Legislature:
Category:
Reset
Active:

Housing Authority — Chairperson

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 17828, jista' l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti child care allowance? Jista' jgħid min hu intitolat għaliha? Jista' jgħid min jeħodha? Jista' jgħid minn meta l-gvern beda jagħti din it-tip ta' allowance?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Iċ-"Child Care Allowance" hija "allowance sa massimu ta Lm80 fix-xahar li tingħata biex membri tal-Bord ta' l-Awtorita' tad-Djar li għandhom tfal taħt il-ħames snin u li jkollhom bżonn servizzi ta' "Child Care" waqt li jaqdu d-doveri tagħhom fuq il-Bord, ikopru l-ispejjeż jew parti minnhom. Fil-preżent dan l-ammont qed tirċieviħ biss iċ-"Chairperson" f'ammont ta' Lm40 fix-xahar. Din l-"allowance" qed tingħata skond deċiżjoni tal-Bord ta' l-Awtorita' tad-Djar.

Benefiċċji soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex anzjan li dejjem kien jirċievu l-flus ta' l-għajnuna supplimentari din id-darba ma rċieva xejn? Jista' jagħti spjegazzjoni bil-miktub lil dan l-anzjan li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna konċernata ġiet infurmata bil-każ.

Ministeru għall-Politika Soċjali — Korporazzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm awtoritajiet, korporazzjonijiet, aġenziji, isitituti u kwalunkwe organizzazzjoni oħra kważi non-governmental li jaqgħu tħat id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid kull entita' meta ġiet imwaqqfa? Jista' jgħid x'salarju u fringe benefits li jieħdu f'kull każ iċ-chairpersons u d-diretturi ta' kull entita'? Jista' jgħid kemm minn dawn iċ-chairpersons u diretturi kienu mpjegati fiċ-Ċivil qabel ma marru ma' dawn l-entitajiet u f'liema grad kienu l-aħħar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi Seduta oħra.

Djar — Lifts

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna ngħatat il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament li ilha tliet snin magħluqa ġo dar għax qiegħda ġo wheelchair u li talbet biex isir lift fil-blokk fejn toqgħod?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ikunsidrat l-istallazzjoni ta' "lift" fl-appartamenti fejn toqgħod il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant iżda irriżultaw dawn il-problemi:L-uniku post fejn jista' jiġi nstallat il-"lift" huwa minn bitħa interna. Biex il-"lift" ikun jista jsir, is-sistema eżistenti tad-drenaġġ u ilma jridu jiġu rilokati. Barra minnhekk, trid issir modifika fis-sistema eżistenti tal-kmamar tal-banju ta' kull post li jagħti għal ġo dan ix-xaft.Irid issir ukoll jew esproprazzjoni ta' żewġ kmamar fil-pjan terren jew rilokazzjoni tal-meters tad-dawl u ta' l-ilma ta' xi residenti.Kif wieħed joħroġ mill-bieb tal-"lift" propost hemm "platform" u ħames tarġiet biex wieħed ikun jista' jasal fil-pjan biex jidħol fl-appartament. It-tibdil ta' dawn il-ħames tarġiet f'rampa jirriżulta f'rampa ta' pendil aktar wieqaf mill-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti għall-persuni b'diżabilita', speċjalment dawk li jridu jużaw il-"wheelchair".Ninsab infurmat ukoll li l-persuna indikata kienet waħda mill-persuni mgħejjuna permeżż ta' "support" minn "Social Worker" professjonali u ġiet proċessata u milqugħa t-talba tagħha għal "reserved parking" quddiem ir-residenza taghha.

Dar il-Kaptan

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif qed titmexxa Dar il-Kaptan? Min qed imexxxieha? Liema huma l-impjegati tal-gvern li qed jaħdmu f'Dar il-Kaptan? Fiex jikkonsisti x-xogħol tagħhom? X'inhu x-xogħol tal-persuna l-isimha qed jintagħat separatament f'Dar il-Kaptan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Dar il-Kaptan, li ilha mwaqqfa minn 1990, hija mmexxija minn Bord skond l-istatut tal-"Foundation for Respite Care Services". Dan il-Bord hu magħmul minn tlett rappreżentanti nominati mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b'Diżabilita', tlett membri mill-Għaqda Nazzjonali Ġenituri ta' Persuni b'Diżabilita' u ħames membri oħra eletti waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali. Iċ-"Chief Executive" kif ukoll is-"Services Manager" huma responsabbli għat-tmexxija ta' din id-Dar taħt id-direzzjoni tal-Bord.Ma hemm l-ebda impjegat tal-Gvern li qed jaħdem f'din il-Fondazzjoni.Il-persuna li għaliha saret referenza fil-Mistoqsija kienet membru tal-Bord tat-Tmexxija iżda ninsab infurmat li rreżenjat minn din il-kariga.

