Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati każijiet ta' serqiet mid-dipartimenti u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru matul l-1999 u din is-sena?
X'oġġetti ġew irrapportati nieqsa f'dawn is-serqiet u x'valur għandhom?
X'passi ttieħdu u qed jittieħdu dwar dawn il-każijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bejn 1 ta' Jannar 1999 u t-30 ta' Settembru 2000 kein hemm 33 każ ta' serq li ġew irrapportati lill-Pulizija għall-investigazzjon. Tlieta minnhom kienu jinvolvu valur ta' iżjed minn Lm500, u 30 ta' inqas minn dan l-ammont. It-tagħrif dwar id-Dipartiment tal-Mużewijiet għad irid jidħol.
Jista' l-Ministru jgħid kif se tissolva l-problema serja ta' nuqqas ta' spazju fil-klassi 5A fl-iskola primarja tar-Rabat (Malta) biex jidħlu l-computers u l-għamara?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba għadha ma waslitlix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema suġġetti hemm nuqqas ta' lecturers fil-Junior College?
Meta hu maħsub li tissolva l-problema ta' dan in-nuqqas?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li billi din is-sena se jingħataw numru ta' 'appointments' ġodda f'diversi suġġetti, ħafna problemi li nqalgħu s-sena li għaddiet mhumiex ser jerġgħu jitfaċċaw. Peress li f'xi suġġetti għad iridu jiġu ntervistati applikanti li kienu imsiefrin, għad m'aħniex f'pożizzjoni li nagħtu stampa definittiva tas-sitwazzjoni. Dawn l-interviews ser isiru illum 9 ta' Ottubru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-Dipartiment ta' l-Isports mill-5 ta' Jannar 2000 sa l-10 ta' Settembru 2000? Jekk fl-affermattiv jista' l-Ministru jgħid, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati mingħajr ma ħarġu applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għal imsemmi impjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi impjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul il-perjodu indikat ma ġewx impjegati ħaddiema ġodda mad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport u ma ħarġu ebda applikazzjonijiet.
L-uniku ċaqliq kien ta' Clerk u Field Survey Assistant li ġew trasferiti mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet rispettivament. Mad-Dipartiment ġew posted ukoll Clerk u Senior Tradesman mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u General Hand mid-Dipartiment tal-Kultura. It-transfer ta' dawn il-persuni għad irid jiġi formalizzat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-Pixxina Nazzjonali mill-5 ta' Jannar 2000 sa l-10 ta' Settembru 2000? Jekk fl-affermattiv jista' l-Ministru jgħid, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati mingħajr ma ħarġu applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għal imsemmi impjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi impjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Sa l-20 ta' Lulju, nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 17820.
Minn dak iż-żmien sal-Ġimgħa 22 ta' Settembru, informat li fil-Pixxina Nazzjonali ġew impjegati dawn li ġejjin:-
Edwin Buttiġieġ - Gym Instructor Full Time
Rachid Chouhal - Gym Assistant Part Time
Ivan Saliba - Casual Summer Student Worker (Reception)
Dawn kollha ġew impjegati bil-proċeduri meħtieġa mill-ETC.
Billi fil-pixxina nazzjonali f'Tal-Qroqq imorru għadd ta' għawwiema, fosthom tfal ta' l-iskola, jittrejnaw kmieni filgħodu, possibbli din tkun heated issa li beda jaqleb it-temp?
Possibbli jiġi nnotat li dan il-pool jintuża minn għadd ta' clubs ewlenin ta' l-għawm?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-pool tal-kumpless tal-Pixxina Nazzjonali beda jiġi msaħħan minn nhar it-Tlieta 3 ta' Ottubru. Żviluppat xi ħsara fil-boiler nhar l-Erbgħa 4 ta' Ottubru iżda kollox reġa' lura għan-normal dak in-nhar stess.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom qed jingħad li jista' ma jitkomplix il-kors filgħaxija f'Kordin fil-motor vehicles, li issa se jkun wasal fil-ħames sena tiegħu, u suppost li jersqu għall-eżami finali biex ikunu jistgħu jieħdu l-Full Tech.?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom qed jingħad li jista' ma jitkomplix il-kors filgħaxija f'Kordin fil-motor vehicles, li issa se jkun wasal fil-ħames sena tiegħu, u suppost li jersqu għall-eżami finali biex ikunu jistgħu jieħdu l-Full Tech.?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kors tal-'Motor Vehicle Engineering' hu ta' erba' sninu jwassal għal Diploma tas-'City & Guilds' u l-'Journeymen's Certificate'.
