Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #10642 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Tneħħija ta' wires

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għall-ittra li qiegħda tintbagħat separatament il-persuna għadha ma kellhiex r-rispons rikjest fl-ittra? Għaliex wara dikjarazzjoni mill-perit li qiegħda ssir ħsara fil-binja, il-Enemalta injorat għal kollox din it-talba u l-wires baqgħu ma tneħħewx? Meta sejjer jitwettaq ix-xogħol?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li minn investigazzjonijiet preliminari li għamlet il-Korporazzjoni Enemalta ma jirriżultax li hemm xogħol li mhux skond is-sengħa u li qiegħed jikkawża xi ħsara. Madankollu l-perit tal-Korporazzjoni għandu jagħmel investigazzjoni aktar profonda.
Leg 9 PQ #10667 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ajruplani RJ70

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 9334, jista' l-Ministru jgħid x'hemm kummerċjali billi jgħid jekk saritx jew le inkjesta dwar ix-xiri ta' ajruplani RJ70's?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nixtieq infakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-ajruplani msemmija fil-mistoqsija tiegħu kienu nxtraw qabel l-1996. Naħseb li kieku l-materja ma kienitx waħda ta' natura kummerċjali, l-Gvern Laburista ta' bejn l-1996 u l-1998 kien ikollu ċ-ċans kollu li jippubblika kull informazzjoni dwar is-suġġett.
Leg 9 PQ #10668 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Tarxien — Hompesch Steel Co. Ltd

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6006 (Seduta Nru.83), jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi dwar il-possibbilta' li l-Hompesch Steel Co. Ltd tiġi trasferita? Jista' l-Ministru jgħid jekk waslux l-ministeru jew f'xi dipartiment jew entita' oħra li tinsab fid-dekasteru tiegħu, ilmenti dwar din l-istess kumpannija?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ma għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 6006 li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #10674 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Kontijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm damu ma joħorġu kontijiet tad-dawl u l-ilma, wara li dawn għolew, taħt it-tmexxija preċedenti Laburista?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ħarġet l-ewwel kontijiet bit-tariffi kif imħabbra fl-estimi għall-1998 għall-aħħar ġimgħa ta' Mejju 1998.
Leg 9 PQ #10687 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MIA — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ li l-passes li jintlibsu mill-membri fl-MIA fejn, per eżempju, telephone operators qegħdin jiġu mġiegħla mill-manager (security) li jmorru jiġbru l-pass mingħand l-uffiċċju tas-security biex ikunu jistgħu jidhru fl-arrivals u fid-departures fir-restrictred area A u B u li wara dawn qegħdin jiġu mġiegħla jirritornaw il-pass lura għand il-manager biex jiġu mitfugħin fil-kexxun? Il-Ministru ma jarax li b'dan l-aġir hemm l-possibbilta' li dawn il-passes, għal area sensittiva, hemm mitfugħha f'kexxun jistgħu jiġu abbużati minn terzi li m'għandhom qatt jużaw dawn il-passes personali?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-passes tat-Telephone Operators li għalihom qed issir riferenza ġew mogħtija lura lill-persuni kkonċernati. Dawn il-passes kienu nżammu bħala miżura temporanja ta' sigurta'.
Leg 9 PQ #10706 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: LOUIS BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Prezzijiet taż-żejt

Question

Jista' l-Ministru jindika lill-Kamra l-prezzijiet ta' kemm inxtara ż-żejt f'kull transazzjoni li saret tul l-1998 u l-1999?

Response (BONNICI, JOSEF)

Peress li jeżistu diversi tipi ta' żejt, nitlob lill-Onorevoli Interpellant ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.
Leg 9 PQ #9371 Sitting 162 1999-10-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ħobża tradizzjonali Maltija