Ċentri ta' Matul il-Jum — Għomja

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmana dwar x'tip ta' taħriġ fl-independent living qed jingħata lil persuni għomja li jattendu fiċ-ċentru ta' matul il-jum għal adulti b'diżabilita'? Kemm ipparteċipaw fihom persuni għomja f'dawn l-independant living training programmes?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fiċ-Ċentru ta' Matul il-Jum għall-Persuni neqsin mid-Dawl qiegħed jiġi organiżżat taħriġ fl-"independent living" prinċipalment fuq dawn l-oqsma:Preparazzjoni ta' ikel ħafif u xorb Iġene personaliTagħlim bażiku edukattivL-importanza ta' l-eżerċizzju fiżikuL-użu ta' postijiet pubbliċiĠie deċiż li dan il-programm ta' l-"independent living" jingħata aktar importanza fil-futur sabiex inħajru aktar klienti biex jagħmlu użu minnu u biex inżidu aktar attivitajiet bħal l-importanza li huma jkollhom "skills" fil-komunikazzjoni effettiva u "self-esteem." Rigward il-parteċipazzjoni tal-persuni għomja li jattendu ċ-Ċentru, id-deċiżjoni jekk jipparteċipawx jew le hija f'idejhom iżda ħafna minnhom jippruvaw jagħmlu użu minn dawk l-oqsma li huma jħossu li għandhom bżonn għajnuna biex jgħixu ħajja aktar independenti.Kien hemm tlettax-il persuna neqsin mid-dawl li pparteċipaw f'dawn l-"independent living training programmes".

Ċentri ta' Matul il-Jum — Attivitajiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 17622, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex qed ikun ikkunsidrat li jsiru programmi oħra għall-għomja barra dawk tal-braille u x-xogħol tal-qasab għall-persuni għomja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed jiġi kkunsidrat li l-persuni neqsin mid-dawl isirulhom ukoll programmi li jħarrġuhom aħjar fi "skills" biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja aktar indipendenti.

Djar — Skemi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fost l-iskemi li għandha l-Housing Authority, hemmx skema li tgħin lill-familji biex jieħdu sussidju biex jagħmlu ħajt ta' barra li jkun ikkundannat u ma jkollhomx riżervi ta' flus biex jagħmluh?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Iskemi ta' l-Awtorita' tad-Djar huma intiżi biex jiġu rranġati residenzi li huma "substandard".Jingħata sussidju għall-ħitan ta' barra meta dawn direttament jaffettwaw jew jistgħu jikkaġunaw ħsarat fir-residenza nnifisha.

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex anzjan ta' 67, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, ma rċeviex iċ-cheque tal-pensjoni? Jista' jiġi mgħarraf mid-dipartiment tas-sigurta' soċjali għaliex ma ntbagħatx iċ-cheque?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna konċernata ġiet infurmata bil-każ.

Benefiċċji soċjali — Relief

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li r-relief ta' l-anzjana li romlot ftit tal-ġimgħat ilu u li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tinħarġilha l-pensjoni peress li din l-anzjana m'għandha l-ebda dħul finanzjarju ieħor u qiegħda tbati bla bżonn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu għandha titħallas fil-ġranet li ġejjin. L-istess persuna ser tiġi nfurmata bil-miktub dwar dan.

ETC

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx bżonn li tkun infurmata l-ETC meta xi ħadd japplika bħala substitute f'ħanut tax-xorb?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Meta persuna tapplika bħala "substitute" ifisser li dik il-persuna ser tagħmel xi xogħol f' xi ħanut partikolari. Allura jkun hemm bżonn li dik il-persuna tinforma lill-ETC bħal kull persuna oħra li tagħmel kwalunkwe tip ta' xogħol ieħor.

Impjiegi — Ħaddiema taħt l-eta'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 16874?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Sitta u disgħin (96) "employers" instabu jħaddmu 103 persuna ta' eta' minorenni minn Jannar 1999 sa Mejju 2000. Minn dawn sebgħin (70) huma ġuvintur, tlieta u tletin (33) huma tfajliet u nstabu jaħdmu f'dawn is-setturi:Settur Persuni------- ---------Retail 29Agrikoltura 1Kostruzzjoni 19Turiżmu 28Servizzi 16Manifattura 9Trasport 1Il-Korporazzjoni fil-preżent għaddejja b'seduti fil-qorti fuq spezzjonijiet li saru matul is-sena 1999. Ma kienx hemm minn inqabad aktar minn darba bl-istess offiża.

Ċentri ta' Matul il-Jum — Persuni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti breakdown ta' l-etajiet tal-persuni li jattendu fiċ-Ċentri ta' Matul il-Jum? Jista' jagħti breakdown ta' dawk li jinsabu fil-waiting list?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi Seduta oħra.

Ċentri ta' Matul il-Jum — Ħaddiema

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fiċ-Ċentri ta' Matul il-Jum, wieħed wieħed, u x'taħriġ dawn ingħataw u x'taħriġ hemm maħsub li jingħata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi Seduta oħra.

Housing Construction & Maintenance — HCM 00/0392

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma u fl-istess ħin jikkonferma, u dan b'referenza partikolari għall-file numru HCM 00/0392 tas-sezzjoni tal-Housing Construction & Maintenance li ma hemm ebda ħsieb li xi partijiet minn St.Mark Street, Bormla (senjatament il-fond 53) ser jiġu mwaqqa'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nikkonferma li l-fond 53, St Mark Street, Bormla mhuwiex ser jitwaqqa' bhala parti mill-progett ta' "Slum Clearance".