Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizz tat-trasport pubbliku – rotta bejn is-Swieqi u l-Gżira

Question

B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5860, jista’ l-Ministru jgħid meta se jintlaħaq il-ftehim bejn il-Gvern u l-operatur tat-trasport pubbliku dwar it-tibdil fir-rotot u l-frekwenzi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tibdil fir-rotot u l-frekwenzi se jiġu diskussi mal-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku meta dan jintgħażel wara l-proċess ta’ ħruġ t’espressjoni t’interess.

Bord ta’ Transport Malta — Membru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk membru fil-Bord ta' Transport Malta huwiex wkoll shareholder kif wkoll direttur ta' kumpanija li tieħu ħsieb it-Theory Test Centre tal-Liċenzji fi ħdan l-istess Transport Malta? Jista’ jikkonferma li l-istess persuna kien involut f'audit li sar reċentement fuq is-sistemi tal-IT ta' Trasport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membru tal-Bord imsemmi minnu kien iddikjara l-interess tiegħu fil-kumpanija li tmexxi t-Theory Test Centre fl-ewwel laqgħa tal-Bord tad-Diretturi ta’ Transport Malta. Infurmat ukoll li dan l-istees membru m’għadx għandu interess la bħala direttur u lanqas bħala shareholder fil-kumpanija msemmija.

Road Maintenance Unit

Question

Peress li f'April li għadda l-Ministru qal li l-Gvern se jkun qed iwaqqaf Road Maintenance Unit, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-unit ingħatatx il-backing staff neċessarju biex ħofor u ħsarat oħra f' diversi toroq jiġu rranġati b'mod immedjat però mhux iżjed tard minn 24 siegħa min meta tinqala’ tali ħsara?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Maintenance Monitoring Unit twaqqfet sabiex tinnota u tiġbor rapporti tal-ħsarat relatati mat-toroq, liema rapporti jiġu mgħoddija lill-entitajiet rispettivi. Dawk il-ħsarat li jkun jeħtiegu intervent mhux daqshekk immedjat qiegħdin jiġu ndirizzati fl-anqas ħin possibli. Dawk meqjusa perikolużi, l-intervent isir fi żmien 24 siegħa b'kollaborazzjoni mall-Project Implementation Directorate, Transport Malta u l-MSD, jiddependi n-natura tax-xogħol.

Servizz tat-trasport pubbliku – overtime lill-ħaddiema

Question

Fit-28 ta' Novembru 2013, b'ittri kbar fl-ewwel faċċata ta’ gazzetta lokali tħabbar li l-ħaddiema tal-Arriva kienu għamlu rebħa kbira għaliex kienu se jibqgħu/ jibdew jitħallsu paga tripla fil-jiem tal-festi pubbliċi, Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-ħaddiema fil-fatt irċevewx il-paga tagħhom tripla fil-festi li kien hemm bejn it-28 ta' Novembru 2013 u l-jum li fih l-Arriva għaddiet għand il-Gvern ta' Malta (amministrata minn kumpanija mwaqqfa apposta) kif ukoll minn dakinhar li l-Arriva għaddiet għand il-Gvern ta' Malta? Jista' jagħti tagħrif dwar liema huma l-festi pubbliċi nklużi f'dan il-ftehim, u jekk il-Ħdud humiex ukoll parti mill-istess ftehim?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiema rċievew ħlas triplu għall-festi pubbliċi kollha fis-sena 2013 li ħabtu mit-Tnejn sal-Ġimgħa, inkluż dawk li kien hemm bejn it-28 ta’ Novembru 2013 u l-jum li fih l-Arriva Malta Ltd għaddiet għand il-Gvern. Dan il-ħlas sar skont il-ftehim li l-Arriva Malta Ltd għamlet mal-General Workers Union fit-23 t’April 2013. Infurmat ukoll li mit-2 ta’ Jannar 2014, li hija d-data minn meta l-Arriva Malta Ltd għaddiet għand il-Gvern, ma kien hemm l-ebda festa pubblika.

Għawdex – trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm vetturi jaħdmu fuq l-iskeda tat-trasport pubbliku f’ Għawdex (ex-Arriva)? X’ tip ta’ vetturi huma dawn u kemm hi s-seating capacity ta’ kull vettura? Meta hi d-data tal-manifattura ta’ kull vettura li taħdem f’Għawdex?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li n-numru ta’ vetturi li jaħdmu fuq l-iskeda tat-trasport pubbliku f’Għawdex huwa ta’ 12, fejn 10 vetturi jintużaw fuq is-servizz tat-trasport pubbliku u 2 vetturi oħra jinżammu bħala vetturi addizzjonali. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li jindika is-seating capacity, it-tip ta’ vettura kif ukoll id-data tal-manifattura tat-12-il vettura li hemm allokati ġewwa Għawdex.