Question

Peress li l-ħobża tradizzjonali Maltija ssir bil-qamħ Amerikan u li bi sħubija sħiħa ta' Malta fl-UE l-importazzjoni f'pajjiżna ta' din il-materja prima tkun suġġett għal-levy, jista' l-Ministru jgħid kemm se tkun din il-levy fuq dan il-qamħ importat mill-Amerika?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-ħobż tal-Malti qiegħed, preżentament, jinħadem minn taħlita ta' qamħ li tinkludi perċentwali għolja ta' qamħ hekk imsejjaħ 'iebes' li bħalissa qed jiġi impurtat mill-istati Uniti tal-Amerka. Din it-taħlita ta' qamħ tirrifletti sitwazzjoni tal-mument iżda mhux l-unika taħlita li biha jista' jinħadem il-ħobż tal-Malti. Biżżejjed wieħed jiftakar li 'tradizzjonalment' (qabel it-tieni gwerra) il-ħobż Malti kien jitħaddem esklusivament minn qamħ impurtat minn Sqallija u minn postijiet oħra fil-Mediterran. Wieħed jeħtieġ ukoll isemmi li l-Organizzazzjoni għall-Kummerċ Dinji (World Trade Organisation) qiegħda taħdem sabiex il-liberallizzazzjoni fil-kummerċ tiġi estiża ukoll għall-prodotti agrikoli, filwaqt li l-istess Unjoni Ewropea qiegħda tirrevedi il-politika agrikola tagħha. minħabba f'dawn id-diversi kunsiderazzjonijiet, għadu kmieni wisq sabiex wieħed jantiċipa jekk u kemm ser titħallas taxxa tal-importazzjoni fuq qamħ għall-produzzjoni tal-ħobż.
Leg 9 PQ #9372 Sitting 162 1999-10-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Industrija taċ-ċikkulata — Laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat ma' l-Industrija taċ-Ċikkulata, gallettini u ħlewwiet sabiex jiġi spjegat lilhom kemm se togħla l-materja prima bħaz-zokkor, trab tal-ħalib, eċċ wara li jispiċċaw l-inċentivi ta' sussidji li din l-industrija lokali għandha fuq materja prima mportata mill-pajjiżi ta' l-UE? Jista' l-Ministru jgħid kif se taffettwa l-levy il-ġdida li l-gvern se jkollu jimponi fuq din il-materja prima kemm-il darba l-industrija lokali timporta mill-pajjiżi li ma jkunux membri ta' l-UE?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-Gvern kellhu ħafna laqgħat mal-Korpi Kostitwiti li jirrapreżentaw is-settur industrijali f'Malta iżda dawn il-lagħat kienu ta' xeħta ġenerali b'diskussjoni li tolqot firxa wiesgħa tal-industrija f'pajjiżna. Fil-mistoqsija tiegħu, l-Onorevoli Interpellant irrefera speċifikament għall-produzzjoni ta' ċikkulata, ta' ħlewwiet u ta' gallettini. Fil-verita il-produzzjoni ta' ċikkulata f'Malta llum hija minima għall-aħħar bi ftit produzzjoni biss marbuta ma żmien il-Għid. Ta' daqs żgħir ukoll il-produzzjoni ta' ħlewwiet, tip il-perlini. Iktar sostanzjali il-produzzjoni ta' gallettini li tinkludi ukoll ammont sinifikattiv ta' esportazzjoni. F'dan il-każ, is-sħubija fl-Unjoni Ewropeja mistennija iġġib opportunitajiet ġodda għall-esportazzjoni lejn is-suq Ewropew.
Leg 9 PQ #9393 Sitting 162 1999-10-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Rabat — Triq Gusmana Navarra - Dawl

Question

Peress li r-residenti anzjani fi Triq Gusmana Navarra, Rabat jilmentaw mid-dlam li fiha din it-triq, jista' l-Ministru jara li tiżdied bozza u jiżdied il-vultaġġ tal-bozza eżistenti? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (BONNICI, JOSEF)

Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 2744. It-talba sabiex jiżdied id-dawl fl-imsemmija triq qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
Leg 9 PQ #10087 Sitting 162 1999-10-20 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Fabbriki

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm infetħu fabbriki ġodda u/jew espandew din is-sena u kemm impjegaw nies dawk li fetħu u kemm impjegaw nies ġodda dawk li espandew?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li matul din is-sena seba` kumpaniji ġodda bdew l-operat tagħhom. Tnejn minn dawn il-kumpaniji assumew l-operat ta` kumpaniji oħra. Dawn is-seba` kumpaniji bejniethom jimpjegaw 209 persuni. Bejn Jannar u Ġunju ta` din is-sena, 71 kumpanija żiedu n-numru ta` ħaddiema. It-total ta` ħaddiema ġodda f`dawn l-ażjendi kien ta` 464. Tajjeb jingħad ukoll li matul l-istess perijodu 132 ażjenda għamlu nvestiment ġdid f`impjant u makkinarju. Dan l-investiment kien jammonta għal Lm17,710,929.
Leg 9 PQ #9370 Sitting 161 1999-10-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

GRTU/FOI/Unions/Chamber of Commerce — Laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat mal-GRTU, l-FOI, Unions, Chamber of Commerce eċċ, sabiex il-gvern jispjega l-vantaġġi u żvantaġġi tal-Integrated Tariffs of the European Communities, it-TARIC? Meta saru dawn il-laqgħat? X'rapporti ġew ippreżentati min-naħa tal-gvern jew il-ministri dwar dawn it-tariffi ġodda li jridu jiddaħħlu f'pajjiżna fil-kummerċ li jsir mal-kontinenti l-oħra tad-dinja?

