Jista' l-Prim Ministru jara li jsir il-ħlas mill-MEPA lill-ħaddiema tal-gvern li għadhom ma tħallsux għax-xogħol li għamlu marbut ma' xogħol ta' tindif fi scrapyard illegali f'Birżebbuġa lejn nofs din is-sena?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt nfurmat mill-Awtorita tal-Ippjanar li l-pagamenti relattivi qed jiġu pproċessati min-naħa tal-Awtorità u ser jinħarġu fl-iqsar żmien possibbli.
Powerstations u Interconnector — kapaċità produttiva
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi l-kapaċità produttiva ta':
a. l-
powerstation
tal-BWSC;
b. l-powerstation ta' Delimara; u
c. l-interconnector?
X'kienet l-peak load tal-elettriku matul din is-sena?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Enemalta plc li sabiex tipprovdi l-elettriku meħtieġ mill-klijenti tagħha f’Malta u Għawdex, Enemalta plc bħalissa topera dawn l-impjanti, b’dawn in-nominal capacities (li jeskludu d-derating u l-konsum mill-impjant stess - transmission losses u capacity used in station):
Plant
Year
Fuel
Nominal Capacity
(MW)
Delimara 1
1992
HFO
120
Delimara 2B
1999
Gasoil
110
Delimara 3
2012
HFO/Gasoil/NG
149
Interconnector
2015
Electricity
200
Delimara 2A
1994
Gasoil open cycle
70
(Emergency Backup)
L-ogħla peak electricity grid load assoluta tal-pajjiż kienet ta’ 438 MW. Il-Marsa Power Station kellha bilfors tinżamm fuq stand by biex Malta ikollha biżżejjed security of supply. Intant bl-impjant il-ġdid ta’ Delimara inkunu nistgħu nagħlqu l-Marsa darba għal dejjem u nagħlqu wkoll Delimara 1. Wara li dan iseħħ, Delimara 2 tibda tintuża għas-security of supply.
Enemalta – Top Management – pagi, allowances u bonuses
Question
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27929, u jinforma lill-Kamra dwar il-pagi, allowances u bonuses mogħtija lit-top management tal-Enemalta, li jinkludu fost oħrajn l-Executive Chairman, iċ-Chief Executive Officer, l-Executive Directors, id-Divisional Managers u l-Managers?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 16627. Kif kient prassi taħt l-amministrazzjoni preċedenti, tagħrif bħal dak mitlub huwa ta’ natura kunfidenzjali u kummerċjalment sensittiv.
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar in-numru ta’ persuni li, sena b’sena, ġew impjegati fis-servizz pubbliku minn barra mill-2013 sal-2015 u jaqsam l-informazzjoni skont il-gradi li fihom ġew impjegati?
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kif u min qiegħed juża l-power fibre link li jifforma parti mill-interconnector cable u li kien suġġett għal expression of interest aktar minn sena ilu?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ġejt infurmat mill-Enemalta plc li l-power fibre link imsemmi qed jintuża mill-istess kumpanija bħala parti mis-sistema ta’ protezzjoni, kontroll superviżjonali u akkwist tad-data (SCADA).
Belt Valletta – Triq l-Arċisqof – permessi biex stabbilimenti joħorġu mwejjed u siġġijiet fit-triq
Question
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ permessi li ngħataw biex stabbilimenti li jinsabu fi Triq l-Arċisqof, Valletta, joħorġu mwejjed u siġġijiet fit-triq u għal kull każ jgħid meta ngħata l-permess u għal xiex ingħata (jiġifieri kemm spazju f’metri kwadri jew in-numru ta’ mwejjed u siġġijiet)?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jgħid għal liema perjodu qed jirreferi.
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument mitlub f’mistoqsija parlamentari 23974 u ċjoè l-aħħar sett ta’ financial statements ta’ Trade Malta?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mistoqsija parlamentari 23974 kienet tirreferi speċifikament għall-financial statements ta’ Projects Malta.
