Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #10520 Sitting 159 1999-10-19 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi — Ħlasijiet speċjali

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-ħlasijiet speċjali u/jew allowances oħra mogħtija wara s-6 ta' Settembru, 1998 lil uffiċjali fil-Ministeru/dekasteru tiegħu għal servizzi mogħtija qabel dik id-data, u dan b'deċiżjoni speċifika tal-Gvern preżenti, skond kull każ? Jista' jekk jogħġbu f'kull każ, jagħti r-raġunijiet għall-ħlasijiet li jsiru/jew saru?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li ebda uffiċjal fil-Ministeru u/jew fid-dekasteru tiegħi ma rċieva xi ħlas speċjali u/jew allowances oħra wara s-6 ta' Settembru 1998 għal servizzi mogħtija qabel dik id-data b'deċiżjoni speċifika tal-Gvern preżenti.
Leg 9 PQ #9735 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Fabbriki — Materjal importat

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk materjal importat Malta minn fabbriki biex imbagħad jinħadem għall-esportazzjoni, għandux taxxa fuqu? Jekk iva, kemm? Ġaladarba Malta tidħol membru sħiħ tal-komunita', kemm se tkun it-taxxa fuq dan il-materjal kemm-il darba dan ikun jew min pajjiż tal-Unjoni, kif ukoll jekk minn pajjiż ieħor?

Response (BONNICI, JOSEF)

Peress li l-mistoqsija tirrigwarda taxxa fuq l-importazzjoni, nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jindirizzha lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #10323 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Wied il-Għajn — Triq il-Qaliet - Qtugħ fis-servizz ta' l-elettriku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba nqata' d-dawl fi Triq il-Qaliet, Wied il-Għajn, f'din l-aħħar sena? Jista' l-Ministru jagħti l-ġranet ta' kull meta nqata' d-dawl kemm dam maqtugħ? Hemm alternattiva li d-dawl ma jibqax jinqata' daqstant ta' spiss? Hemm xi raġuni komuni għaliex id-dawl qed jinqata' daqstant ta' spiss u jekk hemm, x'inhi r-raġuni? F'dan il-każ, x'inhi s-soluzzjoni?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #10364 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Uffiċċju għal Kompetizzjoni Ġusta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Uffiċċju għal Kompetizzjoni Ġusta huwiex qed jagħmel l-istudju dwar il-cargo handling/port charges bil-personnel tiegħu jew qabbadx xi ekonomisti jew konsulenti biex jagħmlu dan? Meta ġie kkummissjonat l-istudju? Meta kellu jitlesta? Hemm ħsieb li l-istudju jiġi ppubblikat?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta mhux qed jagħmel studju dwar il-proċess tal-ħatt tal-merkanzija fil-portijiet iżda qed jinvestiga lment sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx ksur tal-provvedimenti ta' l-Att dwar il-Kompetizzjoni. Wara li tiġi konkluża l-investigazzjoni, l-Uffiċċju jagħmel rapport dwar il-konklużjonijiet li jkun wasal għalihom u skond kif hemm provdut fl-imsemmi Att jgħaddi tali rapport lill-kummissjoni għall-Kummerċ Ġust għad-deċiżjoni tagħha.
Leg 9 PQ #10397 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Bormla — Triq Santa Liena - Wire tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir tiswija urġenti fuq wire tad-dawl high tension li jinsab imdendel mal-faċċata tad-dar bin-numru 9, Triq Santa Liena, Bormla?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-manutenzjoni meħtieġa fuq il-wire tad-dawl li hemm mal-faċċata tad-dar imsemmija saret.
Leg 9 PQ #10398 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Azzjoni industrijali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'wassal għal azzjoni industrijali li hemm fil-Water Services Corporation?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-azzjoni industrijali li hemm bħalissa fil-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u li kienet ordnata mill-U.Ħ.M. teffettwa l-iskrivani li jaħdmu bħala Account Keepers fil-Head Office tal-Korporazzjoni f'Ħal-Luqa. Hemm talba pendenti dwar dawn l-iskrivani li dwarha qed isiru negozjati mal-G.W.U. Il-kwistjoni hi dwar jekk ix-xogħol ta' Account Keeper għandux isir mill-grad ta' officer jew clerk. Hu mistenni li n-negozjati għandhom jintemmu fil-jiem li ġejjin u jiġi ffirmat ftehim mal-G.W.U.
Leg 9 PQ #10399 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Fgura — Vjal Kottoner - Lampi