Response (BONNICI, JOSEF)

Minn żmien għall-ieħor, il-Gvern ikollu diversi laqgħat mal-korpi kostitwiti, kemm f'daqqa taħt il-kappa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku kif ukoll fuq bażi individwali. Normali li dawn il-laqgħat jolqtu diversi suġġetti inkluż dak tal-'Common External Tariffs' applikati mill-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea; anki jekk qatt ma ssejjħet laqgħa esklussivament dwar dan is-suġġett. Il-Gvern konxju mill-fatt li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea iġġib magħha numru ta' konsiderazzjonijiet li l-Korpi kostitwiti jeħtiġielhom jeżaminaw bir-reqqa sabiex ikunu fl-aħjar pożizzjoni li jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet ġodda li l-isħubija fl-Unjoni Ewropea timplika. Ix-xewqa tal-Gvern li jgħin lill-Korpi Kostitwiti jinfurmaw u jaġġornaw ruħhom dwar l-Unjoni Ewropea mingħajr indħil bla bżonn minn naħa ta' l-istess Gvern. Għalhekk l-għajnuna mħabbra sabiex il-Korpi Kostitwiti itejjbu l-aċċess dirett tagħhom għall-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea inkluż, fejn hemm bżonn, rappreżentanza tagħhom fi Brussels.
Leg 9 PQ #10333 Sitting 161 1999-10-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Arloġġ ta' l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għadha ma neħħitx l-arloġġ ta' l-ilma tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, li fl-14 ta' Novembru, 1997 applika biex ineħħi s-servizz ta' l-ilma minn ġol-garaxx li jinsab fl-indirizz li qiegħed jintbagħat ukoll separatament u baqgħu jibgħatulu l-kontijiet f'dawn l-aħħar sentejn?

Response (BONNICI, JOSEF)

Is-servizz tat-tneħħija tal-meter mill-indirizz indikat sar fil-15 ta' Ottubru 1999. Il-korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kienet kostretta li tati priorita għall-bdil u nstallazzjoni ġodda ta' servizzi ta' l-ilma u għal xi żmien kien inġabar backlog ta' talbiet għat-tneħħija ta' meters. Din id-deċiżjoni kellha tittieħed minħabba ż-żieda qawwija tad-domanda għall-bdil tas-servizz. Din id-domanda baqgħet konstantament tiżdied minn mindu l-ħlas tal-bdil ta' dan is-servizz ġie nkorporat fis-service charge tal-kont ta' l-ilma u dawl. Madankollu l-Korporazzjoni issa ħadet ħsieb li taqdi d-domanda tat-tneħħija ta' l-arloġġi ta' l-ilma permezz ta' kuntratturi privati approvati mill-istess Korporazzjoni.
Leg 9 PQ #9339 Sitting 160 1999-10-19 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ċanga friska — Importazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid huwiex minnu li kien Gvern Nazzjonalista li neħħa 90% tal-levy ta' protezzjoni fuq ċanga friska mpurtata u mhux gvern preċedenti Laburista? Jista' l-Ministru jgħid meta l-gvern preċedenti Laburista ressaq l-emendi għall-avviż legali konċernat u meta warrab dan il-prinċipju tal-liġi li tipproteġi l-industrija lokali Gvern Nazzjonalista?

