Legislature:
Category:
Reset
Active:

Buġibba – water park – apparat

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’inhi r-raġuni li għaliha l-apparat li hemm fil-water park ta’ Buġibba għadu espost għall-elementi, meta l-faċilità issa ilha magħluqa numru ta’ xhur? X’tip ta’ maintenance qed isir fuq dan l-istess apparat u minn min?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Programm ta’ xogħol fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’inhu l-programm ta’ xogħol fit-toroq li mistenni jinbeda/jitlesta matul l-2014? F’liema lokalitajiet hu mistenni li jsir dan ix-xogħol? F’kull każ, individwalment, jista’ jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol? Jista’ jagħti wkoll dettalji dwar meta hu mistenni li jitlesta l-istess xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà ġie spjegat f’diversi tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari, il-Gvern beda biex jattwa dak li ġie imwiegħed fil-Manifest Elettorali, kif ukoll qiegħed fil-proċess biex imexxi ‘l quddiem il-proġetti skont il-prijoritajiet u dan wara il-ħafna laqgħat fosthom mal-Kunsilli Lokali.

Transport Malta – vetturi bin-numru ta’ reġistrazzjoni barrani

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm vetturi bin-numru ta’ reġistrazzjoni barranija, li ġew maqbuda minn Transport Malta matul l-ewwel jiem tal-2014? Minn fejn inqabdu dawn il-vetturi? Kemm minn dawn il-vetturi kienu ta’ Maltin u kemm kienu ta’ barranin? Kemm mill-vetturi maqbuda kellhom jiġu rilaxxati lil sidhom? Fejn tpoġġew l-istess vetturi wara li nġabru minn Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ vetturi bin-numru ta’ reġistrazzjoni barrani li ġew maqbuda minn Transport Malta matul l-ewwel jiem tal-2014 kien ta’ 14. Dawn il-vetturi ġew maqbuda f’dawn il-lokalitajiet: St. Venera, Paola, San Ġiljan u tas-Sliema. Ħamsa minn dawn il-karozzi kienu ta’ Maltin, erbgħa minnhom ta’ barranin, u l-ħamsa l-oħra ta’ barranin b’ID card Maltija. Sal-lum l-ebda waħda minn dawn il-karozzi ma ġew rilaxxati lil sidhom. Dawn il-vetturi tpoġġew fil-compound ta’ Transport Malta l-Marsa.

Transport Malta – Arranġamenti ta’ linji fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li qed jistenna li jsiru xi arranġamenti dwar lines tat-triq u kull meta jitkellem mal-kunsill, jgħidlu li kollox jinsab għand Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li Transport Malta ma rċeviet l-ebda talba mill-kunsill lokali jew mill-individwu kkonċernat relatata ma’ sinjali taż-żebgħa fit-triq u li għaliha qed jagħmel referenza fil-mistoqsija tiegħu.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — lista ta' direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jagħti, sena b’sena, lista kollha ta’ direct orders li ngħataw mill-Ministeru, inkluż mill-aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, minn Settembru 1998 sat-8 ta’ Marzu 2013?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra. Ta’ min jgħid li fir-rigward ta’ Transport Malta qed ngħati l-informazzjoni ta’ dak li jiena infurmat li nstab sa issa. Fuq insistenza tiegħi għadhom għaddejin ir-riċerki sabiex tinġabar l-informazzjoni kollha mitluba mill-Onor. Interpellant u f’każ li jinstabu xi varjazzjonijiet dawn jiġu ippubblikati. L-informazzjoni mogħtija mill- GHRC tmur lura għas-sena 2009 minħabba l-fatt li din il-korporazzjoni twaqqfet f’din is-sena.

Xemxija — irmiġġ fil-bajja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx irmiġġi vojta fil-bajja tax-Xemxija? Jekk fl-affermattiv x'irid jagħmel individwu li jrid japplika għall-irmiġġ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sitwazzjoni tal-irmiġġi f’kull lokalità differenti inkluż dik tax-Xemxija qiegħda tiġi evalwata. Individwi għandhom japplikaw ma’ Transport Malta u jagħtu d-dettalji kollha ħalli t-talba tagħhom tiġi kkunsidrata skont iċ-ċirkustanzi tal-lokalità.

Transport Malta — każ ta' individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li Transport Malta tikkuntatjha l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament minħabba ħsara li sofriet fil-karozza tagħha minħabba tappiera mkissra?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li ninsab infurmat li l-ewwel darba li l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, tkellem ma’ Transport Malta kien nhar it-Tnejn 13 ta’ Jannar 2014. Transport Malta nfurmat lill-individwu li Triq is-Salina taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar, filwaqt li ġie nfurmat ukoll li t-tappiera msemmija taqa’ taht ir-responsabbiltà tal-Korporazzjoni tal-Ilma. Għaldaqstant, il-klijent ġie nfurmat sabiex jagħmel kuntatt mal-Kunsill u mal-entità imsemmija.

