Helicopter/ajruplan fixed-wing bejn Malta u Għawdex — rapport
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11887, jista’ l-Ministru jgħid jekk is-Social Economic Impact Assessment dwar proġett ta’ helicopter jew ajruplan fixed wing bejn Malta u Għawdex li ngħata lil Pricewaterhouse Coopers għas-somma ta’ €40,427, hux lest? Jekk mhux lest, meta hu mistenni jitlesta? Jekk lest, jista’ jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Social Economic Impact Assessment qed jiġi finalizzat.
Ministeru għall-Għawdex — Lista ta' xiri ta' servizzi
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ xiri ta’ servizzi u xiri ta' prodotti li ġew ordnati minn April 2013 mis-Segretarjat privat permezz ta’ quotation jew permezz ta’ direct order? Jista’ jgħid lil liema kumpaniji/individwi intalbu l-quotations, kemm kien l-ammont ta’ kull quotation jew direct order u min ingħata x-xogħol?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tispeċifika sa liema data qed titlob l-informazzjoni. U dan għaliex ix-xiri ta’ servizzi u prodotti jvarja minn ġurnata għal oħra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11533, jista’ jagħti l-informazzjoni mitluba għall-perjodu bejn id-9 ta’ Marzu 2013 u l-1 ta’ Ottubru 2014?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tender dwar il-fattibilità ta’ mina bejn Malta u Għawdex inħariġx, u dan peress li l-Prim Ministru fi stqarrija ministerjali tat-18 ta’ Ġunju 2013, sena u erba’ xhur ilu, kien informa lil dan il-Parlament li fuq parir tal-Ministeru għal Għawdex u tal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, il-Gvern kien iddeċieda li jkompli bl-istudji mibdija mill-Gvern preċedenti u jmur għal studju ta’ fattibilità, li, skont kif l-istqarrija tal-Prim Ministru,
t-
tender
għalih kellu jinħareġ sal-aħħar tas-sena 2013? Jekk inħareġ dan it-
tender
, li suppost skont il-Prim Ministru nħareġ mill-inqas għaxar xhur ilu, fiex wasal il-proċess u jekk le, meta hu mistenni li jinħareġ dan it-
tender
?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat għat-Trasport u l-Infrastruttura.
Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq b’mod totali l-Ministeru u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu separatament f'reklamar għal kull sena bejn l-2004 u l-2012 f'dawn il-media differenti: televiżjoni, internet, radju, ġurnali/gazzetti u pubblikazzjonijiet oħra? Jista’ fl-istess ħin, jaqsam din l-ispiza skont fuq liema stazzjon tat-televizjoni, stazzjon tar-radju, ġurnal/gazzetta, pubblikazzjoni oħra jew newsportal deheru jew ixxandaru r-riklami?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Gozo Channel –– sistema ta’ arja kundizzjonata — manutenzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi għall-manutenzjoni u tiswija ta’ arja kundizzjonata tuża l-Gozo Channel? Kif ingħata dan il-kuntratt? Lil liema kumpanija jew individwu ngħata u kemm hu l-ħlas għall-istess servizzi?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat illi l-manutenzjoni tal-apparat tal-arja kundizzjonata ssir mill-membri tal-ekwipaġġ stess. F’każi fejn ikun bżonn iktar għajnuna l-kumpanija Gozo Channel Company Ltd tqabbad diversi kumpaniji u ndividwi biex jagħmlu tali manutenzjoni. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-kumpaniji u ndividwi li l-kumpanija qabdet biex jagħmlu dan ix-xogħol minn Marzu 2013 sallum.
L-Onor. Interpellant huwa ġentilment mitlub biex jagħmel riferenza wkoll għat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari numri 10442 u 10443.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru tal-applikazzjoni tal-MEPA dwar il-binji ta Qorti l-ġdida? Jista' jgħid fiex waslet din l-applikazzjoni?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni tal-MEPA dwar il-bini tal-Qorti saret bin-numru PA3790/08 u li sar is-site selection exercise konness mal-applikazzjoni.
