In vista tad-dibattitu parlamentari li sar is-sena l-oħra waqt l-approvazzjoni tal-mozzjoni tal-Lands Department, jista' l-Ministru jikkonsidra li jwaqqaf kumitat ad hoc sabiex dan jistudja u jipprepara mozzjoni aħjar u aktar progressiva għas-snin li ġejjin?
Response (BORG, TONIO)
Is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant ser jiġi kkunsidrat.
02.03.99
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kondizzjonijiet li bihom tista' topera l-barriera f'Wied Għomor li qed tinkwieta lir-residenti tas-Swieqi?
X'qed tagħmel l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar it-talbiet tar-residenti tas-Swieqi li huma mħassbin dwar kif qed tolqotilhom ħajjithom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-kundizzjonijiet biex topera l-barriera li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant huma kif jidhru fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. L-Awtorita' ta' l-Ippjanar, fil-limiti tal-poteri mogħtija lilha mill-liġi, tieħu l-passi kollha li huma meħtieġa sabiex tassigura li l-qtugħ tal-blat f'din il-barriera isir b'mod kontrollat.
Fil-fatt l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ħadet passi biex jiġi mnaqqas l-ammont ta' splużżiv li jintuża għall-qtugħ tal-blat. Barra minn hekk kull ħruq ta' splussiv li jsir f'din il-barriera hu mmonitorjat permezz ta' sismometru biex jiġi stabbilit jekk l-esplussiv li qiegħed jintuża jistax jikkawża ħsara għall-bini li jinsab qrib din il-barriera.
Ninsab infurmat mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar li l-Awtorita' qiegħda f'kuntatt mal-Pulizija sabiex il-kundizzjonijiet tal-liċenzja jiġu mħarsa.
02.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu vetturi (light u heavy vehicle) l-Korp tal-Pulizija? X'ditta u tip ta' vetturi huma u x'inhi s-sena ta' manifattura tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bħalissa l-Korp tal-Pulizija jagħmel użu minn 262 vettura ta' diversi ditti, li fil-maġġor parti tagħhom ġew manifatturati matul dawn l-aħħar ħmistax il-sena. Dawn il-vetturi jinkludu vannijiet, trakkijiet, jeeps, bowsers, buses u karozzi. Barra minn dawn, il-Pulizija tagħmel użu minn 74 mutur.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella dwar dawn il-vetturi.
02.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn bħalissa armi tan-nar liċenzjati fil-pajjiż? Kemm minn dawn huma shotguns/rifles? Kemm huma hand guns? Fil-każ ta' dawn ta' l-aħħar, kemm huma revolvers u kemm automatic/semi automatic?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-25 ta' Frar, 1999, in-numru ta' armi tan-nar liċenzjati kien ta' 54,888 li fosthom 40,635 huma snieter, 2,042 huma rifles, filwaqt li 6,755 huma hand guns. Minn dawn ta' l-aħħar, 3,386 huma revolvers, 2,699 huma pistoli filwaqt li l-kumplament huma tipi oħra ta' hand guns, bħal flare guns, starting pistols, etc.
02.03.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li vetturi tat-tip commercial se togħlilhom il-liċenzja tal-pulizija? Jekk se tiżdied b'kemm se tiżdied? Jekk se jkun hemm żieda, din se taffettwa lis-self-employed ukoll, anke dawk li għandhom vettura jew vetturi li jħaddmu n-negozju tagħhom bihom?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
02.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn kaċċaturi u nassaba liċenzjati llum? Kemm hawn pendenti? Kemm ġew milqugħa applikazzjonijiet ġodda kull sena għal dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bħalissa hawn 11,092 persuna li għandhom liċenzja ta' kaċċa jew insib, filwaqt li n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti hu ta' 286. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi din l-istatistika ma tinżammx.
