Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed jikkonsidra l-problema li għandna fil-Fgura ta' nuqqas ta' venda tal-karozzi tal-linja, peress li l-popolazzjoni kibret u mhux qed tlaħħaq mal-ftit karozzi li jgħaddu ta' Ħaż-Żabbar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s`issa mhux maħsub li jkun hemm venda fil-Fgura.
Jista' l-Ministru jgħid x'servizzi qed joffri t-torri tal-Gharghur u liema istituzzjonijiet/organizzazzjonijiet qed jagħmlu użu minn dawn is-servizzi?
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni billi jgħid kull servizz min qed jagħmel użu minnu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Membru jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandhom panelli mwaħħlin ma' l-arblu tal-Gharghur is-Super I TV u kemm minnhom qed jintużaw?
Jista' l-Gvern ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport jew/u rapporti li għandu fuq il-possibbilta' li jitwaħħlu aktar panelli ma' dan l-arblu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Membru jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hijiex se tinżamm il-wegħda li Triq Angelo Psaila, Triq Carmelo Robinich, Triq Marija Addolorata, Triq tax-Xewk, u Triq Mons. Franġisk Xuereb, kollha f'Raħal Ġdid jingħataw it-tarmak wara li fi żmien il-Ministru Michael Frendo ta' Gvern Nazzjonalista kien ġie mwiegħed dan lili bħala Sindku ta' dak iż-żmien u l-istess kien imwiegħed lili mill-Ministru Charles Buhagiar ta' Gvern Laburista bħala Sindku ta' dak iż-żmien u minħabba l-elezzjoni ġenerali dan reġa' ma sarx?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat lix-xogħol indikat mill-Onor Interpellant ser issir skond il-prijoritajiet tax-xogħol tad-Dipartiment.
Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni — Ingaġġar
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm nies ġew ingaġġati fid-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru, 1998?
Jista' jagħti l-ismijiet tan-nies li ġew ingaġġati?
X'karigi ngħataw fil-ministeru?
X'karigi kellhom qabel ma ġew ingaġġati?
Min minnhom kien jaħdem mal-gvern u f'liema dipartiment kien jaħdem?
X'inhuma l-kwalifiki akkademiċi ta' dawn?
X'kondizzjonijiet ngħataw?
Jista' jpoġġi l-kuntratti fuq il-Mejda tal-Kamra?
Jista' jgħid x'karigi kull wieħed minnhom kellu fil-Partit
Nazzjonalista?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi l-Onorevoli Nterpellant ghar-risposta ghall-Mistoqsjia Parlamentari numru 296.
Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni — Impjegati
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema taħt id-dikasteru tiegħu li mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali 'il hawn ġew trasferiti: i) minn dipartiment għal ieħor fl-istess Ministeru; ii) minn dipartimenti f'Ministeru għal xi post ieħor li jaqgħu taħt Ministeri oħra? Jista', f'kul każ, il-Ministru jgħid minn fejn u għal fejn saru dawn it-trasferimenti u għal liema raġunijiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li transfers li saru mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali 'l hawn, kienu kif ser ngħid.
Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi:
2 skrivani għall-Ministeru għall-Ambjent
1 skrivana għall-Ministeru għat-Turiżmu
1 skrivana għall-Ministeru ta' l-Edukazzjoni
Dipartiment tal-Liċenzji:
1 skrivana għall-Ministeru ta' l-Intern
Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili:
2 skrivani għall-Qorti, waqt li messaġġier ġie trasferit għall-Ministeru għall-Affarijiet Barranin.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex se jitkompla l-proġett ta' upgrading tal-junction mill-aktar perikoluż li hemm fit-Triq tar-Rabat l/o Ħ'Attard fejn din it-triq taqbad ma' Vjal de Paule (quddiem Bonnici petrol station)?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li kemm it-'Traffic Control Board' kif ukoll l-Awtorita' ta' l-Ippjanar approvaw li jsir it- 'traffic lights' fil-'junction' u qegħdin isiru l-pjanti biex ikun jista' jsir ix-xogħol meħtieġ.
