Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' dawk li applikaw u qegħdin isegwu l-kors għall-surġent fil-Korp tal-Pulizija?
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm vakanzi għall-surġenti u kemm minn dawn se jimtlew mill-kandidati aktar 'il fuq indikat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' kuntistabbli li kienu applikaw għall-kors għall-surġent fil-Korp kien ta' 150, li minnhom 94 qed isegwu dan il-kors.
Ninsab infurmat ukoll li n-numru ta' vakanzi fil-grad ta' Surġent preżentament hu ta' 25 u dawn il-vakanzi jimtlew skond l-eżitu ta' dan il-kors, dejjem skond l-esiġenzi tas-servizz tal-Korp.
08.03.99
Jista' l-Ministru jgħid bejn il-5 ta' Settembru, 1998 u t-28 ta' Frar, 1999: (i) x'kienu l-kuntratti li ngħataw mill-ministeru tiegħu; (ii) min għamel l-ispecifications; (iii) min għamel l-award; (iv) intalbu quotations; (v) kemm kienet kull quotation; (vi) min rebaħ kull kuntratt; (viii) ingħataw extensions?
Response (BORG, TONIO)
Kif jaf l-Onor. Interpellant, minn meta fetaħ dan il-Parlament f'Ottubru li għadda b'risposta għall-diversi domandi fir-rigward ta' din il-mistoqsija, diġa' tajt informazzjoni dettaljata, li f'kull każ inħlew ħafna żmien u enerġija biex tinġabar. Għalhekk, sakemm ma ningħatax raġuni valida 'l għala l-informazzjoni mitluba għandha tingħata, ma nara l-ebda skop li dan isir.
08.03.99
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li twaqqaf il-mili ta' l-enbarcation cards għal min ikun se jsiefer? X'se jagħmlu issa jew x'alternattiva oħra se jieħdu l-pulizija għal skopijiet ta' records?
Response (BORG, TONIO)
Fil-għatba tal-Millenju l-ġdid, ġie deċiż li ma hemmx għalfejn li jimtlew 340,000 'cards' minn ċittadini Maltin biex jitilqu minn u jidħlu f'art twelidhom. Il-passaport xorta waħda jibqa' jiġi ittimbrat fil-mument tat-tluq u dħul fil-pajjiż.
Għar-rigward il-barranin, il-mili tal-'cards' għadu meħtieġ.
Il-Pulizija stess irrakomandat u qablet ma' dan it-tibdil. Ta' min isemmi li fl-1997 biss imtlew 340,000 'cards' mill-Maltin biex jidħlu u joħorġu minn pajjiżhom stess.
Għalhekk din il-miżura (a) se tneħħi inkonvenjent żejjed
lill-Maltin meta jsiefru
(b) se jnaqqas parti mix-xogħol lill-Pulizija u Immigration Officers
Jekk l-Onor. Interpellanti jidhrilha li hemm xi raġuni għala l-Maltin għandhom jimlew 'card' biex isiefru, hija ġentilment mitluba tinformani dwarha.
08.03.99
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 5066?
Response (BORG, TONIO)
B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 5066, ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub dwar in-numru ta' applikazzjonijiet deċiżi mid-DCC u mill-Bord ta' l-Appelli ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għar-rigwrd ta' bini f'Għawdex hu kif ġej :
01.01.1998 - 06.09.1998
-----------------------
D.C.C. 820 applikazzjoni u 15 ġew withdrawn
Bord ta' l-Appelli 36 applikazzjoni
07.09.1998 - 16.02.1999
-----------------------
D.C.C. 304 applikazzjoni u 15 ġew withdrawn
Bord ta' l-Appelli 20 applikazzjoni
08.03.99
Jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni ttieħdet wara r-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari numru 2688 datata 15/12/98 tas-Seduta 35?
