzjoni tal-Minuri?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li sebgħa u għoxrin (27) persuna ġew irreġistrati fir-reġistru għall-protezzjoni tal-minuri taħt l-Att dwar ir-Reġistrazzjoni għall-Protezzjoni tal-Minuri. Persuna waħda ġiet reġistrata darbtejn peress li ġiet misjuba ħatja b’żewġ sentenzi. Għalhekk sa llum hemm tmienja u għoxrin (28) reġistrazzjoni.

Qrati — Video Conferencing – xhieda mismugħa

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm xhieda ġew mismugħa bl-użu tal-video conferencing fil-Qrati ta’ Malta u Għawdex f’dawn l-aħħar għaxar snin sena b’sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ xhieda li ġew mismugħa bl-użu tal-video conferencing hu kif ġej: Malta ** Għawdex * Sena Numru ta’ Xhieda Numru ta’ Xhieda 2005 ** Xejn 2006 ** Xejn 2007 ** Xejn 2008 ** 2 2009 ** 2 2010 ** 3 2011 2 Xejn 2012 1 2 2013 1 4 2014 11 4 2015 (as at 20th January 2015) 0 0 **Statistika bdiet tinżamm mis-sena 2011 * Dawn il-figuri jirrapreżentaw biss is-seduti fejn xhieda ttieħdu mill-Maġistrati f’kawżi tal- Qorti tal-Maġistrati, Ġurisdizzjoni Ċivili u ma jinkludux xhieda li ttieħdu mill-Assistent Ġudizzjarju, peress li dan ma jżommx t-tali statistika.

Arbitraġġi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm daħlu arbitraġġi fl-aħħar għaxar snin sena b’sena u jista’ wkoll jindika kemm minnhom kienu ta’ natura internazzjonali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ arbitraġġi li daħlu fl-aħħar għaxar snin hu kif ġej: Sena Numru ta’ Każi Li Minnhom Internazzjonali 2014 338 2 2013 487 4 2012 431 3 2011 412 2 2010 386 1 2009 411 3 2008 416 3 2007 453 1 2006 464 5 2005 368 1 Il-Gvern iħoss li huwa evidenti li s-sistema tal-arbitraġġi m'hijiex qed tagħti s-suċċess meħtieġ. Dan għaliex ħafna mill-arbitraġġi lokali jinfetħu fiċ-ċentru tal-arbitraġġ għax il-liġi tordna li bilfors irid isir hekk (eżempju fil-każ ta' kolliżjonijiet bil-vetturi sempliċi) u ċ-ċentru m'huwiex qed jattira arbitraġġi internazzjonali. Gvern preċedenti sfortunatament qatt ma kellu l-ambizzjoni u l-viżjoni li jaġġorna ċ-ċentru għall-isfidi tad-dinja kontemporanja u allura dan iċ-ċentru qatt ma seta' jikkompeti ma' ċentri oħrajn ewropej. Nemmnu li l-potenzjal ta' pajjiżna huwa ferm u ferm aqwa minn hekk u għandna kull m'għandna bżonn biex lil pajjiżna ndawruh f'ċentru ta' arbitraġġ internazzjonali ta' kwalita' li jħabbatha mal-aqwa ċentri fl-Ewropa. Kif imħabbar fl-aħħar budget, fil-gimgħat li ġejjin il-Gvern se jkun qed iniedi proċess li għandu jwassal biex nirrealizzaw il-potenzjal tremend li pajjiżna jgawdi f'dan is-settur.

PBS – Bord għar-riforma

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3844, peress illi l-Ministru kkonċernat ma ħatarx, kif wiegħed, il-bord għar-riforma fil-Public Broadcasting Services (PBS) la sal-aħħar tas-sena 2013 u lanqas sal-aħħar tas-sena ta’ wara, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra meta biħsiebu jaħtar dan il-Bord, jekk dejjem hu biħsiebu jagħmel hekk?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-fehma tiegħi l-istruttura li biha l-Gvern se jimplimenta r-riforma de quo m'għandhiex tkun ta' prijorità fuq ir-riforma nnifisha. Biss huwa naturali li l-Gvern ikollu tim ta' esperti li jgħinuh fil-proposti li essenzjalment jitqiegħdu għad-diskussjoni u mbagħad għat-teħid tad-deċiżjoni. Nikkonferma li l-Gvern għandu impenn li jagħmel din ir-riforma u li l-proċess preparatorju se jinbeda din is-sena stess.

