Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' vetturi li l-pulizija ġabret kull sena, mill-1994 sa l-1998, mit-toroq ta' Santa Venera?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' vetturi li l-Pulizija neħħiet mit-toroq ta' Santa Venera fis-snin 1994, 1995, 1996, 1997 u 1998, kien ta' 9, 20, 40, 3 u 8 rispettivament.
15.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il reat li sar f'Santa Venera kien irrapportat lill-pulizija, sena b'sena, matul is-snin 1994, 1995, 1996, 1997 u 1998?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-istatistika kompjuterizzata li bdiet tinżamm minn Lulju 1997, in-numru ta' reati rrapurtati f'Santa Venera bejn Lulju u Diċembru 1997 kien ta' 106 filwaqt li bejn Jannar u Diċembru 1998 kien ta' 193.
15.03.99
Ma jaħsibx il-Ministru li wasal iż-żmien li dawk li huma magħrufa bħala bouncers u li jaħdmu f'nightclubs u postijiet oħra jkollhom liċenzja tal-pulizija biex jiġi żgurata li dawk li jagħmlu dan ix-xogħol ikunu ta' kondotta tajba u li kapaċi jagħmlu dan ix-xogħol? Membri tal-Korp tal-Pulzija jridu permess biex jagħmlu dan ix-xogħol meta ma jkunux xogħol?
Response (BORG, TONIO)
L-Att ta' l-1996 dwar Gwardjani Privati u Lokali u l-Avviżi Legali sussegwenti konnessi ma' l-imsemmi Att jipprovdu għall-ħruġ tal-liċenzji li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant.
Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi membri tal-Korp tal-Pulizija ma jistgħux jagħmlu t-tip ta' xogħol fil-postijiet msemmija jekk ma jkunux hekk ordnati uffiċjalment.
10.03.99
Jista' l-Ministru jgħid tul Frar 1999 kemm: (i) kien in-numru ta' reati kriminali rrapportati lill-pulizija u x'tip ta'reati kienu; (ii) x'kien in-numru ta'attakki bi vjolenza fuq l-anzjani u x'kienu l-etajiet ta' l-anzjani; (iii) x'kien in-numru ta' hold-ups u l-ammont ta' flus misruqa f'dawn il-hold-ups; (iv) x'kienu d-drabi li nstabet droga fil-ħabs; u (v) x'kienu l-każijiet ta' overdoses irrapportati u kemm minnhom kienu fatali?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninsab infurmat ukoll li n-numru ta' attakki vjolenti fuq l-anzjani matul Frar 1999, kien ta' 3. Kien hemm żewġ każijiet oħra ta' bodily harm fuq anzjani kawżati minn snatch and grab. L-etajiet tal-persuni nvoluti kienu ta' 61, 63, 66, 68 u 70 sena. Ta' min jgħid li r-reati taħt il-klassifikazzjoni ta' reati vjolenti kontra l-persuna jitqiesu dawk bħala bodily harm li jkopru feriti ta' natura gravi kif ukoll ta' natura ħafifa.
Dwar in-numru ta' hold ups irrapurtati lill-Pulizija matul Frar 1999, ninsab infurmat li ġew irrapurtati 4 każijiet u li l-ammont fi flus kontanti li ġew irrapurtati misruqa f'dawn il-hold ups kien ta' Lm20,607.54.
Dwar l-aħħar żewġ partijiet tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li fl-istess perijodu (Frar 1999), ġie rrappurtat lill-Pulizija każ wieħed ta' sejba ta' droga fil-Ħabs, filwaqt li n-numru ta' każijiet ta' overdose irrapurtati lill-Pulizija kien ta' 11 u li l-ebda wieħed minnhom ma kien fatali.
10.03.99
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm jiswa kuljum kull detenut fil-ħabs?
Response (BORG, TONIO)
Jekk jingħaddu s-salarji ta' l-impjegati tal-Ħabs, l-ispiża ta' l-ikel, il-ħlas lill-ħabsin li jaħdmu, l-ispejjeż għal programmi ta' riabilitazzjoni, l-ispiża tas-servizzi tas-saħħa u spejjeż oħra rikorrenti u jiġi diviż it-total bin-numru tal-medja ta' priġunieri f'kull ġurnata matul is-sena, l-ispiża tiġi madwar Lm18.72c kuljum.