Response (BORG, TONIO)
B'referenza għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 2688 segwita b'dik li ġġib in-numru 5228 ninsab infurmat illi l-Awtorita' ta' l-Ippjanar laħqet ftehim mas-sid sabiex ineħħi l-irregolarita' hu stess sabiex jiġu evitati spejjeż li normalment ilaħħqu ammonti konsiderevoli jekk l-operazzjoni issir mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Is-sid ġie mwissi li jekk jonqos u ma jneħħix l-irregolarita' kif kommess minnu fi żmien qasir, l-Awtorita' tneħħi hi a spejjeż tiegħu. Dan hu konformi mal-politika ta' l-Awtorita' li fil-każi fejn is-sid jaċċetta li jneħħi hu stess, l-istess Awtorita' tagħti ċ-ċans biex dan isir.
08.03.99
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li t-transfer tal-liċenzji tas-snieter minn fuq persuna għall-terzi, qegħdin jieħdu tul twil ta' żmien, jekk mhux xhur?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll għaliex qed ikun hemm dewmien żejjed biex jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet għall-ħruġ ta' liċenzji to keep u to carry?
Ma jaħsibx il-Ministru li dan id-dewmien qed jikkawża inġustizzja mal-kaċċaturi u nassaba?
Response (BORG, TONIO)
Infakkar lill-Onor. Interpellant li fil-ftit xhur li din l-amministrazzjoni ġiet fdata bit-tmexxija tal-pajjiż, diġa' ittieħdu diversi inizjattivi fosthom li l-liċenzja 'to keep' ma tiġix ekwiparata għall-liċenzja 'to carry' u b'hekk il-liċenzja raħset minn Lm19 għal Lm7. Ġew solvuti wkoll problemi konnessi mal-polza tal-assikurazzjoni marbuta mal-liċenzja tas-snieter.
Kif jaf ben tajjeb l-Onor. Interpellant, minn Jannar ta' din is-sena, is-sistema ta' liċenzjar ta' armi ġiet komputerizzata. Kull meta tiġi ntrodotta xi sistema ġdida wieħed jistenna li għal bidu jinqagħlu xi problemi.
Iżda skond ma jien infurmat, dawn il-problemi qed jiġu ndirizzati sabiex jintlaħaq l-għan li kienet introdotta din is-sistema, ċioe' li jitħaffef il-proċess u jitnaqqas l-inkonvenjent għal pubbliku.
08.03.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk Malta ssir membru sħiħ ta' Unjoni Ewropea tkunx trid issir liberizzazzjoni ta' dawn is-setturi u l-permessi dwarhom li sal-lum huma protetti: (i) funeral hearses; (ii) karozzini; (iii) fran; (iv) hawkers tal-pitrolju; u (v) bejjiegħa u distributuri tal-gass?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
08.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li marru u taw ruħhom f'idejn il-pulizija wara li kienu ikkommettew reat? Kemm kien in-numru sena b'sena f'dawn l-aħħar għaxar snin? X'tip ta' reat ikkommettew?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma żżommx statistika dwar it-tagħrif mitlub.
08.03.99
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 5067 u r-risposta li ngħatat, jista' l-Ministru jgħid jekk saritx xi waħda minn dawn it-62 seduta tad-DCC fil-gżira Għawdxija fil-conference room tal-Planning Authority? Jekk ma sarux seduti tad-DCC f'Għawdex, jista' l-Ministru jispjega r-raġuni għaliex u min hu responsabbli għal dan in-nuqqas fil-konfront tal-poplu Għawdxi?
Response (BORG, TONIO)
Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li t-tweġiba hija fin-negattiv.
Ninsab infurmat ukoll li r-raġuni għax ma sarux seduti tal-Kummissjoni għall-Kontroll ta' l-Iżvilupp ġewwa Għawdex kienet waħda amministrattiva. Wara li nbiddlet il-kompożizzjoni tal-kummissjoni, hu maħsub li l-quddiem il-laqgħat jerġgħu jkomplu jsiru f'Għawdex.