Għawdex – trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati (ex-Arriva) mal-kumpanija li issa qed tħaddem it-trasport pubbliku f’ Għawdex? F’liema gradi huma impjegati dawn il-ħaddiema?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bil-ftehim li ntlaħaq bejn il-Gvern u l-Arriva Group, l-ishma tal-kumpanija li kienet topera t-trasport pubbliku f’Malta, jiġifieri l-Arriva Malta Ltd, għaddew f’ idejn il-Gvern u l-isem tal-kumpanija inbidel f’Malta Public Transport Services (Operations Ltd). B’ hekk il-ħaddiema li kienu impjegati ma’ din il-kumpanija għadhom impjegati mal-istess kumpanija b’ isem differenti. B’ kollox f’Għawdex hemm 44 ħaddiem maqsumin fil-kategoriji hekk kif muri fit-tabella t’hawn taħt: Full Time Part Time Total Xufiera 33 33 Kummerċjali 1 1 Operations 9 9 Engineering 1 1 43 1 44

Operaturi tat-trasport pubbliku — tenders

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li toħroġ is-sejħa għall-interess/tender biex ikun hemm operatur tat-trasport pubbliku li jibda jipprovdi servizz ta’ trasport pubbliku? Jista’ jagħti tagħrif dwar fuq liema skedi ta’ trasport hu mistenni li jibda joffri s-servizz minn jibda jagħti dan l-istess servizz? Kemm se jdum il-perjodu tat-tendering, u meta mistenni li jiġi konkluż?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-interess mistennija toħroġ fil-ġranet li ġejjin u għaldaqstant kull informazzjoni dwarha għandha tingħata aktar ‘il quddiem. Din is-sejħa se tinkludi r-rotot il-ġodda li bihom għandu jopera l-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku.

Operaturi tas-servizz tat-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li saru jew mistenni li jsiru laqgħat ma’ operaturi lokali biex jipprovdu s-servizz ta’ trasport pubbliku? Jekk iva, jista’ jagħti tagħrif dwar min minn naħa ta’ Trasport Malta jew tal-Ministeru ħa sehem f’dawn l-istess laqgħat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li nikkonferma li saru diversi laqgħat inizjali ma’ kull min talab u wera interess sabiex jipprovdi servizz ta’ trasport pubbliku.

Tmexxija tat-trasport pubbliku mill-Gvern

Question

Issa li s-servizz ta’ trasport pubbliku għadda taħt it-tmexxija tal-Gvern Malti, jista’ l-Ministru jagħti t-tagħrif dwar kemm kien in-numru ta’ passiġġiera li nġarru matul dan il-perijodu ta’ żmien minn meta ħa over l-Gvern, kemm kien in-numru ta’ persuni li nġarru mill-karozzi tal-Unscheduled bus service u minn liema destinazzjonijiet operaw dawn l-istess karozzi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba l-fatt li l-coaches ta’ l-Unscheduled Bus Service mhumiex mgħammra b’apparat ta’ ticketing machines u automatic passenger counter units, ma jistax jiġi pprovdut l-ammont attwali ta’ passiġġieri li nġarru fuqhom. Madankollu, fuq estimi li saru mill-Malta Public Transport Services Ltd jirriżulta li bejn it-2 ta’ Jannar u is-16 ta’ Jannar 2014, inġarru madwar 1,070,000 passiġġieri li minnhom huwa stmat li 75,000 inġarru permezz tal-coaches tal-Unscheduled Bus Service. Infurmat ukoll li l-coaches tal-Unscheduled Bus Service kienu qed joperaw fl-istess perjodu mit-Tnejn sas-Sibt fuq dawn ir-rotot: Rotta Destinazzjoni Destinazzjoni Minn Lejn 109 Bahrija Dar tal-Providenza 110 Marsa P&R Sliema 136 Birkirkara Gharghur 201 Airport Rabat 226 Mater Dei Santa Lucija X2 Sliema Airport X3 Bugibba Airport X4A Valletta Birzebbugia X4 Valletta Birzebbugia X5 Valletta Marsaskala X7 Valletta Birgu 101 Cirkewwa Golden Bay 102 Cirkewwa Golden Bay 401 Bugibba Wardija 123 Mater Dei Castille 132 Floriana P&R Castille

Trasport pubbliku — agreement mal-Arriva

Question

Jista' l-Ministru jippubblika l-agreement li għamel mal-Kumpanija Arriva fuq t-trasport pubbliku u b'liema kundizzjonijiet dawn se jgħaddu dan s-settur lura lill-Gvern Malti?