Response (BONNICI, JOSEF)

Kuntrarjament għal dak li qed jingħad fl-ewwel parti tal-Mistoqsija, ma tneħħiet jew tnaqqset ebda levy ta' protezzjoni fuq ċanga friska. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, nippresumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-beffburgers. Tajjeb jingħad li l-Abbozz ta' Liġi li għalih qed issir riferenza kien tressaq għall-ewwel qari fis-Seduta Parlamentari tal-25 ta' Mejju 1998 iżda sar legalment invalidu max-xoljiment tal-Parlament fil-31 ta' Awwissu 1999.
Leg 9 PQ #10509 Sitting 160 1999-10-19 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Boreholes

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm instabu boreholes li ġew imħaffra b'mod illegali f'dawn l-aħħar tnax-il xahar? Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri qed tieħu l-Korporazzjoni għas-servizzi ta' l-Ilma sabiex trażżan it-tħaffir tal-boreholes massiċ li qiegħed isir bħalissa fil-gżejjer Maltin?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li matul dawn l-aħħar tnax-il xahar, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma nvestigat tnejn u tletin (32) każ ta' boreholes illegali li ġew irrappurtati f'Malta u Għawdex. Minn dawn, sitta li kienu konfermati bħala każi ta' boreholes illegali, ittieħdu passi legali dwarhom. Sa llum, kull rapport ta' borehole illegali jiġi nvestigat minnufih u jekk ikun hemm każi ta' abbuż, jittieħdu l-proċedimenti kriminali fil-Qorti.
Leg 9 PQ #9738 Sitting 159 1999-10-19 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Prezz tad-dawk u l-ilma

Question

Jista' l-Minsitru jgħid jekk sarx xi eżerċizzju mill-WSC u mill-Enemalta biex jiġi stabbilit il-prezz ta' l-ilma u tad-dawl meta l-gvern ineħħi s-sussidju? Jekk iva, kemm huwa maħsub li jkun il-prezz il-ġdid?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-uniku eżerċizzju dwar il-prezz ta' l-ilma u tad-dawl, li sar taħt din l-amministrazzjoni, kien dak li wassal għad-definizzjoni ta' tariffi ġodda li wasslu għar-roħs sinifikattiv fil-prezz ta' dawn is-servizzi. Mhux previst li, fil-futur qarib, ikun hemm tibdiliet oħra f'dawn it-tariffi. Il-mira attwali tal-Gvern hija li tiżdied l-effiċjenza fil-produzzjoni kemm tal-ilma kif ukoll ta' l-elettriku sabiex eventwalment jispiċċa il-bżonn ta' kwalunkwe forma ta' sussidju ta' dawn is-servizzi, mill-gvern.
Leg 9 PQ #10429 Sitting 159 1999-10-19 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Gozo Channel — Maltin li jaħdmu Għawdex

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 10239, jista' l-Ministru jgħid x'se jagħmel il-Gvern Nazzjonalista issa ġaladarba jinsab fil-poter hu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-Kumpanija Gozo Channel qed tikkunsidra li tintroduċi l-Frequent Traveller Fares meta tiġi ntrodotta s-sistema ta' l-Automated Ticketing. Permess ta' din is-sistema ser jibbenefikaw dawk il-persuni kollha li jaqsmu fuq bażi regolari minn u lejn Għawdex. Huwa l-ħsieb tal-Kumpanija li din is-sistema tibda titħaddem fi żmien mhux il-bogħod.
Leg 9 PQ #10451 Sitting 159 1999-10-19 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Kontijiet

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 10269?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qiegħda fil-proċess biex jibdew jinħarġu l-kontijiet għall-perjodu Awissu sa Diċembru 1998. Kien hemm każi fejn inħarġu kontijiet relattivi għall-perjodu msemmi fil-mistoqsija, pero' dan sar fuq talba speċifika tal-konsumatur.
Leg 9 PQ #10452 Sitting 159 1999-10-19 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Fabbriki tat-tessuti

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 10271?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata minħabba d-dispożizzjonijiet dwar kunfidenzjalita' ta' informazzjoni li hemm kontemplati fl-Att dwar l-Iżvilupp Industrijali.

Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija — Energy policy

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslet l-Energy Policy li kellha titħejja mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija flimkien mal-Korporazzjoni Enemalta?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li x-xogħol biex titfassal energy policy mill-Kunisll Malti tax-Xjenza u Teknoloġija flimkien mal-Korporazzjoni Enemalta għadu għaddej u għalhekk huwa prematur biex wieħed jagħti dettalji.

Solar water heaters

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 5382 dwar l-użu tas-solar heaters, peress li l-Ministru qal li l-kwestjoni ta' tassazzjoni fuq dan it-tip ta' apparat qed tiġi studjata, jista' l-Ministru jgħid fejn wasal l-istudju?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija numru 10515.