08.03.99
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 5070 u r-risposta li ngħatat fl-1 ta' Marzu 1999, jista' l-Ministru jserrah moħħ l-Għawdxin (speċjalment il-periti u l-avukati li jaħdmu f'Għawdex u jiddefendu każijiet quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar f'Għawdex) kemm beħsiebu jdum dan "l-istudju" u hemmx xi target date biex dan is-servizz jiġi estiż għal Għawdxin?
Jista' l-Ministru jagħtina informazzjoni għaliex il-pulizija qiegħda tippermetti street vendors fi Triq Sciortino, Ħaż-Żebbuġ man-naħa ta' l-istess triq fejn joqogħdu r-residenti?
Jikkonsidra l-Ministru li dan mhux qiegħed iħalli spazju għall-parking tar-residenti u fl-istess waqt qiegħed ikun ta' periklu għax-xerrejja li qegħdin ikollhom jaqsmu min-naħa għall-oħra tat-triq f'area tant traffikuża f'Ħaż-Żebbuġ? X'permess għandu l-istreet vendor li jarma ħdejn iż-zebra crossing fi Triq Sciortino kull nhar ta' Ġimgħa li mhux talli juża l-van (vettura) iżda wkoll area mdaqqsa oħra li qed tkun okkupata b'ħafna kaxxi tal-ħaxix għal għonq it-triq?
Jekk dan il-venditur għandu permess, jista' l-Ministru jgħid meta nħareġ u jekk hemmx aktar applikazzjonijiet/permessi għal street vendors f'din in-naħa ta' Triq Sciortino, Ħaż-Żebbuġ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija diġa' ħadet passi dwar l-ilment li rrefera għalih l-Onor. Interpellant. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat ukoll illi, dejjem jekk qed nirreferu għall-istess persuna, din għandha permess ta' bejjiegħ fit-toroq biex tuża vettura bil-mutur għall-bejgħ ta' frott u ħxejjex u permess biex tbiegħ l-istess prodotti f'suq miftuħ, liema permessi ħarġu għal bidu ta' l-1998. Infurmat ukoll li m'hemmx permessi u lanqas applikazzjonijiet pendenti għal street vendor f'post fiss fit-triq imsemmija.
08.03.99
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari numru 4790, fejn il-mistoqsija oriġinali saret għax hu magħruf li l-informazzjoni mitluba suppost kienet qed tiġi komputerizzata u mhux għax kont qed nippretendi li jsir eżami tal-files u records bl-idejn, jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta' komputerizzazzjoni ta' l-informazzjoni fuq l-akkwist ta' art mid-Dipartiment ta' l-Artijiet u meta jista' jkollna informazzjoni bħal dik mitluba f'mistoqsija parlamentari numru 4790 permezz tal-computer?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li f'Diċembru ta' l-1998 tlesta Business Study dwar il-komputerizzazzjoni tad-Dipartiment ta' l-Artijiet, liema studji qed jiġi evalwat mill-istess Dipartiment. Hu mistenni li l-implimentazzjoni ta' dan l-istudju, li jkopri ukoll Geographical Information System, tibda matul din is-sena u titlesta fi żmien 4 snin.
08.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu computers kemm fil-ministeru kif ukoll fid-dipartmenti kollha li jaqgħu fir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħu dipartiment b'dipartiment?
Jista' l-Ministru jgħid x'ditta huma?
Meta nxtraw?
