Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serqiet matul Marzu 2004? Jista' jikklassifika s-serq? Jista' jgħid kemm ġew solvuti serq matul Marzu 2004?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul Marzu 2004 il-każi ta' serq li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, filwaqt li matul l-istess xahar il-Pulizija solviet 127 każ ta' serq.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-impjegati tat-taqsima tal-protezzjoni ċivili għadhom ma tħallsux ta' l-overtime? Jista' jgħid meta dan il-ħlas se jsir issa li ilu pendenti għal aktar minn sena u nofs?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab informat illi dan l-overtime qiegħed jiġi pproċessat.
CCF — Persuni li qed jiskontaw piena minħabba nuqqas ta' ħlas ta' VAT
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm nies qed jiskontaw piena karċerarja minħabba nuqqas ta' ħlas ta' VAT? Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm nies li ġew hekk ikkundannati ingħataw maħfra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fit-12 ta` April 2004, fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin kien hemm persuna waħda li qegħda tiskonta sentenza karċerarja minħabba nuqqas ta' ħlas ta' multi dwar reati konnessi mal-VAT imposti mill-Qorti li wara snin twal ta' nuqqas ta' adempjenza ġew konvertiti mill-istess Qorti f'piena karċerarja.
Kien hemm tliet każijiet fejn il-multa konnessa ma' penali ġiet ridotta bl-applikazzjoni tal-Art 93 tal-Kostituzzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid meta ngħatat il-maħfra presidenzjali lill-persuni li isimhom qed jingħata taħt separate cover?
Jista’ jgħid ukoll kemm kienu ilhom fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin dawn il-persuni jistennew li tiġi proċessata l-petizzjoni tagħhom? Jista' jgħid ukoll biex kienu akkużati dawn il-persuni, x'kienu kundannati u kemm inħafrilhom ħabs?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab informat illi l-persuni li isimhom ingħata taħt separate cover kienu akkużati b’serq aggravat u ingħataw maħfra presidenzjali wieħed fit-28 ta’ Marzu 2003 u l-ieħor fil-25 ta’ Jannar 2003 kif jidher hawn taħt:
Kundannna
Servew u kien fadal
Maħfra presidenzjali
5 snin+30 ġurnata
63 ġurnata taħt arrest u 974 ġurnata mis-sentenza. Kien fadal 210 ġurnata.
Kumplament tas-sentenza mibdula f’sentenza sospiża għal tlett snin
3 snin u 6 xhur+terz spejjeż tal-qorti
20 ġurnata taħt arrest u 115 ġurnata mis-sentenza. Kien fadal 405 ġurnata.
Kumplament tas-sentenza u spejjeż tal-qorti mibdula f’multa ta’ Lm500.
Dipartiment ta' l-artijiet — Każ dwar applikazzjoni
Question
Jista' il-Ministru jgħid għaliex fir-rigward ta' applikazzjoni quddiem il-Lands Department li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, qed iddum daqshekk biex toħroġ in-no objection?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab informat li l-proprjeta’ li qed jirriferi għaliha l-Onor. Interpellant, inkluż dik l-area fejn qed jintalab li jsiru x-xogħlijiet, mhix proprjeta’ tal-gvern iżda hija proprjeta’ ta’ l-awtorita’ tad-djar. Għalhekk it-taqsima proprjeta’ tal-gvern mhix l-awtorita’ kompetenti f’dan il-każ. L-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel it-talba tiegħu lill-Ministeru għall-Familja u għas-Solidarjeta’ Soċjali.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex l-ispazju għall-ipparkeġġjar indikat bħala reserved li jinsab quddiem residenza li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ġie estiż biex ikopri spazju akbar daqs xahar ilu? Jista’ jgħid għal benefiċċju ta’ min ingħatat din il-konċessjoni u jista’ jispjega għaliex l-ispazju għall-ipparkeġġjar huwa daqstant kbir bie jakkomoda anke tliet karozzi ipparkjati ħdejn xulxin kif jirriżulta aħjar mir-ritratt li qed jintbagħat separatament?