Dwar il-
financial statements
ta’ Trade Malta Ltd, ninsab infurmat li l-proċess ta’ awditjar għadu għaddej.
Jista’ l-Ministru jgħid meta l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament se jkun jista’ jifdi ċ-ċens ta' biċċa art tal-Gvern (u ċjoè li taqa’ taħt ir-responsabiltà tal-Lands) li tagħmel parti mill-Home Ownership Scheme li fuqha kienet inbniet dar? Jekk hemm bżonn li tinħareġ Presidential Order qabel dan l-individwu jkun jista’ jifdi ċ-ċens, jista’ jgħid fiex wasal il-proċess biex toħroġ il-Presidential Order u meta jaħseb li se toħroġ?
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhi d-differenza prinċipali wara li seħħ id-demerger tal-MEPA? X’vantaġġi hemm bid-demerger, kemm għall-ippjanar kif ukoll għall-ambjent?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Il-vantaġġi prinċipali wara d-demerger huma li issa:
1. Hemm awtorità responsabbli mill-ambjent indipendenti mill-funzjoni ta’ l-ippjanar u li għalhekk m’għadx hemm ir-riskju li
issues
ambjentali jiġu meqjusa sekondarji għal dawk li jirrigwardaw użu ta’ l-art.
2. Hemm awtoritajiet awtonomi li huma aktar iffukati u allura aktar effettivi u effiċjenti fir-responsabilitajiet rispettivi li għandhom.
3. Hemm awtorità ambjentali (ERA) li issa għandha aktar saħħa u vuċi fit-teħid tad-deċiżjonijiet kemm f’dak li jirrigwarda t-tfassil ta’
policies
, permezz tal-preżenza tagħha fil-Kunsill Ezekuttiv ta’ l-Awtorità ta’ l-Ippjanar, kif ukoll f’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet fuq applikazzjonijiet ta’ l-iżvilupp, permezz tal-preżenza tagħha fuq il-bord ta’ l-Awtorità ta’ l-Ippjanar.
4. L-ERA bħala entità awtonoma tista’ tappella minn deċiżjonijiet meħuda mill-Awtorità ta’ l-Ippjanar. Dan hu poter importanti li ma’ kienx ikun possibbli kieku l-funzjoni ambjentali u dik t’ippjanar kellhom jibqgħu amalgamati flimkien.
5. L-Awtorità ta' l-Ippjanar tista' tkun iffukata aktar biex tiżgura li d-deċiżjonijiet li jittieħdu jkunu aktar sostenibbli, u li jintegraw it-tlett pilastri ta' l-ippjanar li huma l-aspett soċjali, ekonomiku u ambjentali.
6. L-Awtorità ta’ l-Ippjannar tista tiffoka iżjed fuq pjani sostenibbli u b’integrazzjoni sħiħa ma l-infrastruttura li hemm bżonn.
7. Żieda fl-effiċjenza u t-trasparenza fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet.
Awtoritajiet tal-Ippjanar u tal-Ambjent u r-Riżorsi
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid issa li ż-żewġ awtoritajiet kemm tal-Ippjanar kif ukoll dak tal-Ambjent u r-Riżorsi ġew stabbiliti, x’inhu l-andament tax-xogħol u r-relazzjoni bejniethom?
Jista’ l-Prim Ministru jgħid issa li daħħlet fis-seħħ il-policy tal-Outside Catering Area, x’inhuma l-effetti tagħha kemm għall-pubbliku, għall-ambjent kif ukoll għall-imprenditur?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Il-Policy tal-Outside Catering Areas on Public Open Space daħlet fis-seħħ f’Ġunju tal-elfejn u sittax. Sa dakinhar, dan it-tip ta’ żvilupp ma kienx irregolat sew, jew inkella, kien irregolat b’ħafna policies kunfliġġenti mħaddna minn diversi dipartimenti.