Response (MIZZI, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-agreement li sar mal-Kumpanija Arriva.

Servizz tat-trasport pubbliku – Plan B

Question

B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5622, jista’ l-Ministru jgħid x'inhu Plan B la dan l-pjan imur oltre dak li hemm stipulat fil-kuntratt?

Response (MIZZI, JOE)

Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jagħmel ir-rwol tiegħu bħala l-kelliem tal-Oppożizzjoni f’dan il-qasam b’mod effiċċjenti, diġa għandu risposta għal din il-mistoqsija fl-isfond tal-iżviluppi li seħħew dan l-aħħar għal dak li jirrigwarda s-servizz tat-trasport pubbliku. Huwa tassew inkwetanti li l-Onorevoli Interpellant li jaspira li jagħti kontribut f’dan il-qasam, ma ndunax bit-tibdiliet li seħħew riċentament.

L-Imqabba – Sqaq Buħar fi Triq il-Parroċċa – tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta' tarmak fi Sqaq Buħar f'Triq il-Parroċċa, l-Imqabba, hux inkluż fil-program ta' xogħlijiet ta' resurfacing ta' Transport Malta għax jinsab fi stat perikoluż? Meta se jibda u jispiċċa x-xogħol? Kemm hi l-istima ta' dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Sqaq Buħar f'Triq il-Parroċċa, l-Imqabba hija triq rurali li mhix parti mill-iskema tal-MEPA u għaldaqstant ma taqax taħt ir-responsabbilta` ta’ Transport Malta, anke minħabba l-fatt li dan l-isqaq huwa diġa asfaltat.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — Lista ta' direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ direct orders kollha li ngħataw mill-Ministeru mid-9 ta’ Marzu 2013 sad-9 ta’ Jannar 2014?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, nirreferiha ukoll għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7046 fejn ġiet ippubblikata lista sħiħa ta’ Direct Orders li ingħataw mill-Ministeru tiegħi u l-entitajiet fi ħdanu minn Settembru 1998 sat- 8 ta’ Marzu 2013. Liema informazzjoni qiegħda wkoll terġa titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Trasport pubbliku – servizz miċ-Ċirkewwa

Question

Peress li t-trasport pubbliku (dak li jikkonċerna l-karozzi tal-linja) qed jiġi amministrat minn kumpanija ġdida tal-Gvern, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif se jiġi assigurat li l-karozzi li jaħdmu miċ-Ċirkewwa u lura jkunu fil-post fil-ħin tal-wasla u t-tluq tal-vapur ta' Għawdex?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi waqt it-tfassil tar-rotot u l-iskedi l-ġodda tat-trasport pubbliku ttieħdu in konsiderazzjoni l-iskedi tal-vapur t’Għawdex. Dan sabiex jiġi żgurat illi l-iskedi tat-trasport pubbliku jkunu mfassla b’tali mod illi jikkonċidu ma’ dawk tal-vapur u b’hekk jiġi minimizzat l-inkonvenjent għall-pubbliku li jkun irid jagħmel użu minn dan is-servizz. Infurmat ukoll li l-operatur tat-trasport pubbliku huwa impenjat li jtejjeb l-komunikazzjoni mal-operatur tal-vapur t’Għawdex bil-għan li l-iskedi tagħhom jikkonċidu ma’ dawk tat-trasport pubbliku. L-informazzjoni ta’ kif ser ikunu qegħdin joperaw ir-rotot minn u lejn iċ-Ċirkewwa ser jiġu mħabbra aktar il-quddiem meta jitħabbru r-rotot u l-iskedi l-ġodda.

Billboards

Question

Peress illi l-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura ddikjara kemm-il darba pubblikament illi permezz ta’ Transport Malta se jagħti prijorità lis-sigurtà fuq it-toroq, jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jieħu jew se jieħu fir-rigward tal-billboards li l-Gvern Laburista tella’ dan l-aħħar biex jirreklema l-baġit jekk jinsab li dawn ittellgħu bi ksur tal-Guidelines of the Safe Placing of Billboards li jinsabu fl-iskeda tal-Avviż Legali 368 tal-2004?