10.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem il-Planning Authority bħalissa għal: (i) tibdil fin-natura ta' negozji; (ii) estenzjonijiet ta' negozji? Liema tip ta' negozju jittrattaw dawn l-applikazzjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bħalissa l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għandha quddiemha 380 applikazzjoni pendenti għal bdil fin-natura tan-negozji. I-tip ta' negozji li jittrattaw dawn l-applikazzjoni jvarjaw; fosthom l-aktar komuni hemm bdil ta' użu għall-uffiċini, snack bars, take-away, spiżeriji u hairdressers.
Ninsab infurmat ukoll li ma tinżammx statistika dwar talbiet għal estenzjonijiet speċifikament għal negozji biss.
10.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu liċenzji għal ftuh ta' negozji ġodda sena b'sena mill-1994 sa l-1998 (it-tnejn inklużi)? Ta' liema ġeneru ta' negozju kienu tali liċenzji? Kemm jeżistu liċenzji tal-pulizija għal negozji bħalissa? Ta' liema ġeneru ta' negozju huma dawn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' liċenzji għal ftuħ ta' negozji ġodda li nħarġu fis-snin 1994, 1995, 1996, 1997, 1998, kien ta' 453, 480, 542, 418 u 388 rispettivament.
Rigward it-tagħrif l-ieħor mitlub mill-Onor. Interpellant ninsab infurmat li dan hu kif jidher fiż-żewġ Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
10.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru trasferimenti ta' liċenzji ta' negozju sena b'sena fl-1994, 1995, 1996, 1997 u 1998 separatament? Kemm hemm trasferimeti ta' liċenzji pending bħalissa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' trasferimenti ta' liċenzji ta' negozju li saru fl-1994, fl-1995, fl-1996, fl-1997, u fl-1998 kien ta' 335, 438, 413, 319 u 330 rispettivament.
Ninsab infurmat ukoll li n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għal trasferimenti ta' liċenzji ta' negozju hu ta' 137.
10.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-average amount of time li tieħu biex liċenzja tal-pulizija ta' negozju tiġi trasferita minn fuq persuna għal oħra? Jista' l-Ministru jelenka l-proċedura meħtieġa għal tali trasferimenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi biex liċenzja ta' negozju tiġi trasferita minn fuq persuna għal oħra, il-persuna li f'isimha tkun il-liċenzja flimkien mall-persuna l-oħra jridu jippreżentaw f'Uffiċċju tal-Liċenzji, fid-Depot tal-Pulizija, il-Furjana, il-kopja ta' liċenzja jew liċenzji eżistenti, flimkien ma' l-irċevuta ta' ħlas valida għas-sena kurrenti li fiha jintalab it-trasferiment tal-liċenzja. Jiġu mitluba ukoll, il-proof of ownership tal-post tal-persuna li fuqha tkun ser tiġi trasferita l-liċenzja, il-karta ta' l-identita', il-biljett tas-Sigurta' Nazzjonali, kopja taċ-ċertifikat tal-V.A.T. f'isem l-applikant u fuq il-post liċenzjat, u pjanta tal-post. Jista' wkoll ikun meħtieġ ċertifikat minn persuni kwalifikati bħal electrician jew perit u dan skond il-genere tal-liċenzja. L-applikazzjoni mbagħad tiġi riferuta lid-Dipartimenti konċernati li jvarjaw skond il-genere tal-liċenzja. Wara li l-applikazzjoni tkun ġiet ikklerjata (no objections) mid-Dipartimenti, din tintbagħat fid-Distrett tal-Pulizija tal-lokal biex tinħareġ il-liċenzja.