Din il-policy, għall-ewwel darba, daħlet il-kuncett ta’ shared policy, cioe, dan id-dokument huwa inklussiv b’mod li jista jintuża mill-erba entitajiet li huma kkonċernati fl-għoti ta’ permessi ta’ dan it-tip.
Id-dokument, ukoll, ihaddan il-fehma illi fil-kuntest ta’ użu ta spazji pubblici, il-pubbliku għandu jiehu preċedenza fuq l-iżvilupp għal skopijiet kummerċjali; madankollu, l-istess dokument huwa mfassal sabiex jgħin lin-negozji jitħajru juzaw spazji pubblici għal finijiet kummerċali.
Għalhekk, l-effetti principali ta’ dan id-dokument, kemm fuq il-pubbliku, għall-ambjent, kif ukoll għall-imprendituri, ghandhom ikunu:
i) li jiżdiedu it-trasparenza u l-effiċjenzja fil-ħrug u l-għoti tal-permessi, billi kulhadd jista jifhem u juza din il-policy;
ii) li jingħata aktar rigward lil-min sempliciment jixtieq igawdi spazju pubbliku mingħajr xkiel ta’ xejn;
iii) billi ikun hemm qafas sod ta’ ppjanar għal-żoni kummercjali ewlenin;
iv) billi ikun hemm regoli u linji gwida għad-disinn ta’ żoni pubblici u għalhekk jigi promos it-tisbieh tal-ambjent;
v) billi jithaddan il-principju ta’ disinn universali illi ma jaghmilx eskluzjonijiet u diskriminazzjoni kontra xi kategorija ta’ nies.
L-effetti ta’ din il-policy naturalment m’humiex sejrin jinhassu mil-llum għal għada, speċjalment fejn hemm bzonn illi jsiru Master Plans aktar dettaljati u mfassla skond il-lokalita’; imma huwa zgur illi għall ewwel darba min ghandu id-dover illi jippjana dawn iż-żoni għandu qafas tajjeb sabiex jimxi fuqhu. Fl-istess ħin, il-policy diga qiegħda tintuża sabiex jingħataw permessi ġodda u jitrangaw dawk ezistenti fejn ikun possibli.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kienet ilha ma tkun aġġornata l-liġi tas-sanità? Bis-saħħa tal-liġi l-ġdida, kif ġie affetwat l-ippjanar u x-xogħol relatat magħha?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Il-Liġi tas-sanità għajr xi tibdil żgħir kien ilha ma tiġi aġġornata mill-1854. Bl-avviż legali 227/16 il-bini kummerċjali, kif ukoll il-garaxxijiet issa jista' jiġi vventilat u mdawwal b'mod artifiċjali b'ċertifikazzjoni minn inġinier. Barra minn hekk il-qisien tal-btieħi fil-liġi l-antika kien għadhom bil-piedi u ġew sempliċiment maqlubin għal metri, mentri issa kemm l-għoli tal-bini kif ukoll il-btieħi ġew kollha bil-metri. L-għoli tas-sulari ġie mnaqqas minn 2.75m għal 2.6m. Din il-L.N. tat ukoll il-fakulta li minn għandu court yard ta' qabel in-1967 jista' jsaqqafha b'ventilazzjoni mil-ġenb u b'soqfa tal-ħġieġ ritrattabbli b'mod mekkanikament awtomatizzat u ċċertifikat minn engineer. Issa ukoll ġew stabbiliti il-wisa' tat-toroq mal-għoli tal-bini inkluż ukoll il-bini għoli ta' aktar minn għaxar sulari magħruf aħjar bħala high rise building. Qabel kienet il-prassi li bini ta' qabel l-1967 konna nieħduh bħala eżistenti pero' din ma kienet miktuba mkien. Issa ġiet stabbilita d-data ta' meta huma applikabbli dawn il-regolamenti. Saret definizzjoni ta' dak li hu abitabli u dak li mhux abitabli. Giet stabbilita ukoll x'hini u kemm trid tkun fonda sit restritta. Barra minn hekk qabel minn ma kienx jaqbel mad-deċiżjoni tal-uffiċjal tas-sanità kellu jappella quddiem il-GSB mentri issa jista jidher quddiem il-Planning Commission u jagħmel l-argumenti hemmhekk. Barra minn hekk l-applikant jista jmur ukoll quddiem it-tribunal.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid issa li ddaħlet ir-regularisation, kif se tkun applikabbli u x’inhuma l-għanijiet prinċipali? Għaliex inħass il-bżonn ta’ skema ta’ regularisation?