Għawdex – Yacht Marina u Cruiseliner berth/terminal
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema hi dik il-kumpanija jew konsorjzu li ssottometta l-interess biex jagħmel yacht marina u cruise liner berth/terminal f’Għawdex? Liema postijiet ġew indikati minn din il-kumpanija jew konsorzju biex fihom isiru dawn il-proġetti? In vista tal-fatt li skont esponenti tal-Gvern stess kien hemm bidder wieħed biss, minkejja li qabel kien intqal li hemm interess kbir, il-Gvern se jkompli miexi ma’ dan il-bidder jew se jerġa’ jiftaħ is-sejħa?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li s-sottomissjoni li daħlet, kienet Kala Marine Development Consortsium li qiegħda tiġi evalwata mill-Evaluation Committee fi ħdan il-Privatisation Unit, u għaldaqstant il-Ministeru għal Għawdex mhuwiex f'pożizzjoni li jagħti aktar dettalji f'dan l-istadju.
Helicopter/ajruplan fixed-wing bejn Malta u Għawdex
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11497, jista’ l-Ministru jgħid min qiegħed jagħmel l-istudju dwar il-proġett ta’ helicopter jew ajruplan fixed-wing bejn Malta u Għawdex u Għawdex u Sqallija? Kif intgħażel min qed jagħmel dan l-istudju u kemm se jiswa? Min qiegħed jagħmel dan l-istudju x’termini ngħata biex jistudja dwarhom? Min intgħażel biex jagħmel dan l-istudju, ingħata data li fiha jrid ilesti dan l-istudju, u jekk iva, sa meta jrid ilestih?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex ħareġ żewġ sejħiet għall-offerti għal dawn l-istudji. L-għoti tal-kuntratt ingħata lill-orħos offerta - is-Socio Economic Impact Assessment lil Pricewaterhouse Coopers b’valur ta’ Euro 40,427 u l-Feasibilty Study lil Grant Thornton b’valur ta’ Euro 8,850, biż-żewġ studji jimxu skont l-iskeda ppjanata.
Għajnsielem Għawdex — Pavimentar tal-Pjazza tas-Santwarju
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11272, in vista tal-fatt li f’Jum il-Festa tal-Madonna ta’ Loretu, waqt il-quddiesa tal-festa, il-Ministru fuq l-altar ippreżenta ċ-ċekk lill-arċipriet tal-parroċċa ta’ Għajnsielem, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-ammont ta’ €106,000 lill-parroċċa ta’ Għajnsielem huwiex diġà mħallas kollu jew inkella parti minnu, peress li dan qed jitħallas minn fondi pubbliċi? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-ftehim li ġie ffirmat mal-parroċċa ta’ Għajnsielem fuq dan il-proġett li se jiġi kofinanzjat minn fondi pubbliċi? Jista’ jgħid jekk il-Ministeru ngħatax kopja tal-pjanti tal-proġett u jekk dawn il-pjanti ġewx sottomessi lill-MEPA? Jista’ jpoġġi l-pjanti fuq il-Mejda tal-Kamra? Fil-ftehim li sar, ġie stipulat sa meta għandu jitlesta dan il-proġett u x’regolamenti ta’ tendering se jintużaw stante li hemm fondi pubbliċi involuti?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li tħallas €50,000, li l-pjanti huma pubbliċi, u li l-Parroċċa hi responsabbli mill-permessi, li tikkonkludu l-proġett fl-iqsar żmien possibbli u li tosserva l-ispirtu tal-Avviż Legali 296/2010. Il-ftehim qed jiġi mqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
(Ara dokument PL3709 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra nhar l-Erbgħa, 12 ta' Novembru 2014 f'Seduta 199)
Jista’ l-Ministru jgħid fejn kienu assenjati matul ix-xhur li kienu fl-iskema l-ħaddiema li kienu fl-iskema ‘Ħaddar u Sebbaħ’? Kemm kien hemm ħaddiema minn din l-iskema ma’ kull dipartiment? Liema huma x-xogħlijiet li twettqu minn dawn il-166 ħaddiem fix-xhur tal-iskema? Kemm swiet din l-iskema?
