Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Far – bus shelter

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5004, jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li joħroġ il-permess tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) relatat mal-bus shelter li jinsab Ħal Far faċċata tad-dħul tal-Forzi Armati ta' Malta, fil-viċinanzi tal-Laboratorju tal-Paċi?

Response (MIZZI, JOE)

Nibda billi niċċara illi r-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 5004 kienet qiegħda tirreferi għall-applikazzjoni ta’ bus shelter biswit u mhux faċċata tal-entratura tal-Forzi Armati. Din l-applikazzjoni fil-fatt saret u ġiet approvata mill-MEPA. Fil-preżent, l-installazzjoni ta’ dan il-bus shelter qiegħed fi stadju ta’ evalwazzjoni ta’ tender għax-xogħlijiet illi hemm bżonn fuq il-base work. Fir-rigward tal-bus shelter l-ieħor, din id-darba faċċata tad-dħul tal-Forzi Armati, ninsab infurmat illi Transport Malta ssottomettiet għall-approvazzjoni applikazzjoni mal-MEPA sabiex jiġi nstallat bus shelter f’dan is-sit. L-Onorevoli Interpellant, bħala perit, suppost li jaf li l-proċess tal-approvazzjoni għall-applikazzjoni irid jieħu iż-żmien tiegħu u li m’għandna ebda dritt li ninfurzaw fuq il-MEPA meta jinħareġ tali permess.

Iż-Żurrieq – Triq Ħal Far — xogħlijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5005 u konsegwentement ir-risposta mogħtija, jista’ l-Ministru jgħid kif se jagħti l-kontribut tiegħu biex isir ix-xogħol ta' resurfacing ta' Triq Ħal Far, iż-Żurrieq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Triq Ħal Far fiż-Żurrieq hija triq rurali. Transport Malta hija nfurmata li din it-triq għandha bżonn manutenzjoni u għaldaqstant din it-triq tinsab fil-lista ta’ toroq li fuqhom ntalbet għajnuna mill-gvern ċentrali. Madankollu, kwalunkwe intervent isir skont il-prijoritajiet filwaqt li hekk kif imwieġeb għall-mistoqsija parlamentari 5005, inġibdet l-attenzjoni ta’ dawk ikkonċernati.

L-Imdina – lapida kommemorattiva

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'wassal biex tinqala’ l-lapida kommemorattiva tal-Ftuħ tal-Foss tal-Imdina, liema proġett ġie inawgurat f'Marzu 2013 mill-Prim Ministru u l-Ministru għar-Riżorsi u Infrastruttura? Jista’ jieħu passi biex din terġa’ titpoġġa fil-post oriġinali tagħha minnufih?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lapida kommemorattiva tal-ftuħ tal-Foss tal-Imdina kienet inqalgħet temporanjament għal xogħol ta’ manutenzjoni.Fil-preżent tinsab lura f’postha.

Ħal Luqa — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi xogħol li huwa ppjanat mill-ministeru tiegħu għas-sena li jmiss f’Ħal Luqa, li jinkludi wkoll, anke jekk mhux biss, toroq, bankini u culverts? F’liema perijodu tas-sena li jmiss huwa mistenni li jsir dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6773.

Is-Siġġiewi — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi xogħol li huwa ppjanat mill-ministeru tiegħu għas-sena li jmiss fis-Siġġiewi li jinkludi wkoll, anke jekk mhux biss, toroq, bankini u culverts? F’liema perijodu tas-sena li jmiss huwa mistenni li jsir dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 6773.

Dock 7 — aċċess għall-moll

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fejn dak li huwa magħruf bħala Dock 7 il-Marsa hemmx xi restrizzjonijiet ta’ aċċess fuq il-moll għall-pubbliku?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aċċess għall-pubbliku huwa ristrett għall-ħinijiet ta’ bejn is-6 ta’ filgħodu u d-9 ta’ filgħaxija kuljum bejn it-Tnejn u l-Ħadd. Il-pubbliku huwa obbligat isegwi s-sinjali li juru r-rotta tad-dħul u l-ħruġ mill-moll.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — skema ta' rtirar kmieni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fis-Segretarjat privat tiegħu, fil-Ministeru, dipartiment u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu hemmx persuni impjegati li bbenefikaw minn skemi ta’ rtirar kmieni jew skemi oħra simili mnedija mill-Air Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fil-Ministeru tiegħi, Segretarjat, Dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, ma hemm l-ebda impjegati ex-ħaddiema tal-Airmalta li għażlu li jieħdu l-iskema ta’ rtirar kmieni jew skemi oħra simili u li jistgħu ikunu kontra l-policy tal-Gvern kif elenkata b’ċirkulari OPM 4/2012 – Refunds Mechanisms.

Bendy buses — inkjesta maġisterjali

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-inkjesta maġisterjali dwar il-ħruq tal-bendy buses, jew partijiet minnha li jistgħu jkunu ppubblikati?