Response (MIZZI, JOE)

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 6263, Transport Malta ser tistenna lill-Onorevoli Interpellant sabiex jgħidilna fejn jinsabu dawn il-billboards tal-baġit li għalihom qed jirreferi. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern preżenti sa mill-bidu nett ħa ħsieb li jagħti prijorita’ lis-sigurta’ fuq it-toroq tagħna u hija ferm inkwetanti li l-istess interpellant mhux konxju ta’ dak kollu li qiegħed isir f’dan il-qasam.

Coaches minflok articulated buses – apparat ta’ sigurtà

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsijiet parlamentari 4642 u 5612, jista’ l-Ministru jagħti raġuni għaliex ma jridx jagħti l-informazzjoni mitluba? Il-Ministru ma jaqbilx illi din l-informazzjoni hija fl-interess tal-poplu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onore. Interpellant li fl-isfond tal-iżviluppi li kien hemm dan l-aħħar f’dak li jirrigwarda s-servizz tat-trasport pubbliku, m’għandi xejn iktar x’inżid ma’ dak li diġa ntqal.

articulated buses — Rapporti tekniċi

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5611, jista’ l-Ministru jagħti raġuni għaliex ma jridx jagħti l-informazzjoni mitluba? Il-Ministru ma jaqbilx illi din l-informazzjoni hija fl-interess tal-poplu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant m’għandi xejn iktar x’inżid ma’ dak li diġà ntqal fuq dan is-suġġett.

Coaches minflok articulated buses – apparat ta’ sigurtà

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5612, jista’ l-Ministru jagħti raġuni għaliex ma jridx jagħti l-informazzjoni mitluba? Il-Ministru ma jaqbilx illi din l-informazzjoni hija fl-interess tal-poplu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-isfond tal-iżviluppi li kien hemm dan l-aħħar f’dak li jirrigwarda s-servizz tat-trasport pubbliku, m’għandi xejn iktar x’inżid ma’ dak li diġa ntqal.

San Pawl il-Baħar – rotot tal-karozzi tal-linja

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4695, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kopja tal-polza li qed jagħmel referenza għaliha fir-risposta tiegħu? Meta se tiġi konkluża r-reviżjoni tal-polza eżistenti? Id-diversi stakeholders involuti, bħall-kunsilli lokali, il-komunità kummerċjali ta’ kull lokalità, eċċ., ġew ikkonsultati? X'kien il-feedback tagħhom?

Response (MIZZI, JOE)

L-Onorevoli Interpellant iħobb jagħmel referenza għall-kliem li jien ma nkunx għidt jew għall-affarijiet li jkunux saru. Dan ma nafx jagħmlux bi żvista u għalhekk ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 4695 ma ssemmiet l-ebda polza. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jikkjarifika l-mistoqsija tiegħu.

Residential Parking Scheme

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ġiet sospiża r-Residential Parking Scheme minn diversi lokalitajiet qabel il-Ministru lesta r-reviżjoni tal-polza eżistenti?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li kien hemm tlett parking schemes li ġew sospiżi din is-sena fil-lokalitajiet ta’ San Pawl il-Baħar, f’Tas-Sliema u fin-Naxxar. L-iskema li ġiet introdotta f’parti mix-xatt ta’ San Pawl il-Baħar ġiet sospiża għax ma kinitx approvata. L-iskema li ġiet introdotta fiż-żoni residenzjali tas-Sliema ġiet sospiża għax irriżulta li din ġiet inkluża skont avviż legali mingħajr ma sar il-perjodu ta’ prova hekk kif kien stipulat fl-approvazzjoni oriġinali, għax ma kienx hemm qbil mal-entitajiet kollha skont l-approvazzjoni oriġinali, u għax tali skema ġiet implimentata snin wara li kienu nħarġu l-approvazzjonijiet oriġinali fis-snin 2006 u 2008 fejn tali approvazzjonijiet kienu bbażati fuq studji li m’għadhomx applikabbali għax-xenarju tat-traffiku li hemm f’tas-Sliema illum il-ġurnata. L-iskema li ġiet introdotta fin-Naxxar ma ġietx ikkonfermata bħala permanenti għax fil-perjodu ta’ prova rriżulta li kien hemm oġġezzjonijiet mir-residenti u mill-entitajiet kummerċjali, għaldaqstant il-kundizzjoni tal-permess għal perjodu ta’ prova, li tgħid li jrid ikun hemm tali qbil, ma ġietx sodisfatta.