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Il-proċedura ta' regolarizzazzjoni hija applikabbli għal ¿vilupp li huwa bla permess, li sar qabel l-2016, li jinsab fiż-żona ta' żvilupp, u li mhux konformi mal-policies tal-Awtorità tal-Ippjanar u regolamenti ta' sanità. Il-proċedura, li hija regolata minn Avviż Legali 258 tal-2016, tirrikjedi li ssir applikazzjoni minn perit u din għandha tiġi sottomessa lill-Awtorità fuq il-portal elettroniku. Inħasset il-bżonn għal din l-iskema biex jiġu solvuti problema ta’ ppjanar u sanita li kienu qed ixekklu l-bejgħ tal-propjeta b’dannu għas-sidien li kemm-il darba tkun l-unika mezz kif ikunu jistgħu jiffinanzjaw ċertu spejjeż oħra.
Parti mid-dhul tar-regularisation ser immur fil-fond tal-Urban Improvement Fund biex il-kommunitajiet ikunu jistghu jibbenifikaw.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’kienu l-effetti tad-Development Control 2015, kważi sena wara li ddaħħlet?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onor. Interpellat illi t tneddija tad-dokument ‘Development Control Design Policy Guidance and Standards 2015, DC 15’ kien pass kuraggjuz il-quddiem biex l-żvillup propost ikun wieħed ta kwalita’ u ssir enfasi akbar fuq id-disinn. Id-dokument huwa wiehed posittiv fejn il-kriterji kwalitativi qed jingħataw l-istess interpelanza fl-‘assessment’ tal-applikazzjonijiet daqs kriterji kwantitativi.
L-akbar differenza li kellu d-dokument fuq l-ipproċessar ta l-applikazzjonijiet għall-izvillup huwa l-importanza li issa qed tingħata lil kuntest. B’dan id-dokument wiehed jirikonoxxi li għalkemm nghixu go pajjiż zgħir hemm kuntesti u ambjenti differenti li jagħmlu kull lokalita’ unika. Dan inhass wara li kien rikonoxxut il-prinċipju ewlieni tal-kuntestwalità u li l- policy antikwata tal-‘one size fits all’ mhux is-soluzzjoni tajba.
Dan iffiser li issa kull applikazzjoni li tircievi l-Awtorità ta’ l-Ippjanar ma tistax tigi ezaminata wahidha izda fil-kuntest immedjat jigifieri it-triq. It triq għalhekk hija meqjusa bħala spazju importanti socjali u importanti sabiex l-ambjent urban jkun wiehed dinamiku.
Element iehor li kellu effett pozitiv huwa li għal kuntrarju għal policies ta’ qabel, id-dokument DC 15 issa għandu tlett tipi ta’ provissjonijiet; Policy/Regulation (P), Good-practive guidance (G) u Technical Standards (S). Għalkemm il-policies iridu jingħataw l-aktar sahha wieħed irid ukoll iqis li jħaddan il-prinċipju iżda fl-istess waqt jissuġerixxi soluzzjonijiet alternattivi.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm wara li fit-28 ta’ Ġunju 2015 il-gazzetti Maltatoday irrapurtat laqgħa li huwa kellu mal-Prim Ministru Svediż fejn intqal hekk: “The government is seeking “to avoid years of litigation” and reach a settlement with Swedish contractors Skanska over the state of concrete foundations laid back in the mid-1990s at Mater Dei Hospital, MaltaToday has learnt. Taking talks to a political level with Swedish Prime Minister Stefan Löfvén, Prime Minister Joseph Muscat has said he wants Skanska to cover a €30 million bill for the repair works that are needed to bring Mater Dei Hospital up to par”? Kemm-il laqgħa oħra kellu mal-Prim Ministru Svediż fuq din il-kwistjoni minn dakinhar sal-lum? X’passi ħa l-Prim Ministru minn dakinhar sal-lum, dettaljatament u bid-dati rispettivi, biex jindirizza din il-kwistjoni jekk tassew jemmen li kellu raġun f’dak li kien qed jiġi allegat?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Kif tħabbar fil-jiem li għaddew il-Gvern beda l-proċess legali kontra l-kumpanija Skanska, li kienet responsabbli għad-disinn u l-bini tal-Isptar Mater Dei.