Politika Nazzjonali dwar ix-Xandir — Ftehim mal-EBU

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11843, jista’ l-Ministru, sakemm l-informazzjoni miġbura tkun skrutinizza, iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni rilevanti miġbura mill-PBS flimkien mal-European Boradcasting Union (EBU) fuq l-istazzjonijiet Ewropej, kif ukoll ir-rapport b’numru ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Ministru ppreparat mill-kumpanija tal-awditjar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li kien hemm bidla fil-Ministeri kkonċernati, il-Public Broadcasting Services għaddiet ir-rapport lill- Ministeru għall-Ġustizzja Kultura u Gvern Lokali sabiex dan jiġi evalwat.

Rapport fuq l-EPSO Funds u Kuntratt bejn il-PBSu l-Gvern

Question

Jista’ l-Minisru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12317 kif wiegħed il-Ministru kkonċernat li se jagħmel fis-seduta tal-24 ta’ Novembru 2014 u jinforma lill-Kamra dwar kemm-il rapport fuq l-EPSO funds huwa qiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra matul il-leġislatura preżenti? Mll-ġdid b’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11483, peress li jiena ma kontx qed insaqsi għar-rapport fuq l-EPSO funds, imma għall-kopja tal-kuntratt li kien sar bejn il-Gvern u l-PBS fis-sena 2005 kif ukoll għal kopji tal-kuntratt li saru wara sabiex jestendu dak l-istess kuntratt kull sena, jista’ l-Ministru din id-darba jqiegħed l-informazzjoni mitluba: jiġifieri l-kopja tal-kuntratt imsemmi u ta’ kull estensjoni li saret tal-istess kuntratt, u mhux ir-rapport fuq l-EPSO funds? ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-Mistoqsija Parlamentari ser tiġi mwieġba f’xi seduta oħra.

Kawżi Ċivili pendenti — age analysis

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-age analysis tal-kawżi ċivili pendenti fl-2013 u fl-2014 quddiem il-Qrati, kemm f’Malta u kemm f’Għawdex?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba minnu fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni – tħabbir ta’ membru ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser ikun imħabbar il-membru ġdid tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni wara li xi xhur ilu ġie nieqes membru li għadda għal ħajja aħjar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membru l-ġdid se jkun il-Magistrat Emeritu Joseph Cassar u se jinħatar b'mod immedjat wara li saru l-konsultazzjonijiet li trid il-liġi.

PBS – organigramma

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra organigramma bl-organizzazzjoni tal-Public Broadcasting Services, li tindika dipartiment b’dipartiment u kariga b’kariga?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi t-tweġiba għal din il-mistoqsija fuq il-Mejda tal-Kamra.

PBS — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien it-total ta’ ħaddiema full-time, part-time, b’contract for service, contract of service, jew b’kuntratt definit u indefinit li kienu jaħdmu mal-Public Broadcasting Services sat-8 ta’ Marzu 2013? F’liema dipartimenti kienu jaħdmu dawn il-persuni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-PBS li t-total ta’ ħaddiema full-time, part-time, b’contract for service, contract of service, jew b’kuntratt definit u indefinit li kienu jaħdmu mal-Public Broadcasting Services sat-8 ta’ Marzu 2013 huma kif ġej: Full-timers88 Students2 Part-timer1 Contract for Service3 Total94

PBS — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu t-total ta’ ħaddiema full-time, part-time, b’contract for service, contract of service, jew b’kuntratt definit u indefinit, li jaħdmu mal-Public Broadcasting Services sal-lum? F’liema dipartimenti qegħdin jaħdmu dawn il-persuni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-PBS li t-total ta’ ħaddiema full-time , part-time , b’ contract for service , contract of service , jew b’kuntratt definit u indefinit, li jaħdmu mal-Public Broadcasting Services sal-lum huma kif ġej: DipartimentNumru ta' ĦaddiemaTotal Managers11 Junior Managers5 Secretariat1 News15 Programs32 Technical8 Operations3 Corporate Services2 Finance9 Sports3 Sales5Total Number of Full-time Employees 94 Part-timers (Operations)5 Part-timer (News)1Total Number of Part-timers 6 Contract for Service15Total Number of Contract for Service 15 Total115