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru lampi tad-dawl adegwati fi Pjazza Ċentrali fi Vjal Kottoner, fil-Fgura?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
Leg 9 PQ #10400 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Fgura — Lampi

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru lampi tad-dawl adegwati fi Triq Bastion u Triq Kottoner fil-Fgura? X'inhi r-raġuni li din l-area ilha għal snin twal tilmenta minn nuqqas ta' dawl?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
Leg 9 PQ #10423 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Unaccounted for water

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-figura ta' unaccounted for water għal din is-sena? Kemm minn din il-figura hi dovuta għal leakages?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #10424 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Bdil ta' mains

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu t-tul ta' mains ta' ilma li ġew mibdula u kemm saru ġodda mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma bejn Settembru 1998 u Settembru 1999?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u teġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #10443 Sitting 158 1999-10-18 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Birgu — Ground tal-Fortini

Question

Jista' l-Ministru jara x'inhi l-possibbilta' li jiġi rranġat id-dawl li hemm fil-ground tal-Fortini, Birgu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-manutenzjoni tad-dawl fil-'ground' sportiv tal-Fortini il-Birgu ma taqax taħt ir-responsabbilta tal-Korporazzjoni Enemalta.

UE — Importazzjoni/esportazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk ir-regolamenti li jikkontrollaw l-importazzjoni u l-esportazzjoni u li m'humiex konformi ma' l-acquis communautaire ta' l-EU u li ġew diskussi fl-iscreening session li nżammet fis-27 ta' Settembru 1999, fi Brussels?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ir-regolamenti li jikkontrollaw l-importazzjoni u l-esportazzjoni huma dak ta' l-1948 dwar il-Kontroll ta' l-Esportazzjoni u ta' l-1969 dwar il-Kontroll ta' l-Importazzjoni. Waqt is-sessjonijiet ta' screening li nżammu fi Brussels fid-data msemmija, saret riferenza għal dawn ir-Regolamenti li jridu jiġu riveduti biex ikunu jikkonformaw maż l-'acquis communautaire'.
Leg 9 PQ #10317 Sitting 157 1999-10-14 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Xogħol ta' printing

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid kemm-il biċċa xogħol ta' printing ingħata mill-Enemalta mill-1996 sa l-1 ta' Ottubru, 1999 xahar b'xahar? Meta ngħatat kull biċċa xogħol u kemm ġiet tiswa? Liema printing press ingħatat kull biċċa xogħol, kull biċċa xogħol ingħatat b'tender, quotations jew direct order?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #10322 Sitting 157 1999-10-14 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Wied il-Għajn — Triq il-Bidni - Arbli tad-dawl

Question

Possibbli l-Enemalta tieħu passi biex żewġt arbli li hemm fi Triq il-Bidni, limiti ta' Wied il-Għajn, ħdejn il-"borehole taċ-ċirku" jiġu rranġati u mibdula għaliex jinsabu imsadda u mgħawwġin għal isfel minkejja li minn fuqhom għaddejjin għadd ta' wires tad-dawl? Tista' l-Enemalta tieħu passi mmedjati biex tbiddel dawn iż-żewġ arbli li minnhom qed jieħdu d-dawl kemm il-"borehole taċ-ċirku" kif ukoll remissa u farmhouse li hemm ħdejn il-borehole? Taf l-Enemalta li dawn iż-żewġ arbli qegħdin fi stat tant ħażin li se jispiċċaw jaqgħu fuq xi ħadd ma' l-ewwel buffara riħ bir-responsabbilta' tkun totalment ta' l-Enemalta li ilha snin li biddlet l-arbli tad-dawl kollha tal-Bidni iżda ħalliet biss lil dawn iż-żewġt arbli li llum saru ta'periklu? Minħabba pressjoni kbira mir-residenti ta' din it-triq kif ukoll dawk li jiffrekwentaw din it-triq, possibbli l-Ministru ġentilment jintervjeni biex dawn l-arbli jinbiddlu qabel iweġġa' xi ħadd u possibbilment jinbidlu qabel tidħol aktar ix-xitwa?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-ilment ta' l-onorevoli Interpellant ġie mgħoddi lill-Korporazzjoni Enemalta biex tinvestigah u tieħu l-passi meħtieġa.
Leg 9 PQ #10337 Sitting 157 1999-10-14 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta — Xiri ta' ajruplan

