Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħatat sussidju il-Water Services Corporation kull sena għall-aħħar ħames snin? Jista' l-Ministru jgħid jekk mad-dħul ta' Malta f'Unjoni Ewropea dan is-sussidju iridx jitneħħa?
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħħlet flus il-Water Services Corporation minn ħlasijiet fuq il-kontijiet ta' l-ilma kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin? Mill-flejjes kollha li iddaħħal din il-kumpannija x'inhu l-persentaġġ mill-ammont kollu li ġej minn: (a) sussidju; (b) ħlasijiet għal użu ta' ilma s-sena l-oħra u din is-sena?
Jista' l-Ministru jgħid jekk mad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea dawn is-servizzi iridux jiġu liberalizzati: (i) pompi tal-petrol; (ii) taxis (bojod); u (iii) mini-buses (homor)?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-Onorevoli Interpellant jifhem li l-Unjoni Ewropea tħaddan sistemi sabiex jiġi inkoraġġit in-negozju u l-kummerċ u tiġi msaħħa il-kompetizzjoni. Dan ifisser ukoll li kull Membru tal-Unjoni jista' jieħu dawk il-miżuri xierqa li jkunu konformi mal-'aquis communitaire' sabiex ikun hemm kompetizzjoni ġusta u il-konsumatur jingħata prodotti u servizzi tajba bi prezz xieraq.
Ta' min ifakkar li f'pajjiżna teżisti kompetizzjoni bejn l-operaturi fis-setturi imsemmija mil-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni għaliex ħafna persuni qed jilmentaw li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma li għadhom kif irċevew ,u li huma għal xahrejn fis-sajf, huma ħafna għola minn kontijiet ta' qabel għal tliet xhur fix-xitwa?
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni fulltime u part-time fid-diversi korporazzjonijiet jew kumpanniji li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-ministeru tiegħu minn Settembru 1998 sa Settembru 1999, kumpannija, kumpannija? Jista' jiġi speċifikat ukoll il-grad tal-ħaddiema mpjegati?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-projections tal-Economic Planning sas-sena 2002 għal dawk li huma: real GDP growth; rata ta' qgħad; consumer price inflation; current a/c balance as % of GDP; merchandise exports (FOB); u merchandise imports (CIF)?
Jista' l-Ministru jgħid minn Settembru 1998 sa Settembru 1999 kif kien irreġistrat iċ-ċaqlieq tal-prezzijiet skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Istatistika f'dak li għandu x'jaqsam: (a) ma' miżati ta' l-iskejjel privati; (b) mar-rati ta' ħlas tal-lezzjonijiet tal-privat; (ċ) mal-prezzijiet tat-trasport ta' l-iskola; u (d) mal-kotba u rivisti?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba hija kif ġej:
1998 1999
(indiċi) (indiċi)
miżati ta' l-iskejjel privati 127.70 132.86
ħlas għall-lezzjonijiet tal-privat 114.02 118.69
prezzijiet tat-trasport ta' l-iskola 127.55 129.51
Kotba u Rivisti
rivisti dwar passatemp 107.07 112.07
perjodiċi 119.09 119.09
rivisti ta' kull ġimgħa 116.66 124.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm laħqet l-ispiża biex sar il-bini tar-Restaurant Big Blue fil-Crown Plaza Hotel? Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex veru jew le li dan l-aħħar żviluppat ħsara mmensa fl-art u fis-sistemi tad-drenaġġ ta' l-imsemmi restaurant? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'inhi r-raġuni li wasslet għal din il-ħsara u min kien responsabbli għax-xogħol? Jista' jgħid ukoll min se jirrimedja għal din il-ħsara?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-ħsara li għaliha qed issir riferenza kienet waħda minima kawżata fil-paviment minħabba l-umdita'. L-ispiża għall-Air Malta biex tissewwa din il-ħsara hija stmata li tlaħħaq madwar Lm150. Ix-xogħol ta' paviment sar mid-ditta Property Maintenance Limited.