Response (REFALO, ANTON)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma tezisti l-ebda skem bit-titlu 'Haddar u Sebbah'
Ministeru għal Għawdex – għajnuna finanzjarja – korsijiet fl-Università f’Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mis-sena 2000 sal-lum kemm-il darba l-Ministeru għal Għawdex ta għajnuna finanzjarja biex ikun jistgħu jin¿ammu korsijiet Universitarji fiċ-Ċentru tal-Università f’Għawdex? F’liema snin ingħatat din l-għajnuna, u għal-liema korsijiet?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex ta għajnuna finanzjarja kull sena mis-sena 2000 sal-lum. Informazzjoni dwar dawn l-għajnuniet qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11496, jista’ l-Ministru jgħid x’possibilitajiet qed jesplora biex ikun hemm fast ferry service bejn Għawdex u Malta? Fiex waslet din l-esplorazzjoni, u kemm se jdum jesplora l-Ministeru għal Għawdex? Jikkonferma li f’laqgħat li saru dan l-aħħar is-segretarju permanenti fil-Ministeru tiegħu qal li dan il-proġett imwiegħed qabel l-elezzjoni mill-Gvern issa ġie scrapped u mhux se jsir?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemm xejn x'inżid mat-tweġiba mogħtija diġa' fil-Parlament għall-mistoqsija parlamentari 11496.
Ministeru għall-Għawdex – xiri ta’ biljetti minn kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw biljetti mill-aġenzija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-Ministeru tiegħu mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum u kemm kien il-valur tal-istess biljetti? Barra biljetti, inxtraw xi servizzi oħra mingħand l-istess aġenzija?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm 15-il okkażjoni fejn inxtraw 28 biljett tal-ajru mill-aġenzija li d-dettalji tagħha ingħataw separatament għall-valur medju ta’ €1,841 f’kull okkażjoni. F’10 okkażjonijiet l-ispiża kienet inqas minn dik medja. Kull darba li inxtraw dawn il-biljetti intalbu kwotazzjonijiet skont ir-regolamenti finanzjarji tal-gvern. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’kollox inxtraw 66 biljetti tal-ajru u li minbarra l-aġenzija li d-dettalji tagħha ingħataw separatament, kien hemm 4 agenziji oħra tal-ivvjaġġar li minn għandhom inxtraw biljetti tal-ajru.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista taż-żjarat uffiċjali li għamel minn Marzu 2013 'il hawn, f'liema pajjiżi, għal-liema raġuni u kemm damet kull waħda minn dawn iż-żjarat?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Oneroveli Interpellant li għas-sena 2013 jirreferi għall-mistoqsija 4532 u tas-sena 2014 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ kuntratti ta’ konsulenza li ngħataw mill-entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu u jgħid f’kull każ xi proċedura ntużat biex jinħatru dawn il-konsulenti?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika ż-żmien li għalih qed jitlob din l-informazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-azzjonisti tal-kumpanija Gozo Channel u kemm hu n-numru ta’ shares ta’ kull azzjonist f’din il-kumpanija? Jista’ jgħid min hu s-segretarju tal-kumpanija Gozo Channel? Min huma l-awdituri interni tal-istess kumpanija u kif intgħażlu?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat illi l-azzjonisti tal-kumpanija Gozo Channel huma:
a. Malta Government Investments Limited - C 10175 - 1,410,849 issued shares (100% paid up)
b. Malta Investment Management Company Limited - C 9588 - 1 issued share (100% paid up)
Is-Segretarju tal-kumpanija Gozo Channel hi Dr. Mandy Farrugia LL.D. L-awdituri interni huma s-Sur Tony Coleiro, is-Sur Laurie Apap u l-Kaptan Mario Grech. Dawn kienu appuntati mill-Ministeru għal Għawdex, u approvati mill-
board
tal-Gozo Channel.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema sena u data bdew joperaw it-tliet vapuri tal-Gozo Channel: Ta’ Pinu, Malita u Gaudos? Minn meta bdew joperaw sal-lum, kemm-il darba dawn il-vapuri ddaħħlu għall-manutenzjoni regolari u f’liema sena sar dan għal kull wieħed minn dawn it-tliet vapuri? Fejn sar dan ix-xogħol kull darba? Jinżammu rekords ta’ dawn ix-xogħlijiet? Meta kienet l-aħħar darba li kull wieħed minn dawn it-tliet vapuri ddaħħal għall-manutenzjoni regolari? Hemm regoli li jistipulaw kull kemm żmien irid isir dan it-tip ta’ xogħol fuq dawn il-vapuri?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.