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'hemm ta' natura kummerċjali billi jgħid jekk saritx investigazzjoni fuq ix-xiri ta' l-ajruplan RJ 70's? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk hux fl-interess tal-poplu li jkun jaf anke r-riżultat ta' din l-investigazzjoni, jekk saret x'investigazzjoni, ladarba l-Air Malta hija kumpannija tal-poplu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ma għandi xejn xi ngħid mat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet preċedenti dwar dan is-suġġett.
Leg 9 PQ #10363 Sitting 157 1999-10-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MOBC — Membri tal-bord

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bord tal-MOBC hekk kif ġie rikostitwit? Kemm ġew ingaġġati nies ġodda ma' l-MOBC minn Awissu 'l quddiem? X'xogħol qed jagħmlu? F'liema xahar ġew ingaġġati? Minn liema lokal huma?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-Bord ta' l-M.O.B.C. fil-preżent huwa kompost miċ-Chairman is-Sur Tancred Tabone u mid-Diretturi s-Sinjuri Renato Agius Muscat, Joseph Bugeja, Joe Stellini u Simon Vella. Minn Awissu 'l hawn ġew ingaġġati żewġ persuni, wieħed, li joqgħod Ħal-Safi, minn Settembru ġie 'seconded' minn Sant'Iermu Shipping Company bħala Plant Operator u l-ieħor, li joqgħod Raħal Ġdid, f'Ottubru, ġie impjegat 'on contract basis' bħala Bulk Operator.
Leg 9 PQ #10386 Sitting 157 1999-10-14 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Freeport Terminal — Tender 199/022

Question

B'riferenza għat-tender 199/022 li ħarġet mill-Freeport Terminal dwar xiri ta' computers, liema tender suppost kienet tagħlaq it-Tnejn, 11 ta' Ottubru, 1999, jista' l-Ministru jagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji, peress illi jidher li diġa' nxtraw l-istess computers mingħand ditta partikolari, qabel ma fil-fatt għalqet din it-tender?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li fil-perjodu minn meta ħarġet is-sejħa għall-offerti li għaliha qed issir riferenza sal-11 ta' Ottubru 1999, data ta' l-għeluq, il-Freeport Terminal ma għamlet ebda xiri ta' kompjuters.
Leg 9 PQ #9233 Sitting 156 1999-10-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Settur tal-Biedja/Agroindustrija — Tneħħija ta' levies

Question

Peress li l-Gvern Nazzjonalista qal diversi drabi li Gvern Laburista kien se jneħħi l-levies ta' protezzjoni fuq is-settur tal-biedja u l-agroindustrija, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti relattivi?

Response (BONNICI, JOSEF)