Ma naħsibx li jkun fl-aħjar interess kummerċjali tal-kumpanija jekk nagħti t-tagħrif mitlub fl-ewwel parti tal-mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li programm televiżiv fuq il-PBS Lido li jittela' mill-Crown Plaza Hotel qiegħed jiġi mistieden kok minn barra l-lukanda minflok jintużaw is-servizzi tal-kokijiet ta' l-istess lukanda?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ma jirriżultalix li l-għażla tal-kok għall-programm televiżiv issir mill-lukanda msemmija. Il-Public Broadcasting Services, li xxandar dan il-programm, ma tiffurmax parti mid-dekasteru tiegħi u għaldaqstant mhinix f'pożizzjoni li nagħti tweġiba.
Peress li fiċ-Ċentru Ħidma Soċjali hemm il-phone card li tintuża minn persuni għomja bil-ħsara u minkejja li ilha tiġi rrapportata għal dawn l-aħħar ġimgħat baqgħet ma ssewwietx, jista' l-Ministru jara li jirrimedja/jikkordina dan il-bżonn?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Maltacom ħadet il-passi meħtieġa biex il-ħsara msemmija tissewwa.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-Price Control Regulations li ddiskutiet id-delegazzjoni Maltija waqt l-iscreening session li saret fis-27 ta' Settembru, 1999 fi Brussels u li kif ġie mħabbar huma konformi ma' dawk ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (BONNICI, JOSEF)
Waqt l-'iscreening session' li saret fis-27 ta' Settembru, 1999 fi Brussels saru referenzi miż-żewġ naħat dwar il-liġijiet rispettivi. Dwar il-kontroll tal-prezzijiet ġie mfisser li r-regolamenti eżistenti japplikaw kemm fuq affarijiet importati kif ukoll fuq dawk lokali.
Ma jidhirx li hemm xi diffikultajiet partikulari sabiex il-liġijiet Maltin jkunu konformi ma' l-'acquis'.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti tekniċi li qed jaħdmu fuq ir-raft ta' leġislazzjoni marbuta ma' affarijiet tal-konsumatur?
Response (BONNICI, JOSEF)
Id-draft tal-leġislazzjoni marbuta ma' affarijeit tal-konsumatur huwa fdat f'idejn Task Force li hija komposta minn Dr. David Fabri, Dr. Paul Edgar Micallef, Dr. Michael Tanti dougall, is-Sur Adrian Muscat Inglott u s-Sur Antoine Grima.
Jista' l-Ministru jgħid fid-dawl tat-tneħħija ta' Tony Meilaq minn Chairman tal-Maltacom u l-proċess ta' liberalizzazzjoni, x'inhuma t-timeframes tal-gvern biex issseħħ il-liberalizzazzjoni?
Jikkonferma li l-gvern beħsiebu jibda jilliberalizza ċerti servizzi tal-Maltacom, fosthom l-Internet, qabel is-sena 2003?
Hemm xi ħsieb li l-gvern ineħħi l-monopolju tal-Maltacom fil-qasam tat-telefonija? Jekk iva, meta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Bħal ma wieħed jista' jara li qed jiġri kważi f'kull pajjiż ieħor; il-Gvern qiegħed iħares lejn il-liberalizzazzjoni fis-settur tat-telekommunikazzjoni bħal żvilupp importanti ħafna għall-bqija tal-ekonomija fejn ħafna mill-attivita ekonomika illum tiddependi minn aċċess għal mezzi moderni ta' telekommunikazzjoni.
Kif diġa stqarr iktar minn darba, il-Gvern qed iħares lejn is-servizz
ta' telefon ċellulari (mobile phone) bħala l-ewwel servizz ta' telekomunikazzjoni li ser jiġi lliberalizzat. Inizjalment dan ser issir billi jinħoloq spazju għal żewġ operaturi, il-Vodafone u il-Mobile, sussidjarja tal-Maltaocm. Dan għandu jseħħ diġa mis-sena li ġejja.