Jista' l-Ministru jara li titwaħħal crash barrier fil-ġenb ta' Triq Ħaż-Żebbuġ, l/o Ħ'Attard (quddiem l-Allwoods & Steel) peress li bħalissa m'hemm l-ebda lqugħ għal ġol-wied fil-ġenb tal-bridge, bil-konsegwenza li vetturi neżlin lejn Ħ'Attard minn naħa ta' Ħaż-Żebbuġ jistgħu faċilment jibqgħu neżlin fil-wied?
Response (GALEA, ĊENSU)
Għaddejt is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tat-Toroq biex kif ikun qed isir xogħol ta' tiswija fuq dan il-pont ikunu jistgħu jitwaħħlu l-'crash barriers'.
Jista' l-Ministru jsemmi xi progress sar sabiex parti minn Triq is-Sur fl-Isla titwessa, wara li l-Kunsill Lokali ħejja l-pjanti u ġab il-permessi neċessarji iktar minn sena ilu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li dan ix-xogħol qed isir mill-Kunsill Lokali, u għalhekk hu dan il-Kunsill li għandu responsabilta tax-xogħol.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta huwa ppjanat li l-parti tat-triq li tibda minn Triq il-Missjoni Taljana u li tgħaddi quddiem il-Kunvent tal-Kapuċċini sa l-aħħar ta' Triq Santa Liberata l-Kalkara ssir mill-ġdid billi ttieklet kollha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jispezzjona din it-triq sabiex ikun jista' jiġi deċiż x' l-aħjar isir għat-tiswija tagħha.
Punt 55 tal-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista jwiegħed
"Riabilitazzjoni sħiħa tat-toroq ta' Malta u Għawdex li jista' faċilment jiġi finanzjat mill-Unjoni Ewropea".
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li l-Unjoni Ewropea se tagħti flus lil Malta fis-snin 1999, 2000, 2001, 2002, u 2003 biex issir ir-riabilitazzjoni sħiħa tat-toroq ta' Malta u Għawdex?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tali informazzjoni tkun tista` tigi konkluza meta jibdew id-diskussjonijiet finali ma l-Unjoni Ewropea.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li x-xogħol fi Triq l-Imdina, f'Ħal Qormi jibda kif semma f'mistoqsija parlamentari numru 200? Ma jidhirlux il-Ministru li minħabba l-periklu serju li hemm f'din it-triq traffikuża u l-aċċidenti serji li seħħew, m'hemmx lok li wieħed jistenna, iżda din il-pedestrian crossing tingħata l-prijorita' li għandha bżonn?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li x-xogħol fi Triq l-Imdina, Ħal-Qormi ser jitkompla malli t-tender li kienet ippubblikata xi żmien ilu tiġi aġġudikata.
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment li jekk jara li agġudikazzjoni ser tieħu xi żmien jieħu passi neċessarji biex dawn il-'pelican lights' jitwaħħlu.
Jista' l-Ministru jgħid meta fi Triq Manwel Dimech, f'Ħal Qormi se ssir xi pedestrian crossing bil-għan li jitnaqqas ir-riskju serju meta wieħed jaqsam din it-triq traffikuża?
Response (GALEA, ĊENSU)
Għaddejt is-suġġeriment ta'l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tat-Toroq biex ikun jista' jiġi ikkunsidrat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hijiex se tiġi regolata l-pożizzjoni ta' dawk li għandhom bżonn u jagħmlu użu minn radios VHF li preżentement huma projbiti mil-liġi? Hemm ħsieb dwar jekk is-sajjieda humiex se jitħallew jużaw dawn il-mezzi li jistgħu jkunu ta' ħajja jew mewt għalihom?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lil l-Onor Interpellant jindika liema tip ta` apparat qed jirreferi ghalih.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir l-asfaltar li ormai huwa neċessarju għall-ħarsien ta'l-inkolumita' tal-ħajja, tat-toroq f'Ta Xlejli fil-Gudja?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li t-toroq imsemmija huma diġa' asfaltati u l-'maintenance' tagħhom biex jitneħħa kull periklu għall-pubbliku huwa responsabbilta' tal-Kunsill Lokali.