Għandna talba biex jinbeda kors filgħaxija li jwassal għall-'Advanced Diploma'.
Biex isir dan il-kors, neħtieġu għalliema kwalifikati apposta fil-liġi, fl-'accounts', fil-'management', u fil-'heavy vehicles'.
Jekk jinstabu dawn l-għalliema, il-kors isir. Qed naħdem mad-Dipartiment konċernat biex niffaċilitaw soluzzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm iddaħħlu studenti għall-kors ta' draughtsman fl-Istitut M.A. Sapiano? Kemm applikaw? Se jsir il-kors tal-land surveying ? Jekk le, għaliex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għall-kors ta' draughtsman fl-Istitut M A Sapiano, daħlu 25 student. Għal dan il-kors applikaw 58 student. Il-maġġoranza ta' dawk li ma daħlux f'dan il-kors, għażlu korsijiet oħra.
Informat ukoll li n-numru ta' applikanti għal Land Surveying kors kien 3. Minħabba f'hekk mhux ser jiftaħ il-kors.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom studenti f'Form III fil-Lyceum Margaret Mortimer f'Santa Luċija għadhom mingħajr lezzjonijiet tal-Malti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti kollha tal-Form III fl-iskola Margaret Mortimer f'Sta Luċija għandhom għalliem/a tal-Malti. Wieħed mill-għalliema huwa preżentament marid u għalhekk ma jistax jattendi.
Jista' l-Ministru jgħid l-istudenti li se jintbagħtu fil-programm Socrates f'universitajiet barranin:
(1) kemm se jingħataw flus minn fondi ta' l-Unjoni Ewropea;
(2) hux se jkollhom dritt għall-istipendju lokali;
(3) kemm hu kkalkolat li se jkollu bżonn student biex jagħmel semestier f'universita' barrinija?
Response (GALEA, LOUIS)
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija it-tweġiba hi fl-affermattiv kif jitolbu r-Regolamenti, u dwar il-bqija tal-Mistoqsija t-tagħrif qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid l-istudenti li se jintbagħtu fil-programm Socrates f'universitajiet barranin:
(1) kemm se jingħataw flus minn fondi ta' l-Unjoni Ewropea;
(2) hux se jkollhom dritt għall-istipendju lokali;
(3) kemm hu kkalkolat li se jkollu bżonn student biex jagħmel semestier f'universita' barrinija?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li peress li l-fondi jiġu mqassma skond il-pajjiż li l-istudenti sejrin jistudjaw fih, il-mobility grant tista' tvarja. Il-grant mill-Unjoni Ewropea ma tistax taqbeż il-500 euro fix-xahar.
Kull student ser jieħu l-maintenance grant tiegħu/tagħha.
Dan l-ammont jiddependi fuq il-post u l-Universita` li kull student ser imur bħala ERASMUS student. Dan ivarja minn pajjiż għal pajjiż. Il-grants jingħataw wara l-ewwel ta' Jannar 2001.
Jista' l-Ministru jivverifika rapporti li fl-iskola San Franġisk t'Assisi f'Santa Venera hemm studenti li tħallew bla kotba ta' l-iskola? Meta se jingħataw il-kotba?
Response (GALEA, LOUIS)
Mill-verifiki rriżultali li xi skejjel ingħataw xi kotba aktar milli kellhom bżonn filwaqt li oħrajn irċevew xi numru anqas. Fil-każ imqanqal mill-Mistoqsija l-istudenti għanhom il-kotba meħtieġa, ħlief studenti ta' Form I li għandhom xi kotba tal-Malti nieqsa. Informat li qed jittieħdu l-passi biex il-kotba jingħataw lill-istudenti mill-aktar fis possibbli.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fl-iskola primarja "A" ta' Bormla hemm l-ewwel klassi fejn it-tfal diġa' kellhom żewġ għalliema u minħabba raġunijiet differenti mhux jattendu? Se jkollhom għalliema regolari magħhom dawn l-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt assigurat li t-tfal ta' l-ewwel klassijiet fl-iskola ta' Bormla kollha għandhom għalliem/a.
