Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħamrun — Toroq

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 705, peress li din it-tweġiba ilha tingħata għal perjodu ta' madwar sentejn u peress li s-servizzi tqiegħdu b'mod permanenti fit-toroq imsemmija, jista' l-Ministru jagħti time-frame meta hu maħsub li jsiru dawn ix-xogħlijiet tant meħtieġa u li ilhom tant mistennija?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li sa issa għad m'hemmx 'time frame' dwar meta ser jibda' x-xogħol f'din it-triq.

Rabat — Trieqet il-Merħliet

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jirranġa Triqet il-Merħliet, Rabat li għandha bżonn re-surfacing totali speċjalment li partijiet minnha m'għadhomx passabbli b'vetturi (pjanta qed tintbagħat separatament) speċjalment in-naħa imsejħa ta' ħdejn il-Ġiebja?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li xogħol ta' resurfacing f'dawn it-toroq huwa responsabbilta' tal-Kunsill Lokali.

Rabat — Triq ta' Mazzara

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex titranġa t-triq ta' Mazzara, Chadwick Lakes limiti tar-Rabat? Jista' jinforma lill-Kamra meta hu maħsub li jsiru x-xogħlijiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li dawn it-toroq jagħmel manutenzjoni fihom il-Kunsill Lokali.

Żabbar — Triq Lia

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 263, jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi riżolta l-kwestjoni u min hu responsabbli biex isir dan?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li l-pjan neċessarju irid isir mid-Dipartiment tat-Toroq u n-natura tal-problema li nħolqot minn kostruzzjoni privati li ma' antiċipawx is-sitwazzjoni li qed tinħoloq trid iż-żmien biex tiġi riżolta.

Toroq — One-way

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni wara d-deċiżjoni li parti minn Triq iz-Zurrieq gewwa Hal Safi, u dan limitatament għal ftit metri, ġiet dikjarata one-way? Jista' l-Ministru jgħid kif ittieħdet din id-deċiżjoni?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-deċiżjoni ttieħdet mill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku biex jiġi eliminat il-periklu li kien qed jinħoloq mill-volum ta` traffiku li kien jgħaddi mill-qalba tar-raħal.

Xgħajra — Triq Dawret ix-Xatt

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 832, jaf il-Ministru li fil-post indikat joqogħdu għadd ġmielu ta' familji b'mod permanenti s-sena kollha u numru ferm ikbar matul iż-żmien tas-Sajf u l-uniku aċċess għaliha hu permezz ta' din it-triq indikata?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li peress illi l-fatti msemmija mill-Onor. Interpellant jistgħu jgħinu biex it-triq tkun inkluża fl-arja ta' żvilupp mill-Awtorita' ta' lppjanar, l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Malta Maritime Authority — Reġistrazzjoni ta' vapuri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm vapuri reġistrati b'bandiera Maltija ġew miżmuma minn l-awtorita' tal-portijiet esteri minħabba nuqqas ta' International Safety Standards u nuqqasijiet simili fl-aħħar erba' snin? Jaħseb il-Ministru li jagħmel sens li l-istandards Maltin f'dan is-sens għandhom jogħlew biex titneħħa l-impressjoni negattiva li talvolta jkun hemm fuq il-Malta Maritime Authority?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li minn informazzjoni maħruġa mill-Organizazzjoni Internazzjonali Marittima, l-medja annwali ta' numru ta' bastimenti li ġew detenuti f'portijiet esteri taħt is-sistema tal-Port State Contol għas-snin 1995 - 1997 kienet ta' 210. Jidher li dan l-istess numru se jkun ukoll dak għall-1998. Il-livelli meħtieġa għall-bastimenti Maltin huma dawk stabbiliti taħt id-diversi konvenzjonijiet internazzjonali. Id-Direttorat tal-Bastimenti Merkantili ta' l-Awtorita' Marittima ta' Malta f'dawn l-aħħar snin introduċa diversi miżuri biex jiġi żgurat li dawn qed jinżammu. Jidher li dawn il-miżuri qegħdin iħallu l-effett tagħhom. Tant hu hekk li minkejja li s-sistema ta' Port State Control qiegħda dejjem tiġi estiża konsiderevolment mad-dinja kollha, l-ispezzjonijiet qed ikunu iktar stretti, u n-numru ta' bastimenti Maltin żdied ukoll, il-mejda ta' detenzjonijiet baqgħet l-istess jew pjuttost qed tonos. Fl-1995 kien hemm 218 id-detenzjoni waqt li s-sena l-oħra kien hemm 201.

Zabbar — Triq Papa Alessandru - Asfaltar

Question

Jista' l-Ministru jara li Triq Papa Alessandru, f'Ħaż-Żabbar tingħata kisja tarmak għaliex tinsab fi stat verament diżastruż?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li din it-triq għadha qatt ma' ġiet asfaltata u għalhekk minħabba l-ħafna xogħol li jrid isir f'dan il-qasam fil-lokalitajiet kollha, ix-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant isir skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment sintendi wara li jkun żgurat li s-servizzi jkunu tqiegħdu kollha b'mod permanenti.

Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni — Bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema bordijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilitajiet tiegħu ġew rikostitwiti jew imġedda mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali 'il hawn? In kwantu għal dawk rikostitwiti, jista' l-Ministru jagħti lista tal-persuni u għal kull persuna jgħid x'inhuma l-karigi tagħhom li kellhom fuq dawn il-bordijiet, minn meta ilhom maħtura fuq dawn il-bordijiet u x'inhuma r-raġunijiet għat-tneħħija tagħhom?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li l-ebda Bord li jaqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Ministeru tiegħi għadu ma' ġie rikostitwit.

Marsa — Ftuħ ta' triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tinfetaħ triq billi jitwaqqa' parti minn bini fi triq San Vinċenz, Marsa (26/27 Triq San Vinċenz)? Jekk le, jista' jibgħat nota lir-residenti biex il-proprjeta' tagħhom tkun tista' tiġi żviluppata? (Kopja ta' requisition order konnessa ma' din il-mistoqsija parlamentari qed tintbagħat separatament)

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li ma' hemm l-ebda' pjan mid-Dipartiment tat-Toroq biex parti mill-bini msemmi mill-Onor. Interpellant jitwaqqa. Id-Dipartiment kien informa lill-Kummissarju ta' l-Artijiet biex issir 'release' ta' din il-propjeta fl- 1991 u għalhekk kwalunkwe' korrespondenza lir-residenti trid toħroġ mid-Dipartiment ta' l-artijiet.

Toroq — Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jinformani bil-programm ta' manutenzjoni tat-toroq li l-Ministeru tiegħu approva biex isiru fit-12-il distrett fil-ġimgħat u xhur li ġejjien? Jista' l-Ministru jinformani liema huma dawk it-toroq li jinsabu għaddejjin ix-xogħlijiet fuqhom u hux se jiġu ffinalizzati sa l-aħħar ta' din is-sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li x-xogħolijiet ta' manutenzjoni ikunu għaddejjin il-ħin kollu u mhux f'xi distrett partikolari. Dan ix-xogħol ta' manutenzjoni m'għandux programm partikolari iżda x-xogħol isir skond fejn jinqala l-bżonn.

Toroq — Asfaltar

Question

Billi l-Housing Estate ta' l-Imġarr, Mellieħa, Għar-Barka, Għajn Qajjed fir-Rabat u oħrajn jenħtieġu li jiġu mogħtija l-asfaltar, jista' l-Ministru jinformani x'kordinament qed isir bejnu u bejn il-Kunsilli Lokali rispettivi sabiex din il-problema tiġi ndirizzata fl-affermattiv?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant huwa ta' żewġ tipi dak ta' resurfacing li jrid isir Għar Barka u Għajn Qajjed ir-Rabat, u li dan jieħu ħsiebu l-Kunsill Lokali u l-asfalting ta' toroq ġodda fil-Housing Estates ta' l-Imġarr u l-Mellieħa. Ix-xogħol fl-Imġarr se jsir issa peress li s-servizzi kollha lest, filwaqt li xogħol fil-Mellieħa isir hekk kif jitlestew is-servizzi kollha neċessarji. Kull Kunsill li għandna fil-pajjiż, għandu ċ-ċans li jressaq is-suġġerimenti tiegħu dwar dan il-punt u punti oħra fil-lokal.

Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni — Safar

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il safar diġa' siefer mill-5 ta' Settembru, 1998 s'issa? Liema bliet żar u x'kienet ir-raġuni? Min akkumpanjah għal kull safra? Kemm swiet kull safra? Ma' min tkellem u fuq xiex tkellem?

Response (GALEA, ĊENSU)

Fil-perjodu msemmi llum sifirt darba waħda bejn l-14 u l-20 ta' Ottubru għas-sessjoni plenarja ta' l-'International Telecommunications Union', liema safra kienet ukoll diġa ppjanata mill-istess Onor. Interpellant. Il-laqgħa saret f'Minneapolis U.S.A. Fit-triq lura lejn Malta waqaft ukoll Londra fejn kelli taħdidiet mas-Segratarju Ġenerali ta' l-I.M.O. Għal dawn il-laqgħat kont akkompanjat mis-Sur Joe Vella. Il-Ministeru ħasslas is-somma ta' Lm 1272 (elf, mitejn u tnejn u sebgħin) lira, għal dawn il-laqgħat.