Qabel ma jsir it-trasferiment jista' jkun il-każ li jkun meħtieġ li jintalab il-kunsens tal-ġirien f'distanza ta' għoxrin (20) metru mill-post tan-negozju. Jekk ikun hemm oġġezzjonijiet mill-ġirien, l-applikazzjoni tiġi riferuta lill-Bord tal-Pariri dwar Liċenzji tal-Pulizija u f'dan il-każ l-ipproċessar ta' l-applikazzjoni jitwaqqaf sakemm il-Bord jisma' l-ilmenti u jagħti l-pariri tiegħu. Fil-każ li l-Bord ikun tal-parir li l-liċenzja ma tingħatax, l-applikant jista' jagħmel appell quddiem it-Tribunal ta' l-Appelli dwar Liċenzji tal-Pulizija.
Għalhekk l-Onor. Interpellant jifhem li mhux faċli li wieħed jagħti żmien definit li jittieħed biex isir trasferiment ta' liċenzja ta' negozju.
10.03.99
Peress li ċertu ħwienet li jorganizzaw tours madwar Malta ġewwa Buġibba u l-Qawra qed jiġu mġiegħla jagħlqu nhar ta' Ħadd wara nofsinhar, jista' l-Ministru jikkonsidra mill-ġdid din id-deċiżjoni li jista' jkollha impatt negattiv fuq servizzi lit-turisti li jiġu jżuru pajjiżna?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet hu regolat bl-Att dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol tal-Ħwienet u tal-Bejjiegħa fit-Toroq (Kap. 155). Skond Artikolu 10(3) ta' l-imsemmi Att, il-Ministru responsabbli għax-xogħol jista' jagħmel regolamenti li bihom jeżenta l-ħwienet kollha jew xi kategorija minnhom, li jinsabu f'lokalita' turistika, fost affarijiet oħra mill-provvedimenti dwar il-ħinijiet ta' l-għeluq.
Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
10.03.99
Ministeru ta' l-Intern — Linji diretti tat-telephones
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu fil-ministeru kif ukoll fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, dipartiment b'dipartiment, linji diretti tat-telephones b'aċċess għal telefonati diretti għal barra minn Malta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
09.03.99
Jista' l-Ministru jgħid xahar b'xahar minn Settembru 1998 sa Jannar 1999 kemm kellhom jieħdu flus ta' extra duty membri tal-Korp tal-Pulizija? Liema huma dawk l-għaqdiet/kumpanniji eċċ li ilhom ma jħallsu għal xogħol extra li sar wara talba tagħhom stess? X'inhu l-ammont f'kull każ? Ittieħdu xi passi biex dawn il-flus jinġabru?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ammont ta' flus ta' extra duty maħdum minn membri tal-Korp tal-Pulizija fuq talba ta' terzi matul ix-xhur speċifikati fil-Mistoqsija kien kif ġej : -
Ammont / Lm
------------
1998 Settembru 43,530
Ottubru 51,425
Novembru 40,877
Diċembru 38,034
1999 Jannar 27,253
Ninsab infurmat ukoll illi l-għaqdiet/kumpaniji eċċ li għandhom kontijiet pendenti dwar servizzi mitluba minnhom mill-Pulizija u l-ammonti dovuti, huma kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi l-kontijiet kif ukoll reminders għal ħlas ta' dawn is-servizzi jintbagħtu regolarment.
09.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm tkeċċew barranin mill-qrati Maltin, xahar b'xahar, minn Settembru 1998 sa Jannar 1999 talli: (1) daħlu fil-pajjiż mingħajr permess; (2) talli qagħdu f'Malta aktar milli kien jippermetti l-permess mogħti lilhom; (3) talli nqabdu jaħdmu mingħajr permess; (4) għal xi raġuni oħra; u (5) ta' liema nazzjonalita' huma?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-dettalji mitluba mill-Onor. Interpellant huma kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
09.03.99
Jista' l-Ministru ġentilment jappunta laqgħa tal-Control Commitee bejn il-Gvern u l-Kurja sabiex issir kontinwazzjoni tal-kas 290/96 u oħrajn bħalu sabiex ikun hemm deċiżjoni finali dwar fejn se jitħallas il-pagament tax-xiri ta' l-art?
Peress li dawn l-anzjani in kwestjoni ilhom aktar minn 20 sena mdendla, jista' l-Ministru jirrimedja fil-proċeduri neċessarji?