PBS — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ ħaddiema full-time, part-time, b’contract for service, contract of service, jew b’kuntratt definiti u indefiniti, li ġew impjegati mal-Public Broadcasting Services mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-lum? F’liema kariga u f’liema dipartimenti ġew impjegati?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-PBS li n-numru ta’ ħaddiema li ġew impjegati mal-PBS mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-lum huwa ta’ tlieta u għoxrin (23.) Il-ħaddiema ġew impjegati kif ġej: Engineering Manager 1 Journalists 3 (News) Part time Camera persons 4 (Operations) Salesperson 1 (Sales) Technical Officer 1 (Operations) Finance Coordinator 1 (Finance) Contract for Service 12 (Production Coordinator, 2 producers/presenters, 2 camera persons/editors, 3 Web, 1 Salesperson, 1 Radio Producer, 2 PBS Orchestra Conductors)

PBS — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ konsulenti li ġew impjegati mal-Public Broadcasting Services mid-9 ta’ Marzu sal-lum? X’inhu r-rwol ta’ kull wieħed u waħda minnhom? Kemm-il siegħa jaħdmu? X’inhi r-rata ta’ ħlas għal kull siegħa? F’kull każ x’perkaċċi oħra jingħataw?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor.Interpellant jispeċifika eżatt is-sena li qed jirreferi għaliha f’din il-mistoqsija parlamentari 13425.

PBS – impjegati – pagi, benefiċċji u perkaċċi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-pagi, l-benefiċċji u l-perkaċċi tal-iskali u l-gradi tal-impjegati kollha li jaħdmu fil-Public Broadcasting Services?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-PBS li s-salarji tal-ħaddiema tal-PBS huma regolati mill-Ftehim Kollettiv. Is-salarji tal-Management huma negozjati skont ix-xogħol u r-responsabbiltajiet tagħhom.

Qrati – Ittri uffiċjali eżekuttivi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar kemm-il ittra uffiċjali eżekuttiva ġew ippre¿entati fis-snin 2013 u 2014 fil-Qrati Maltin u Għawdxin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li n-numru ta’ ittri eżekuttivi ppreżentati ai termini tal-Artikolu 166A tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili fil-Qrati Maltin u Għawdxin huwa kif ġej: Qorti Sena 2013 Sena 2014 Il-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili 377 248 Il-Qorti tal-Maġistrati (Malta) 3024 2594 Il-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) 159 114

Qrati – Ittri uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar kemm-il ittra uffiċjali ġew ippreżentati fis-snin 2013 u 2014 fil-Qrati Maltin u Għawdexin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li n-numru ta’ ittri uffiċjali ppreżentati fil-Qrati Maltin u Għawdxin huwa kif ġej: Qorti 2013 2014 Il-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili 3867 4194 Il-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja) 161 130 Il-Qorti tal-Maġistrati (Malta) 4712 4159 Il-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) 741 715

Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali – votanti ta’ 16-il sena

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkolat li se jkun in-numru ta’ żgħażagħ li se jibbenefikaw mit-tibdil fil-liġi biex żgħażagħ ta’ 16-il sena jivvotaw fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ żgħażagħ fl-eta’ ta’ 16 u 17- il sena li se jibbenefikaw mit-tibdil fil-liġi biex ikunu jistgħu jivvotaw fl-elezzjonijiet tal-34 kunsill lokali li ser isiru fil-11 t’ April, 2015, huwa ta’ 4,231.

Recording tal-Kunċert mill- -Pulizija mill-PBS

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li r-recording li sar mill-PBS tal-kunċert mill-Pulizija f’Dar il-Mediterran tħassar jew intilef?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-PBS li l-filmat tal-Kunċert tal-Banda tal-Pulizija li ġie rrekordjat mill-PBS matul ix-xahar t’ Ottubru 2014, tpoġġa fuq server b’ieħor waqt il-fażi finali tal-post production tiegħu. Għaldqstant, waqt ir-rutina ta’ kull ġimgħa sabiex jitneħħa ċertu materjal sabiex ikun hemm spazju fis-server, dan il-kunċert ġie mħassar bi żball għax kien immarkat b’kodiċi. Filwaqt li l-PBS tiskuża ruħħa għal dan in-nuqqas għaliex dan il-filmat spiċċa fuq server b’ieħor, tikkjarifika li dan kien żball uman li ma kienx intenzjonat.