Response (MIZZI, JOE)

Peress li din hija materja ta’ interess nazzjonali, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra silta mill-inkjesta msemmija mill-Onor. Interpellant wara parir mitlub lill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna ġiet impjegata mal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura kif ukoll mad-diversi awtoritajiet, korporazzjonijiet u dipartimenti li jaqgħu taħt il-kappa ta' dan il-Ministeru mit-13 ta' Marzu 2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Dawn il-persuni ġew impjegati wara ħruġ ta' call for applications, tender, quotation jew inkella bħala position of trust? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti kif wkoll ir-remunerazzjoni involuta għal kull persuna hawn fuq imsemmija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ impjegati ġodda mal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u awtoritajiet, entitajiet, korporazzjonijiet u dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi mit-13 ta' Marzu 2013 ‘l hawn huwa ta’ 40. Dan in-numru jinkludi ukoll l-istaff li jifforma parti mis-Segretarjat Privat tiegħi, kif ukoll l-impjegati kollha li ġew ingaġġati fuq kuntratt definit. Mhux il-prassi li jitqiegħdu kopji ta’ kuntratti ta’ impjegati fuq il-Mejda tal-Kamra.

Direttur Ġenerali Support Services

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta kienet appuntata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament bħala Director Financial Management u sussegwentement Direttur Ġenerali Support Services f’dak li kien magħruf bħala l-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali filwaqt li jgħid fil-perijodu msemmi minn meta ħadet l-ewwel ħatra sal-lum kemm ġew awtorizzati direct orders f’dak li kien il-Ministeru msemmi, kemm dawk li ma nkisbitx l-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi għalihom kif ukoll f’dawk fejn inkisbet filwaqt li jgħid b’mod dettaljat liema huma dawk il-pagamenti li għadhom dovuti għas-snin 2012, 2011 u anke qabel u li taf bihom l-istess persuna msemmija u lil min huma dovuti, u għalxiex jappartjenu fir-rigward humiex ta’ xi sejħa għall-offerti partikolari jew inkella xi direct order?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li d-dettalji dwarha ingħataw separatament ġiet maħtura bħala Director Financial Management fid-9 ta’ Awwissu 2011 u sussegwentement bħala Direttur Ġenerali Support Services fis-27 ta’ Lulju 2012. In-numru ta’ Direct Orders li saru mid-9 ta’ Awwissu 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2013 huwa kif ġej: Numru ta’ Direct Orders mid-9 t’Awissu 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2013 :- 2011 13* 2012 206* 2013(sat-8 ta’ Marzu) 58* 2013(mill-10 ta’ Marzu ‘l hawn) 30** *Bejn l-2011 u t-8 ta’ Marzu 2013 id-direct orders jaqgħu taħt l-MRRA li kien ikopri dak li llum huwa parti mill-MTI, MSDEC, MECW u l-MOT **Mill-10 ta’ Marzu 2013 huma direct orders tal-MTI biss. Il-kumplament tal-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Is-Siġġiewi – Triq l-Imqabba – stallazzjoni ta’ barriers

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 5359, jista’ l-Ministru jgħid jekk instabitx soluzzjoni minflok l-istallazzjoni tal-crash barriers fi Triq l-Imqabba li djieqet u qed tiġġenera żieda fit-traffiku?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien infurmat li saret spezzjoni fuq il-post mill-periti ta' Transport Malta. Il-crash barrier se tinqala' u se ssir struttura aktar adekwata fi Triq l-Imqabba li ma ddejjaqx it-triq.

Is-Siġġiewi – bus shelters

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proċess sabiex jiġu stallati bus shelters ġodda fil-lokalità tas-Siġġiewi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif ġie spjegat fit-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 4820, Transport Malta kienet irċeviet tlett talbiet sabiex jiġu stallati bus shelters ġewwa l-lokalità tas-Siġġiewi. Dawn it-talbiet ġew evalwati u fil-ġranet li ġejjin Transport Malta se tkun qiegħda tressaq applikazzjoni mal-MEPA sabiex jiġu stallati bus shelters fi Triq Blat il-Qamar u Triq Monsinjur F.X. Mangion. Infurmat ukoll li fil-post li kien ġie indikat fi Triq Ħesri m’ hemmx spazju meħtieġ sabiex jiġi stallat bus shelter. Transport Malta se tkun qiegħda tevalwa alternattivi oħra f’dan ir-rigward.

Is-Siġġiewi — ġnien kommemorattiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern rigward l-iżvilupp ta' ġnien għall-memorja ta' Annabelle Vassallo fiż-żona ta' ħdejn il-Kappella tal-Providenza fis-Siġġiewi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-MEPA m’accettatx id-disinn li ġie sottomess għal dan il-ġnien billi ikkunsidratu mhux kompatibbli mal-karatttru rurali taż-żona.