Response (BORG, TONIO)
Il-proposti għal qbil dwar kif għandu jsir ħlas ta' kumpens f'każ ta' art tal-Knisja okkupata illegalment għandhom jifformaw parti minn pakkett sħiħ ta' punti li jiġu miftehma bejn il-Gvern u l-Awtorita' Ekklesjastika'. Għalhekk l-ebda laqgħa waħda tal-Control Committee ma tista' ssolvi din il-problema. Nixtieq inżid li sar progress mhux żgħir dwar qbil fuq dan il-pakkett ta' proposti.
09.03.99
Jista' l-Ministru jgħid minn Settembru 1998 x'kien in-numru ta' pulizija li telqu mill-Korp, xahar b'xahar? F'liema ranks kienu l-pulizija li telqu? Kemm minnhom kellhom diġa' 25 sena servizz?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li minn Settembru 1998 sa Frar 1999, in-numru ta' membri li telqu mill-Korp, xahar b'xahar, u l-grad tagħhom kien kif ġej : -
1998 1999
Grad Settembru Ottubru Novembru Diċembru Jannar Frar
Spettur - - - - - 1
Surġent 1 - - - - 2
Kuntistabbli 2 3 3 - 2 -
Ninsab infurmat ukoll li n-numru ta' membri minn dawn, li kellhom diġa' 25 sena servizz kien ta' 5 (3 Surġenti u 2 Kuntistabbli).
09.03.99
Peress li Ħal-Lija, li bħala parroċċa tinkludi wkoll lill-Iklin, m'għandhiex għassa tal-pulizija, jista' l-Ministru jistudja l-possibbilta' li jinstab post biex tinfetah għassa? Jaf il-Ministru li l-eqreb għassa hi dik ta' Ħal Balzan u li ma tkunx miftuha fuq bażi regolari?
Response (BORG, TONIO)
Is-suġġeriment tal-Onor. Interpellant ser jiġi kkunsidrat. Infurmat ukoll illi l-għassa tal-Pulizija ta' Ħal Balzan tkun miftuħa regolarment.
09.03.99
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-persuna li ngħatat il-promozzjoni ta' Maġġura fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin, li isimha qed jintbagħat separatament, mhijiex qegħda tagħmel xogħol relatat mal-promozzjoni msemmija u dan peress li din qegħda fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin bħala skrivana u saħansitra qegħda tirrifjuta li tmur lura fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant mhux talli mhux qed tirrifjuta li tmur lura fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin talli fil-fatt bdiet taqdi d-doveri tagħha fil-Faċilita' fl-1 ta' Marzu ta' din is-sena.
Ninsab infurmat ukoll li din il-persuna, flimkien ma' oħrjan li għaddew mill-interview għal post ta' Senior Correctional Officer, ser jingħataw il-ħatra fil-ġranet li ġejjien.
09.03.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex permess li pulizija tal-SAG ikollu kumpannija li tipprovdi s-servizz ta' 24 hours towing service? Hemm pulizija li talbu li huma jew marthom ikollhom kumpannija tat-towing service? Ingħataw permess?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi xogħol u investiment privat minn impjegati fis-settur pubbliku, inkluż il-membri tal-Korp tal-Pulizija, huwa rregolat bl-Estacode. Ninsab infurmat ukoll illi l-Pulizija ma kellha ebda talba bħal dik li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant fil-Mistoqsija tiegħu.
08.03.99
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet dwar il-hold-up li sar fl-10 ta' Frar, 1998 f'nru. 8, Freemond Str, Qormi? Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu l-proċeduri dwar dan il-każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant hu suġġett ta' inkjesta Maġisterjali u li l-investigazzjonijiet dwaru għadhom għaddejjin. Għaldaqstant ma nħossx li hu opportun li tingħata xi nformazzjoni dwar dan il-każ f'dan l-istadju.
08.03.99
In vista tal-fatt li l-Forti San Tumas f'Wied il-Għajn issa jinsab f'idejn l-awtoritajiet kompetenti, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba bediex isir xi xogħol fl-intern u fl-estern ta' l-istess?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 3682 u Nru. 4317, nitolbu biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
08.03.99