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statuorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jikkonsidra li biex jitnaqqas in-noise pollution ikun hawn lokalitajiet fejn ħornijiet ma jkunux jistgħu jintużaw, anke f’ħinijiet indikati? Barra minn hekk, fejn ċerti ħornijiet jagħmlu wisq ħoss, jista’ jikkonsidra li dawn ikunu kkontrollati b’xi mod?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-użu ta' ħornijiet huwa regolat bir-regolament 96 tar-Regolamenti dwar il-Vetturi bil-Mutur.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti rendikont ta' l-overtime li tħallas lill-membri tal-Korp tal-Pulizija matul is-snin 1997, 1998, 1999, 2000, 2001, 2002 u 2003? Jista' jindika kif tqassam l-overtime taqsima taqsima?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ammont ta' overtime li tħallas lill-membri tal-Korp tal-Pulizija bejn l-1997 u l-2003, huwa kif jidher hawn taħt:
Sena Ammont imħallas
1997 Lm678,817*
1998 Lm276,954
1999 Lm246,586
2000 Lm259,791
2001 Lm441,157
2002 Lm323,860
2003 Lm585,003
*Jinkludi l-ammont ta`
overtime
li nħadem fl-1996 in konnessjoni ma' l-Elezzjoni Ġenerali.
Infurmat ukoll illi rendikont ta' l-
overtime
skond it-Taqsimiet tal-Korp, beda jinżamm mis-sena 2001, u dan kien kif jidher fuq it-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inħarġu passaporti ġodda lill-Maltin bejn l-1 ta’ Novembru 2002 u t-30 ta’ Novembru 2003? Kemm inħarġu passaporti f’isem minuri fl-istess perjodu? Kemm hija l-ispiza, inkluż il-VAT, għal kull passaport? Jista jgħid ukoll min jissuplixxi l-passaporti lokalment? Fid-dawl tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, jista' jgħid jekk il-passpaort attwali hux se jiġi emendat jew mibdul? Jekk iva, meta ser jibda jsir dan?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn l-1 ta’ Novembru 2002 u t-30 ta’ Novembru 2003 inħarġu 36,855 passaport mill-Uffiċċju tal-Passaporti f’Malta u f’Għawdex. Minn dawn kien hemm 8,720 li nħarġu f’isem minuri. Il-ħlas għall-ħruġ ta` passaport huwa kif indikat hawn taħt:
Applikant ta’ taħt l-10 snin Lm3
Applikant ta’ bejn l-10 u l-15-il sena Lm6
Applikant ta’ l-fuq minn 16-il sena Lm12
Ma jitħallasx VAT fuq il-ħlas ta’ passaporti.
Il-passaporti ma jiġux stampati lokalment, imma minn ditta barranija li hija speċjalizzata biex tagħmel xogħol ta` passaporti.
Il-passaporti maħruġa lokalment ġew gradwalment upgraded biex jiġu konformi ma’ dawk ta’ l-Unjoni Ewropea, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sigurta’ u stampar. Li jmiss li jsir issa huwa li jkun hemm indikazzjoni fuq il-passaporti Maltin, li barra li juru n-nazzjonalita’ Maltija, juru wkoll li dak li jkun għandu passaport ta’ l-Unjoni Ewropea.
Diġa` qed jittieħdu l-passi neċessarji ħalli dan il-fatt jiġi muri fuq il-passaport.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk Sqaq Mrabat, San Ġiljan huwiex proprjeta' tal-gvern jew huwiex private road? Jekk huwa proprjeta' tal-gvern, jista' jara li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex katina u bollards li saru biex tingħalaq it-triq minn xi individwi, jitneħħew?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li skond l-arkivji tat-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern l-isqaq li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant mhux ikkunsidrat bħala proprjeta` tal-Gvern.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti tagħrif jekk dawk li kienu għamlu l-eżami ta' gwardjani tal-ħabs f'Diċembru 2002 u għaddew humiex se jingħataw ix-xogħol?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li l-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku tippublika r-riżultat ta` l-eżami msemmi, huwa maħsub li jimtlew dawk il-postijiet li preżentement huma vakanti.