Billi d-direttur ta' l-Edukazzjoni se jtemm il-karriera tiegħu f'Diċembru jista' l-Ministru jgħid min hemm fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li qed jieħu ħsieb it-tħejjijiet meħtieġa wara it-tluq tiegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Nifhem li l-Onor. Membru qed jirreferi għal wieħed mid-Diretturi li għandna fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li hi mmexxija minn Direttur Ġenerali. Il-vakanza tiegħu timtela` skond il-proċess stabbilit mill-kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ma ġietx aċċettata għall-kors tad-Dentistrija fl-Universita' meta għandha kwalifiki iżjed minn uħud minn dawk magħżula?
X'sens jagħmel li l-istudenti ġew mgħarrfa li ma jistgħux jiġu kkonsidrati għad-dentistrija jekk ikunu nizzluha bħala t-tieni preferenza?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għażla ta' l-applikanti għad-dħul fil-kors għall-grad ta' Bachelor of Dental Surgery B.Ch.D. saret strettament fuq il-kriterji stabbiliti mir-regolamenti kif approvati mis-Senat, ippromulgati u ippublikati fil-gazzetta tal-Gvern tal-11 ta' Ġunju 1999 bħala Avviż Legali Nurmu 100 ta' l-1999. L-istess kriterji kienu ntużaw għad-dħul fil-kors li beda f'Ottubru 1999.
Skond ir-regolamenti, l-applikanti li jindikaw il-kors bħala l-kors ta' l-ewwel preferenza tagħhom meta japplikaw għandhom ikunu magħżula l-ewwel. Kif jaf l-Onor. Membru in-numru ta' studenti li jistgħu jidħlu għal dan il-kors dejjem kien limitat (numerus clausus). Il-persuna indikata mill-Onor. Membru ma ġietx magħżula għax hi ndikat kors ieħor bħala l-ewwel preferenza u l-kors tad-dentistrija bħala t-tieni preferenza.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jitbagħtu separatament, tibda tattendi l-iskola sekondarja peress li fl-iskola primarja kienet tkun assenti ta' spiss u fil-fatt kienet ilha sena ma tattendi fl-iskola primarja tal-Pieta'?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-persuna li d-dettalji tagħha ġew mibgħuta ma' din id-domanda, kull meta ma attendietx l-iskola dejjem bagħtet ċertifikat mediku.
Din it-tifla li għandha ħdax-il sena ġiet mogħtija kull ċans mill-iskola biex tattendi u tkun tista' tibqa' miexja fil-course skolastiku: inkluż li kienet assenjata shared facilitator. L-iskola għaddiet kopji taċ-ċertifikati kollha lill-Welfare Section, fejn saru arranġamenti biex Social Worker jagħmel home visit lil din il-familja.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li għadda mill-eżamijiet ta' l-Ingliżi, Reliġjon, Studji Soċjali, għad-dħul fil-junior lyceum mhux qed jitħalla jattendi fl-iskola sekondarja Ġuże' D'Amato, f'Raħal Ġdid? Meta l-istat huwa obbligat jipprovdi edukazzjoni lil dawk fl-eta' bejn 5 u 16 kif jista' jċaħħad lil dan it-tifel minn dan id-dritt?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li ommi tit-tifel imsemmi għamlet talba biex it-tifel tagħha jibda jattendi l-ewwel sena ta' l-Iskola Sekondarja ta' Raħal il-Ġdid nhar it-Tnejn 2 ta' Ottubru. It-tifel fuq talba ta' ommu kellu jirrepeti s-sitt sena tal-Primarja wara li ma għaddiex mill-eżami tad-dħul għall-Junior Lyceum.
Fil-fatt, it-talba biex it-tifel jattendi l-iskola sekondarja ta' Raħal il-Ġdid ġiet milqugħa u risposta mibgħuta lill-omm nhar l-Erbgħa 4 ta' Ottubru 2000.