Qormi — Trasport Pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed tagħmel l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku biex iċ-ċittadini kollha f'Ħal Qormi jkunu moqdija tajjeb mit-trasport pubbliku, b'mod speċjali dawk li joqogħdu f'areas relattivament ġodda, bħal dawk fil-Housing Estate ta' Farsina, Tal-Blat eċċ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li t-trasferiment tal-venda tal-karozzi tal-linja tar-rotta 91, bejn il-Belt Valletta u Ħal-Qormi (San Ġorġ) sar b'talba tal-Kunsill Lokali ta' Ħal-Qormi wara pressjoni tal-pubbliku li ried li l-venda terġa' tmur lura ħdejn il-Knisja ta' San Ġorġ. Madanakollu, baqa' jkun hemm servizz kull siegħa bl-istess rotta lejn Ta' Farzina.

Maltacom — Bord maniġerjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'effett kellu t-tibdil li sar mal-bidla tal-Gvern il-Bord maniġerjali tal-Maltacom fuq il-prezz tax-shares tal-kumpannija?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din id-domanda lill-Ministru kkonċernat.

Marsa — Triq Qormi - Tiswija

Question

Jista' l-Ministru jordna patching f'Qormi Road, Marsa fejn jidher li din għandha bżonn manteniment immedjat minħabba l-istat diżastruż li tinsab fiha? Jista' l-Ministru jordna wkoll li ssir it-triq biswit Marsa Road li parti minnha għadha kemm ġiet żviluppata u tinsab ukoll fi stat ta' ħsara kbira? Veru li dawn it-toroq ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-kunsilli lokali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li l-patching f'Qormi Road Marsa isir mill-Kunsill Lokali peress li din it-triq mhiex 'arterial road'. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, minħabba l-ħafna xogħol li jrid isir f'dan il-qasam fil-lokalitajiet kollha, ix-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant isir skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment sintendi wara li jkun żgurat li s-servizzi jkunu tqiegħdu kollha b'mod permanenti. La darb it-toroq ta' l-aħħar għadhom qatt ma' ġew asfaltati dawn ma' jagħmlulhomx manutenzjoni il-Kunsill Lokali iżda, peress li huma kkunsidrati toroq privati, il-manutenzjoni hija responsabbilta' ta-sidien li bnew il-bini tagħhom faċċata għal fuq dawn it-toroq.

Raħal Ġdid — Triq Għajn Dwieli - Bankini

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jikkonsidra li fi Triq Għajn Dwieli, Raħal Ġdid jinbidlu l-bankini peress li jinsabu fi stat ħażin ħafna?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li minħabba l-ħafna xogħol li jrid isir f'dan il-qasam fil-lokalitajiet kollha, ix-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant isir skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment, sintendi wara li jkun żgurat li s-servizzi jkunu tqiegħdu kollha b'mod permanenti.

Tarxien — Triq Sqajjaq

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li Sqajjaq Street, Tarxien tiġi rranġata bit-tarmak peress li hemm persuna b'diżabilita' u qiegħed ikun impossibbli li juża l-wheelchair waħdu? Jekk mhijiex se tiġi rranġata, jista' l-Ministru jikkonsidra li jgħin fil-proġett ta' irranġar ta' sqaqien li bħalissa għaddej bih il-Kunsill Lokali Tarxien u l-fondi huma limitati?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li x-xogħol f'dan l-isqaq huwa ta' manutenzjoni u għalhekk ix-xogħol meħtieġ hemm bżonn li jsir mill-Kunsill Lokali. Minħabba l-każ tad-diżabilita' imsemmi mill-Onor Interpellant, id-Dipartiment tat-Toroq se jirreferi l-każ għall-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-Persuni b'Diżabilita'.

Xgħajra — Triq Dawret ix-Xatt

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tiġi rranġata biċċa minn Triq Dawret ix-Xatt fix-Xgħajra ('il ġewwa mill-Milord) li qiegħda tkun ta' nkonvenjent kbir lir-residenti? Jista' l-Ministru jikkonsidra li almenu titwitta t-triq anke jekk ma tiġix asfaltata għalissa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li l-art indikata mill-Onor. Interpellant hija barra mill-iskema ta' żvilupp u għalhekk ma' jistax isir żvilupp ta' toroq fiha.

Qrendi — Tal-Ħniena - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex ix-xogħol fit-toroq fl-area magħrufa bħala Tal-Ħniena, fil-Qrendi li nbeda f'Awissu ta' din is-sena issa twaqqaf u ma tkompliex?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li x-xogħol fl-area tal-Ħniena, l-Qrendi waqaf reċentament peress illi l-Korporazzjoni għas-servizzi ta' l-Ilma qiegħda tistenna li jasal l-materjal għal 'House Connections' minn barra l-pajjiż. Ix-xogħol ser jitkompla hekk kif is-servizzi ta' taħt l-art ikunu lesti. Sfortunatament dan hu każ ieħor fejn ix-xogħol li nbeda' ma' kienx koordinat bejn kulħadd, bil-konsegwenza li x-xogħol kellu jieqaf.