Peress illi rikorsi fit-Tribunal Industrijali ta' każijiet f'Għawdex iridu jiġu ppreżentati l-Qorti ta' Malta, jista' il-Viċi Prim Ministru jara li dawn jibdew jiġu ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti Għawdex?
Response (BORG, TONIO)
Is-suġġeriment tal-Onor. Interpellant ser jiġi studjat in vista tal-artikolu 73 sub-artikolu 9 tal-Kapitolu 452 tal-Liġijiet ta' Malta.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm daħlu kawżi ġodda fir-reġistru tal-Qorti ta' Għawdex u jelenkahom skond il-kompetenza?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat kif ġej:-
Kompetenza
Numru ta` kawżi ġodda
(mill-01/01/2004 sat-23/03/2004)
Inferjuri
4
Superjuri
28
Tribunal għal talbiet żgħar
29
Sezzjoni Familja
3
Għawdex — Qorti tal-Familja - seduti ta' mejdazzjoni
Question
B'riferenza għall-każijiet tal-Qorti tal-Familja f'Għawdex li qed jiġu riferuti għall-medjazzjoni, peress illi l-medjaturi qed jitolbu lill-partijiet sabiex imorru għas-seduti Malta, jista' il-Viċi Prim Ministru jara li s-seduti ta' medjazzjoni fil-każijiet tal-Qorti t'Għawdex isiru f'Għawdex stess?
Response (BORG, TONIO)
Il-laqgħat tal-Medjaturi għandhom isiru dejjem Għawdex meta l-proċeduri jibdew hemm. Għal dan il-għan hemm spazju provdut fil-bini tal-istess Qorti.
Dipartiment ta' l-artijiet — Postijiet tal-gvern - xiri ta' djar mill-inkwilini
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm inkwilini ta' postijiet tal-gvern li xtraw il-post tagħhom fis-snin 1999, 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004 sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Il-bejgħ ta` proprjeta` residenzjali mibnija mill-Gvern huwa mmexxi mill-Awtorita` tad-Djar. Għalhekk l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid il-gvern ta' kemm hu sid ta' postijiet tal-gvern bħala housing soċjali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-arkivji tat-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern jirriżulta li l-ammont ta` postijiet residenzjali mibnija mill-Gvern f`Malta u li preżentament huma mogħtija b`kera huwa ta` ftit aktar minn 7,500. Din iċ-ċifra ma tinkludix postijiet residenzjali li qabel kienu tal-Knisja. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi l-ammont ta` dawn il-postijiet ġewwa kull lokalita` f`Malta. It-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern m`għandiex informazzjoni ta` kemm hemm minn dawn il-postijiet ġewwa Għawdex għalkemm it-Taqsima qed tagħmel eżerċizzju sabiex l-informazzjoni dwar proprjeta` tal-Gvern f`Għawdex tkun ikkomputerizzata.
Dipartiment ta' l-artijiet — Postijiet tal-gvern - Xiri ta' djar mill-inkwilini
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien id-dħul finanzjarju minn kuntratti li għamlu inkwilini ta' postijiet tal-gvern meta xtraw il-post tagħhom fis-snin 1999, 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004 sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Il-bejgħ ta` postijiet residenzjali proprjeta` tal-Gvern lill-inkwilini ta` l-istess postijiet isir mill-Aworita` tad-Djar u għaldaqstant l-Onorevoli Membru huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.
Rigward postijiet residenzjali li ġew f`idejn il-Gvern b`riżultat tal-ftehim ta` l-1992 bejn l-istat ta` Malta u l-Vatikan ninsab infurmat illi d-dħul minn bejgħ u fidi ta` ċens hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid fuq liema kriterju sar li tneħħiet il-yellow bay li kien hemm quddiem store fi Triq John Borg, fil-Mosta u nżebgħet bajda, fejn issa dan l-istore ma jistax jintuża biex iħott u jdaħħal ix-xogħol min jużah?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` gvern lokali b`personalita` legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.