02.03.99
Jista' l-Ministru jgħid xi jsir mill-għasafar maqbuda mill-pulizija jew mid-dwana li jinqabdu jiddaħlu llegalment f'pajjiżna? Kemm inqabdu s-sena l-oħra u x'tip kienu? Kemm mietu waqt li kienu taħt idejn il-pulizija? Fejn intelqu dawn l-għasafar, kemm intelqu u x'tip ta' kontroll isir mid-Dipartiment ta' l-Intern biex jiżgura li ħadd ma jabbuża u jieħu għalih minn dawn l-għasafar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-għasafar maqbuda mill-Pulizija jew mid-Dwana li jkunu ddaħħlu Malta llegalment jistgħu jiġu liberati jew jintbagħtu kwarantina. Infurmat ukoll illi matul l-1998 il-Pulizija kienet involuta fil-qbid ta' 2,377 għasfur ta' diversi razzez, kif murija fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ma tinżammx statistika ta' kemm imutu għasafar waqt li jkunu miżmuma għand il-Pulizija. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, jien infurmat illi l-għasafar jintelqu fil-ġonna ta' San Anton jew tal-Buskett jew inkella f'xi ġonna pubbliċi oħra, fil-preżenza tal-perit nnominat mill-Qorti u uffiċjali mid-Dipartiment ta' l-Ambjent u d-Dwana.
02.03.99
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm siti fir-raħal taż-Żurrieq, ta' natura storika, li qegħdin f'idejn jew il-Lands Department jew il-Joint Office li huma jew mogħtija għal kirjiet u ċnus jew huma f'idejn l-imsemmija dipartimenti?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3540 f'Seduta 55, jekk l-Onor. Interpellant hu nteressat f'xi proprjeta' partikolari nitolbu biex jindikahieli peress li biex tinġabar l-informazzjoni mitluba jinħtieġ ħafna żmien u riżorsi.
01.03.99
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm siti fir-raħal tal-Mellieħa, ta' natura storika, li qegħdin f'idejn jew il-Lands Department jew il-Joint Office li huma jew mogħtija għal kirjiet u ċnus jew huma f'idejn l-imsemmija dipartimenti?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4343 f'din l-istess Seduta.
01.03.99
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-bordijiet jew kumitati tat-tmexxija, eċċ tal-gvern u ta' entitajiet oħra pubbliċi li jaqgħu taħt il-Ministeru ta' l-Intern li ġew mibdula mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Min kienu l-membri qabel ma nbidlu? Min huma l-membri issa? X'remunerazzjoni qed jieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanti hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
01.03.99
Seduta 69
Jista' l-Ministru jgħid x'se jkun l-użu tal-kamra li tinsab fil-korsa tal-Marsa, li tagħti għal Racecourse Street, Marsa quddiem London Yard skond l-applikazzjoni pendenti quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Response (BORG, TONIO)
Jien infurmat li l-applikazzjoni li aktarx qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hija PA 356/99. Din hija sabiex tissanzjona estensjoni ta' kamra ma' bar eżistenti. Skond l-informazzjoni mogħtija mill-perit ta' l-applikant fil-formola ta' l-applikazzjoni, din il-kamra ser tintuża bħala uffiċċju. Din it-talba qiegħda tiġi analizzata.
01.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kif l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tħares lejn ix-Xagħra tal-Furjana fejn hemm diversi faċilitajiet sportivi?
Xi pjanijiet għandha l-awtorita' fuq dan il-post?
Response (BORG, TONIO)
Din l-area taqa' fil-konfini tal-Pjan Lokali għall-Port il-Kbir, liema Pjan preżentament qiegħed jiġi evalwat mill-Gvern.
01.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm għad fadal garaxxijiet li ma ġewx mikrija fil-Blokk tal-Flats li telgħu l-aħħar mill-Awtorita' tad-Djar fi Triq Ġanni Bonnici/Triq is-Siġġiewi f'Ħaż-Żebbuġ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li dawn il-garaxxijiet huma proprjeta' ta' l-Awtorita' tad-Djar u għalhekk nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru tal-Politika Soċjali.