Kemm swew fi spejjeż?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
03.03.99
Jista' l-Ministru jgħid meta l-pulizija se tikkumpensa l-ħsarat u t-telf ta' xogħol li sar lill-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament u li l-pulizija kissirtlu dgħajsa tal-fibre meta ħadithielu ta' Kandja u issa qed ikollu jidħol anki fi spejjeż legali biex jieħu l-kumpens tad-dgħajsa i l-pulizija kissritlu s-sajf li għadda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-dgħajsa li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant kienet ilha mitluqa fuq il-moll għall-żmien twil u għalhekk ġiet imneħħija skond ir-Regolamenti ta' l-1997 dwar l-Ikklampjar u t-Tneħħija ta' Oġġetti ta' Ingombru fir-Regolament tat-Traffiku, wara li l-Pulizija ma rnexxiliex tintraċċa lil sidha. Peress li din hija purament materja ta' parir legali, il-persuna kkonċernata għandha tieħu parir legali sabiex tgħarraf tirregola ruħha.
03.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus s'issa fl-uffiċini tal-Ministeru biex jiġu rranġati mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Jista' l-Ministru jagħti rendikont itemized dwar l-flus li ntnefqu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-ammont ta' flus minfuqa, bejn il-5 ta' Settembru, 1998, u t-23 ta' Frar, 1999, biex jiġu rranġati l-uffiċini fil-Ministeru ta' l-Intern huwa kif spjegat hawn
taħt :
Ministeru - Lm 448.00
Segretarjat Parlamentari - Lm16,011.00
Taqsima Amministrazzjoni - Lm 3,671.00
Ta' min jinnota li fil-bini tal-Ministeru f'Casa Leoni, Santa Venera, kellhom isiru xogħolijiet sabiex jiġi akkomodat s-Segretarjat Parlamentari, liema faċilitajiet ma kienux qabel eżistenti.
Sakemm ma ningħatax raġuni valida 'l għala qed jintalab, ma nara l-ebda skop li jingħata r-'rendikont itemized' mitlub fit-tieni parti tal-mistoqsija.
03.03.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk żwieġ bejn tnejn minn nies ta' l-istess sess u li hu legali f'xi pajjiżi barra minn Malta, huwiex rikonoxxut hawn Malta? Billi ġo xi pajjiżi ta' l-UE żwiġijiet bejn persuni ta' l-istess sess u anke addottazzjoni ta' tfal minn dawn il-koppji huwa legali, jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni ta' pajjiżna fir-rigward ta' dawn il-persuni jekk jiġu jgħixu ġo pajjiżna?
Response (BORG, TONIO)
Il-liġijiet ta' Malta ma jipprovdux speċifikament għall-każijiet li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant fil-Mistoqsija tiegħu.
Ninsab infurmat li r-Reġistru Pubbliku qatt ma kellu talbiet konnessi ma' każijiet għal dawn, u għalhekk id-dipartiment konċernat għad irid jikkonsulta ruħu ma' l-Avukat Ġenerali tar-Reppublika għal pariri biex jirregola ruħu dwar dawn il-każijiet, meta u jekk jinqalgħu.
03.03.99
Lands Department/Joint Office — Siti fl-Imġarr, Malta
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm siti fir-raħal ta' l-Imġarr, Malta, ta' natura storika, li qegħdin f'idejn jew il-Lands Department jew il-Joint Office li huma jew mogħtija għal kirjiet u ċnus jew huma f'idejn l-imsemmija dipartimenti?
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm siti fil-Belt ta' Senglea, ta' natura storika, li qegħdin f'idejn jew il-Lands Department jew il-Joint Office li huma jew mogħtija għal kirjiet u ċnus jew huma f'idejn l-imsemmija dipartimenti?
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-proposta li l-Lands Department ma jibqax aktar ġewwa l-Auberge de Baviere, Valletta, hijiex qed tiġi studjata u jekk iva, x'progress sar fuq dan?
Response (BORG, TONIO)
L-Auberge de Baviere ma jiġborx fih il-Land Department biss, iżda hemm ukoll id-Dipartiment ta' l-Estate Management u l-Uffiċċju tad-Direttur Ġenerali tat-Taqsima ta' l-Artijiet u Kostruzzjoni.
Ma naf bl-ebda proposta biex il-Land Department ma jibqax aktar jopera mill-Auberge de Baviere, Valletta.
02.03.99