Il-Gvern wasal għal din id-deċiżjoni għaliex l-isforzi kollha li saru sa issa ma wasslux għal ftehim biex jingħata kumpens.
Il-Gvern fl-ahhar xhur sab bibien maghluqa minn naha ta’ Skanska li qed issostni li l-ftehim tal-waiver li kien iffirmat mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi taht gvern precedenti fl-2009, jeżentha minn kull responsabilita.
Il-Gvern izda għandu pariri legali li bihom se jikkontesta dan il-waiver, waqt li jfittex ghad-danni lil Skanska.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28035, jista’ l-Prim Ministru jwieġeb parti mill-mistoqsija parlamentari li tirrigwardja l-Awtorità tal-Ippjanar u jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru kellux diskussjonijiet mal-Federazzjoni tad-Dilettanti tal-Ħamiem dwar id-diffikultajiet li dawn qed jiffaċċjaw biex ikunu jistgħu jkomplu bid-delizzju tagħhom, partikularment minħabba l-lofts li huma għandhom? Jekk iva, meta saru l-laqgħat u x'irriżtulta minn dawn l-istess laqgħat? X'passi ħa l-Ministeru favur dawn id-dilettanti?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lil-Onor Interpellant li s-Segretarjat Parlamentari tal-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni tal-Process Amministrattiv iltaqa ma numru ta’persuni dilettanti tal-ħamiem. Filwaqt illi s-Segretarjat Parlamentari huwa konsapevoli tad-diffikultajiet meta saru diskussjonijiet fuq il-lofts mal-Awtorita tal-Ippjanar irrizulta li stante l-inkonvenjent illi jinħoloq fir-rigward tal-girien dawn huma kkundisdrati “injury to amenity”. Għaldaqstant la huwa permissibbli u lanqas huwa l-lok li jkun hemm regolamenti f’dan ir-rigward f’dan l-stadju.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx pjan li l-iskema tal-ħwienet tiġi estiża għall-ħwienet oħra li mhumiex fil-Belt Valletta?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif kien tħabbar fl-Iskema tal-Ħwienet li kienet miftuħa għall-ħwienet tal-Belt Valletta biss bħala proġett pilota, il-Gvern għandu l-ħsieb li din l-Iskema tiġi miftuħa għall-ħwienet f’lokalitajiet oħra.
Housing Estates – xiri ta’ garaxxijiet — applikazzjonijiet
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm daħħlu applikazzjonijiet għal xiri ta’ garaxxijiet fil-Housing Estates u kemm minn dawn il-kuntratti ġew konklużi?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Iskema ta’ Bejgħ ta’ Garaxxijiet u Siti mogħtija b’Ċens biex fuqhom jinbnew garaxxijiet u li kienu jinsabu fil-Housing Estates madwar Malta u Għawdex, intefgħu 625 applikazzjoni. S’issa saru 50 kuntratt ta’ bejgħ ta’ Garaxxijiet filwaqt li madwar 300 applikazzjoni oħra waslu fill-fażi finali biex isirilhom il-kuntratt tal-bejgħ. Il-proċess ta’ verifika fuq il-kumplament tal-applikazzjonijiet qiegħed miexi wkoll.