01.03.99
Jista' l-Ministru jikkonsidra t-talba sabiex it-testing ta' dawk li japplikaw għal kaċċa minn Għawdex isir minn uffiċjali Għawdxin stess biex jitnaqqas l-inkonvenjent lil dawk l-uffiċjali Maltin li jkollhom jaqsmu għal Għawdex kull meta jakkumulaw numru ta' applikazzjonijiet?
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bl-eżitu li kien hemm mill-investigazzjoni li saret mill-pulizija dwar ittra li ntbagħtet mill-ex-President u ex-Segretarju tal-MUBE dwar Direttur u ex-Direttur tal-Mid-Med Bank plc u jista' l-Ministru jpoġġi r-risposta/rapport tal-pulizija fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fuq parir mill-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali, mill-investigazzjonijiet li għamlet il-Pulizija, ma jirriżultax li hemm lok għall-proċeduri kriminali. Għalhekk ma jidhirlix li għandi nagħmel pubbliku l-ismijiet tal-persuni nvoluti.
01.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru applikazzjonijiet għand il-Planning Authority mill-1 ta' Jannar, 1998 sal-lum maqsum xahar b'xahar kif ukoll klassifikati bħala proġetti kbar, xogħol żgħir u alterazzjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant, imqassam skond il-kategoriji kif miżmuma mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar, hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
01.03.99
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-permessi kollha li ħarġu mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar minn kemm ilha mwaqqfa (klassifikati perit b'perit)?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub jinvolvi eluf kbar t'applikazzjonijiet u ma narax l-utilita' li tingħata din l-informazzjoni. Jekk l-Onorevoli Interpellant irid xi informazzjoni partikolari jista' jew jagħmel mistoqsija bil-miktub jew jinformani b'xi mod ieħor.
01.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il enforcement notice ħarġet mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar u ma ġietx imwettqa, minn mindu ilha mwaqqfa l-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Jista' l-Ministru jindika l-post ukoll ta' fejn ħareġ l-enforcement?
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-parking li hemm f'St Francis Ravelin, fil-Furjana huwiex adekwat biex jilqa' n-nies li jżuru l-Planning Authority u r-Radju Mediterran?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li skond l-opinjoni tal-Awtorita' ta' l-Ippjanar, fil-kumpless tal-bini ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar hemm biżżejjed postijiet ta' parkeġġ biex jissodisfa dak li hu meħtieġ għall-ammont ta' uffiċini, skond kif normalment titlob l-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Sadanittant lill-Ministeru jaslulu diversi ilmenti li l-pubbliku ma jsibx fejn jipparkja. Għaldaqstant il-Ministeru talab lill-Bord ta' l-Awtorita' jistudja l-possibilita' li jaddotta s-sistema ta' 'park & ride system' fejn numru ta' ħaddiema li ma jużawx il-vettura tagħhom waqt il-ħin tax-xogħol, ikunu offruti spazju ta' parkeġġ f'car park fl-inħawi u minn hemm jitwasslu lejn il-post tax-xogħol u lura. Jekk din il-proposta tkun viabbli wieħed jifhem li jiġu vakati numru ta' spazji ta' reserved parking għall-pubbliku li jżur l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Sadanittant nemmen li bis-servizzi ta' informazzjoni li ġew implimentati f'dawn l-aħħar ġimgħat u dawk li qed naħsbu li ndaħħlu fil-futur ser inaqqsu l-ħtieġa li l-pubbliku jkollu għalfejn imur fiżikament f'dawn l-uffiċini.
01.03.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna, li l-isem u n-numru ta' l-ID Card tagħha qed jintbagħtu separatament, għandhiex ċittadinanza Maltija? Jekk le, huwa possibbli li tgħid x'ċittadinanza għandha?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Membru hija ċittadin ta' Malta.
01.03.99