Is-Siġġiewi – Triq l-Imqabba – crash barriers

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri ta' sigurtà se jittieħdu fi Triq l-Imqabba fis-Siġġiewi minflok il-crash barriers li kif qal il-Ministru stess se jitneħħew minn din it-triq? Jista' l-Ministru jgħid x'konsultazzjoni saret mal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi rigward id-deċiżjoni li jitneħħew dawn il-crash barriers u dwar il-miżuri ġodda ta' sigurtà fi Triq l-Imqabba fis-Siġġiewi?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li saret spezzjoni fuq il-post mill-periti ta' Transport Malta. Il-crash barrier se tinqala' u se ssir struttura aktar adekwata fi Triq l-Imqabba li ma ddejjaqx it-triq. Transport Malta mhux se tippreġudika l-qbil li kien hemm mall-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li jkun hemm miżuri ta’ sigurtà f’din l-istess triq.

Ħal Qormi – problema ta’ għargħar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol sar s’issa u x’xogħol imiss isir sabiex jitlesta l-proġett kontra l-ilma tal-għargħar f’Ħal Qormi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa issa tlesta x-xoghol fuq il-pontijiet ta’ Triq Manwel Dimech, u Triq il-Mitħna. Tlesta wkoll ix-xogħol ta' rikostruzzjoni tal-pont ta’ Triq Correa li infetaħ għat traffiku iżda li fuqu ghad irid isir xogħol ta’ asfaltar. Issa se jitkompla x-xogħol ta’ livellar ta’ parti mill-art tal-kanal fi Triq il-Wied, ix-xogħol fuq il-kostruzzjoni ta’ żewġ culverts kbar fil-golf course u ix-xogħol ta’ kostruzzjoni ta’ erba’ culverts kbar taħt it-triq Aldo Moro. Matul l-ewwel ġimgħat tas-sena l-ġdida mistenni jinbeda wkoll, jekk ma jkunx hemm problemi mhux prevvisti, ix-xogħol fuq il-kostruzzjoni ta’ żewġ culverts kbar fi triq il-Wied u għal Frar se ssir ix-xogħol biex tinfetaħ fetħa ġdida ħdejn il-pont li hemm fid-daħla ta’ triq San Bastjan.

Ħal Qormi – proġett kontra l-għargħar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sa meta huwa fil-ħsieb li jitlesta l-proġett kontra l-ilma tal-għargħar f’Ħal Qormi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett hu mistenni li jitlesta għal nofs din is-sena sakemm ma jinqalawx problemi li ma jkunux prevvisti.

Ħal Qormi — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi xogħol li huwa ppjanat mill-ministeru tiegħu għas-sena li jmiss f’Ħal Qormi, li jinkludi wkoll anke jekk mhux biss, toroq, bankini u culverts? F’ liema perijodu tas-sena li jmiss huwa mistenni li jsir dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà ġie spjegat f’diversi tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari, il-Gvern beda biex jattwa dak li ġie imwiegħed fil-Manifest Elettorali, kif ukoll qiegħed fil-proċess biex imexxi ‘l quddiem il-proġetti skont il-prijoritajiet u dan wara il-ħafna laqgħat fosthom mal-Kunsilli Lokali.

Dipartiment tal-Artijiet – permessi għall-billboards proviżorji

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6690, jista’ l-Ministru jelenka l-ismijiet tat-toroq li fihom ġew approvati biex jipoġġew billboards mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-lum u dan peress li filwaqt li fir-risposta tiegħu ta l-lokalitajiet, naqas li jagħti l-ismijiet tat-toroq kif mitlub?

Response (MIZZI, JOE)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

reserved parking – Applikazzjoni ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għala l-applikazzjoni għal reserved parking tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ma ġietx aċċettata?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li din l-applikazzjoni għal Parkeġġ Riservat għal Persuni b’Diżabbiltà ġiet approvata fit-23 ta’ Diċembru 2013, u l-applikant ġie nfurmat bil-miktub b’ittra bid-data 27 ta’ Diċembru 2013.

Trasport Pubbliku — Unscheduled Bus Service – vetturi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' vetturi tal-Unscheduled Bus Service li qed jagħtu servizz bħala karozzi tal-linja? Kemm hu l-ħlas li qed isir kuljum għall-użu ta' dawn il-vetturi? Kif qed isir il-ħlas mill-passiġġieri li jitilgħu fuq dawn il-vetturi? Min qed isuq dawn l-istess vetturi preżentement?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li fil-preżent qed jintużaw 40 vettura minn tal-Unscheduled Bus Service mit-Tnejn sas-Sibt u s-somma li qed titħallas għal dan is-servizz tammonta għal €35,472 kuljum. Nhar ta’ Ħadd jintużaw anqas karozzi, jiġifieri 36 karozza fejn ghas-servizz pprovdut qed jitħallas l-ammont ta’ €32,572. Il-vetturi tal-Unscheduled Bus Service qed jinstaqu mix-xufiera tal-operaturi tal-coaches. Infurmat ukoll li l-passiġġieri li qegħdin jagħmlu użu minn dawn il-coaches m’humiex qegħdin jintalbu li jħallsu lix-xufier tal-coach, madankollu l-passiġġieri huma mistennija li jixtru l-biljetti mit-ticketing machines li jinsabu stallati f’diversi lokalitajiet madwar Malta jew inkella mingħand nies li huma ingaġġati sabiex ibiegħu l-biljetti.