Kif diġa tħabbar ukoll, il-Gvern qiegħed bħalissa iħares b'mod wiesgħa lejn is-settur tat-telekommunikazzjoni sabiex ifassal strateġija globali għall-liberallizzazzjoni ta' dan is-settur.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw ishma fil-Maltacom l-impjegati tal-kumpnanija? Jikkonferma l-Ministru li mpjegati li rtiraw mill-kumpannija qed jingħataw ishma anqas minn dak imwiegħed?
Response (BONNICI, JOSEF)
Meta f'Ġunju tas-sena l-oħra, l-Gvern ipprivatizza 40 fil-mija ta' l-ishma tal-Maltacom, mill-20 fil-mija li kienu nbiegħu f'Malta kienu ġew allokati.
(a) 3,039,315-il sehem lill-Maltacom Employees Foundation bil-prezz li
kellu skont ta' 10 fil-mija; u
(b) 2,026,210 sehem lill-impjegati tal-kumpanija u lid-Diretturi bi prezz
li kellu skont ta' 5 fil-mija. Ishma li ma ttieħdux f'din l-aħħar skema ġew allokati lill-pubbliku u mibjugħa bil-prezz regolari ta' 90ċ-il wieħed.
Biex tkun tista' tħallas għal dawn l-ishma, il-Fondazzjoni ngħatat self bla imgħax mill-Gvern, permezz ta' kuntratt li sar fl-10 ta' Ġunju 1998, ta' Lm2,735,383.50. Għal 10 snin, il-fondazzjoni hija eżentata milli tibda trodd din is-somma ħalli hekk tkun tista' tiġi fuq saqajha. Wara l-10 snin, il-Fondazzjoni tibda tħallas lura dan is-self mid-dividends li tagħti l-kumpannija kull sena.
L-assi tal-Fondazzjoni llum jikkonsistu biss fid-dividend li l-kumpanija ħarġet f'April ta' din is-sena, li minnu jridu jitnaqqsu l-ispejjeż, bħal ma huma s-servizzi professjoni ta' awdituri.
Kull impjegat tal-Maltacom, li kien fuq il-kotba tal-kumpanija fit-28 ta' Mejju huwa ntitolat li jirċievi 20 unit flimkien ma' unit oħra għal kull 10 snin servizz.
Skond il-bye-laws tal-Fondazzjoni, benefiċjarju li ttermina l-impjieg mal-Maltacom jista' jsarraf il-units li jkollu skond in-'net assset value' tal-fondazzjoni kif ikunu murija fl-audited accounts sal-31 ta' Diċembru ta' wara.
Xi ħaddiema tal-Maltacom għandhom l-idea żbaljata li kull benefiċċjarju għandu fuq 1,500 sehem għax iddividew it-3,039,315-il sehem bin-numru ta' l-impjegati. Dan mhux il-każ. Kull impjegat huwa ntitolat għan-numru ta' units skond kif spjegat iktar 'l fuq. Ħaddiem li ttermina l-impjieg se jieħu l-valur tal-units li huwa ntitolat għalihom, skond in-net asset value tal-Fondazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex Maltin li jaħdmu f'Għawdex ma jiġux trattati bl-istess mod li ġustament issir ma' ħaddiema Għawdxin li jaħdmu f'Malta, fir-rigward tan-noll tal-vapur tal-Gozo Channel?
Hemm ħsieb li din l-inġustizzja ma' ħaddiema li jkollhom jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer, tispiċċa?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li sa Jannar ta' l-1997 il-ħaddiema Maltin li kienu jaħdmu f'Għawdex fuq xogħol 'full time' kellhom pass speċjali - Workers' Pass - u li kien jintitulhom iħallsu l-istess noll bħall-Għawdxin. Dan il-pass kien tneħħa matul l-istess sena.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ta' min jgħid li l-inġustizzja ma' dawn il-ħaddiema kienet saret meta l-amministrazzjoni preċedenti mhux biss irtiratilhom dan il-pass speċjali, iżda għabbiethom bil-piż ta' noll iebes ħafna għall-bwiethom.