Dak li qal aktar minn darba mill-oppożizzjoni l-Partit Nazzjonalista meta kien hemm il-Gvern preċedenti huwa li: il-proċess ta' adesjoni minn Malta fiz-zona ta' kemmerċ ħieles Ewro-Mediterranja kienet ser twassal biex jitneħħew il-levies mhux biss fuq il-prodotti industrijali iżda wkoll fuq prodotti u servizzi oħra inkluż dawk agrikoli. Minħabba l-elezzjoni bikrija fl-1998, it-taħdidiet dwar iz-zona ta' kummerċ ħieles bejn il-Gvern Laburista u l-Unjoni Ewropea spiċċaw ħesrem. Minħabba f'hekk, l-Oppożizzjoni Laburista għandha illum l-opportunita li jgħid li tgħid li trid dwar x'kienu l-intenzjonijiet finali tiegħu u dwar x'ma kienitx lesta tinnegozja. Iżda jekk inħarsu lejn dokumenti uffiċjali ta' dak iż-żmien insibu li l-kunċett ta' żona ta' kummerċ ħieles, hekk kif kien qed jiġi propost mill-Unjoni Ewropea, kien wieħed ħafna iktar vast minn sempliċi ftehim dwar kummerċ ħieles fi prodotti industrijali biss. Ma dan nistax nżid li fid-dokument intitolat 'Communication from the Commission to the Council on future relations between the European Union and Malta', li ħareġ fi Frar 1998 f'paragrafu 12 taħt il-kapitlu Trade hemm miktub 'In order to be compatible with the WTO such a free trade area should cover substantially all trade, no sector excluded. Complete free trade for products, other than those for which special arrangements will have to be negotiated, should come fully into force within three years at the most, by which time the removal of existing obstacles to trade should have been completed. Agricultural trade should be progressively liberalised, taking as a starting point traditional trade flows. This process should take account of the respective agricultural policies and the results achieved in the GATT/WTO negotiations.' Fil-EC-Malta Association Council, Joint Declaration on Future Relations Between the Parties (maħruġa fit-28 ta' April 1998) insibu dawn il-kliem preċiżi, b'messaġġ ċar ħafna: 'The EC-Malta Association Council recognized that a free trade area between the EC and Malta should be fully WTO (World Trade Organization) compatible and cover substantially all trade.' Diffiċli tiltaqa ma stqarrijiet iktar kategoriċi minn dawn. Iż-żewġ dokumenti li rriferejt għalihom huma diġa ppubblikati.
Leg 9 PQ #10249 Sitting 156 1999-10-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Koperattiva tal-Furnara — Prezz tal-ħobż

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-eżerċizzju biex jiġi determinat kemm tiswa biex tagħmel ħobża tal-Malti tal-500 gramma u tat-300 gramma? Jaqbel il-gvern ma'dak li tgħid il-Koperattiva tal-Furnara (il-president tagħha is-Sur Carmelo Micallef f'"The Times" paġna 64, 28 ta' Lulju 1999) li ħobża tal-Malti tiġi tiswa 28c biex tagħmilha?

Response (BONNICI, JOSEF)

Diġa saru numru ta' laqgħat bejn rappreżentanti tal-Koperattiva tal-Furnara u uffiċjali mid-Dipartiment tal-Kummerċ. F'dawn il-laqgħat qed issir analiżi teknika dettaljata tal-fatturi kollha li għandhom inċidenza fuq il-prezz tal-ħobż tal-Malti sabiex jintlaħaq ftehim dwar prezz ġust għall-bejgħ ta' dan il-ħobż. Ma l-ewwel waħda mill-laqgħat fuq imsemmija, ir-rappreżentanti tal-Gvern għamluha ċara li huma ma kienux qed jaqblu maċ-ċifri li dehru fl-artiklu ppubblikat f'ġurnal lokali li qed jagħmel riferenza għalih l-Onorevoli Interpellant. Minn naħa tagħhom, ir-rappreżentanti tal-Koperattiva tal-Furnara stqarrew li ċ-ċifri ikkwotati fl-artiklu fuq imsemmi kienu biss stima approssimattiva u li huma kienu lesti, kif fil fattt qed jagħmlu, li jerġgħu janalizzaw fid-dettal il-kalkoli tagħhom f'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-Gvern. Tajjeb jingħad li s'issa, mill-laqgħat li qed isiru, għalkemm xejn għadu ma ġie konkluż, jirriżulta li l-prezz tal-ħobża huwa anqas sew minn dak ikkwotat fl-artiklu.
Leg 9 PQ #10300 Sitting 156 1999-10-13 Oral · Interim From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi — Kiri ta' karozzi/mobile phones

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien in-numru totali ta': (a) karozzi tal-kiri; u (b) mobile phones użati fid-dekasteru li għalih hu responsabbli dan il-ministeru u x'kienet l-ispiża għal kull domanda mis-6 ta' Settembru, 1998 sa l-aħħar ta' Settembru 1999?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.