Transport Malta — każ ta' individwu

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6957, jista' l-Ministru jgħid x'funzjoni għandha l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħat separatament fi ħdan Transport Malti u kemm qed titħallas, jekk qed titħallas, għal din il-pożizzjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Il-funzjoni tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament hija dik ta’ direttur fuq il-bord tad-diretturi ta’ Transport Malta. Minħabba l-esperjenza u l-kwalifiċi tiegħu, dan l-individwu huwa partikolarment attiv f’shadowing tad-direttorat tal-Avjazzjoni.

L-Imġarr (Malta) – tiswija ta’ lanterni

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5572, jista’ l-Ministru jikkonferma illi kull ħsara li tinqala’ lil-lanterni tad-dawl fit-triq li minn Wied il-Qlejja tagħti għall-Imġarr bejn ir-roundabout sal-lights ta' ħdejn l-Iskola San Andrea tiġi msewwija minn Transport Malta? Ħsara fil-lanterni tad-dawl li jinsabu f' din it-triq reċentement kienu ssewew?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li dawn id-dwal issewwew fil-25 ta’ Ottubru 2013, filwaqt li l-aħħar spezzjoni ta’ rutina saret fit-18 ta’ Diċembru 2013.

Il-Marsa – Addolorata Junction — Bini mill-ġdid ta’ toroq

Question

B'referenza għar-risposta tal -mistoqsija parlamentari 5002, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti relatati mal-junction tal-Marsa (Addolorata Junction)?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-12 ta’ Diċembru li għadda saret konferenza stampa fejn ġie spjegat dan il-proġett u ġew ippubblikati il-pjanti relatati fil-mezzi tax-xandir. F’dan l-istadju ġiet sottomessa l-applikazzjoni għand il-MEPA u wara li jgħaddi il-proċess kollu, hemmhekk ikunu jistgħu jiġu ippubblikati il-pjanti finali ta’ dan il-proġett.

Bini mill-ġdid ta’ toroq — studji ta' kontinġenza għat-traffiku

Question

B'referenza għar-risposta tal- mistoqsija parlamentari 5002, jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsistu l-istudji ta' kontinġenza għat-traffiku min-naħa ta' isfel ta' Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Nibda billi ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-triq temporanja mill-Baċir Numru 7 ma kinitx parti mill-immanniġġjar tat-traffiku li oriġinarjament kien imfassal għal matul ix-xogħlijiet fi Triq Diċembru 13 u Triq Aldo Moro. Iżda, meta f’Marzu li għadda ġie rivedut l-immanniġġjar tat-traffiku relatat ma’ dawn il-proġetti rriżulta li kien hemm bżonn ta’ pjan ta’ kontinġenza għat-traffiku li ġej min-naħa t’isfel ta’ Malta. Infetħet it-triq temporanja li tgħaddi mill-Baċir Numru 7 bħala rotta ta’ kontinġenza u, wara li sar studju ta’ moniteraġġ tat-traffiku, irriżulta li din ir-rotta ta’ kontinġenza kienet strumentali sabiex tippermetti li tingħalaq karreġġjata minn kull direzzjoni tat-traffiku fi Triq Aldo Moro u li tingħalaq Triq Diċembru 13 f’direzzjoni waħda.

Toroq residenzjali — xogħlijiet

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5003 kif ukoll id-diversi laqgħat ta' konsultazzjoni li kien għamel mal-kunsilli lokali kollha sal-aħħar ta' Ġunju li għadda, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' toroq residenzjali ġodda li se jsiru fil-jiem li ġejjin u li ma kenux inklużi fil-programm ta' toroq ġodda residenzjali kif ifformulati mill-Gvern preċedenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern beda biex jattwa dak li ġie mwiegħed fil-Manifest Elettorali kif ukoll qiegħed fil-proċess biex imexxi ‘l quddiem il-proġetti skont il-prijoritajiet tagħhom kif ukoll proġetti ta’ toroq oħrajn li qed jiġu studjati u dan wara il-ħafna laqgħat ta’ konsultazzjoni li saru fosthom mal-Kunsilli Lokali kollha.

Arriva – spezzjonijiet minn Transport Malta

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4998, jista’ l-Ministru jikkjarifika jekk għadux isir skrutinju jekk il-vetturi użati għat-trasport tal-passiġġieri jkunux low floor, bl-air conditioning jaħdem, eċċ.?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċjali ta’ Transport Malta komplew jagħmlu spezzjonijiet ta’ kuljum fir-rigward ta’ skrutinju fuq il-vetturi għat-trasport li huma tal-kumpanija Malta Public Transport Services Ltd. Dawn l-ispezzjonijiet jinkludu fost oħrajn skrutinju fuq kameras ta’ CCTV, aċċess għall-persuni b’diżabbilità, magni Euro 5 u arja kundizzjonata.

Billboards

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk billboards li l-Gvern Laburista tella’ dan l-aħħar biex jirreklema l-baġit ittellgħux skont il-Guidelines of the Safe Placing of Billboards li jinsabu fl-iskeda tal-Avviż Legali 368 tal-2004?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jgħidilna fejn jinsabu dawn il-billboards tal-baġit li ghalihom qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari sabiex Transport Malta tkun f’pożizzjoni li tevalwa tali billboards.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-lista aġġornata li fiha jelenka l-ismijiet tal-konsulenti (inkluż persons of trust) li taw u ta’ dawk li għadhom qegħdin jagħtu s-servizzi tagħhom lid-dekasteru tiegħu bejn id-9 ta' Marzu 2013 sa 9 ta' Jannar 2014?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor Interpellant tispeċifika għal-liema perjodu qed tirreferi.

Għawdex – skeda tat-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-iskeda sħiħa tat-trasport pubbliku kif kienet f’Għawdex sal-aħħar tas-sena 2013?

Response (MIZZI, JOE)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-iskeda hija maqsuma kif ġej: - Mill-4 ta’ Novembru 2012 sal-1 ta’ Ġunju 2013 - Mit-2 ta’ Ġunju sat-2 ta’ Novembru 2013 - Mit-3 ta’ Novembru 2013

Ħaż-Żabbar – Labour Road – xogħlijiet

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5590, jista’ l-Ministru jagħti d-data ta' meta se jibda u jispiċċa x-xogħol ta' refreshing ta' line markings f'Labour Road kantuniera ma’ Triq Bajjada, Ħaż-Żabbar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa Transport Malta qegħda fil-fażi tal-proċess ta’ l-akkwist u x-xogħlijiet għandhom jinbdew hekk kif isir magħruf il-kuntrattur li sa jagħmel dan ix-xogħol.

Birżebbuġa – Triq il-Port Ħieles – xogħlijiet

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5585, jista’ l-Ministru jagħti data speċifika ta’ meta se jibda u jispiċċa x-xogħol fuq ir-rikostruzzjoni ta' parti minn Triq il-Port Ħieles, Birżebbuġa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qiegħda fil-proċess tal-preparazzjoni tal-istimi dettaljati għal bini ta’ din it-triq.

Il-Belt Valletta — CVA

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5000, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-laqgħat ta' konsultazzjoni u korrispondenza bil-miktub bejn Transport Malta u l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta? Jista’ jpoġġi kopja tal-proposti li l-Kunsill Lokali għadda lil Transport Malta dwar is-CVA fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid kif id-deċiżjoni li ħa l-gvern, li fil-fatt hi proposta tal-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista, li ma jkunx hemm ħlas għal dawk li jaċċessaw iċ-ċentru tal-Belt wara l-ħin tas-2.00p.m. u s-Sibt il-ġurnata kollha, jirrifletti dak propost mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-laqgħa li saret mal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta ma nżammu l-ebda minuti minħabba li l-Kunsill Lokali ta preżentazzjoni. It-tibdil li sar f’Diċembru li għadda, fejn tneħħew il-ħlasijiet għall-aċċess fil-Belt Valletta għal vetturi li jidħlu wara is-1400hrs u nhar ta’ Sibt huwa fuq l-istess binarju tal-proposta li saret mill-istess Kunsilll Lokali, illi tgħid li r-reviżjoni tat-tariffi għandha isservi biex tagħmel l-aċċess għall-viżitaturi ġewwa l-Belt Valletta aktar faċli u fl-istess ħin tagħmilha aktar diffiċli għal min irrid jipparkja l-Belt Valletta għal ħin twil. Fil-fatt, filwaqt li l-aċċess ta’ wara nofs in-nhar huwa bla ħlas għal żjarat qosra, dawk li jipparkjaw għal ġurnata sħiħa xorta jridu jħallsu l-istess tariffi.

Il-Belt Valletta — CVA

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra minuti tal-laqgħat ta' konsultazzjoni u korrispondenza bil-miktub bejn Transport Malta u r-rappreżentanti tal-Komunità Kummerċjali tal-Belt Valletta? Jista’ jgħid kif id-deċiżjoni li ħa l-gvern, li fil-fatt hi proposta tal-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista, li ma jkunx hemm ħlas għal dawk li jaċċessaw iċ-ċentru tal-Belt wara l-ħin tas-2.00p.m. u s-Sibt il-ġurnata kollha, jirrifletti dak diskuss u propost mill-komunità kummerċjali tal-Belt Valletta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma nżammu l-ebda minuti tal-laqgħat bejn Transport Malta u r-rappreżentanti tal-Komunità Kummerċjali tal-Belt Valletta.