Il-beach concessions li ġġeddidilhom il-permess fl-aħħar snin, ingħataw permess ikunu b'żewġ sulari? Dawk li se jinħarġilhom il-permess fiż-żmien li ġej u għandhom sular wieħed se jkunu mċaħħdin milli jistgħu jibnu t-tieni sular?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-art fejn hemm il-Beach Establishments kienet ingħatat taħt titolu ta` ċens temporanju ta` 25 sena. Iċ-ċenswalisti bnew l-Establishment huma wara li otjenew il-permessi meħtieġa skond il-liġi. Illum li skada ċ-ċens, il-proprjeta` tal-Gvern qegħda terġa` tiġi offerta li tingħata b`enfitewsi permezz ta` sejħa għall-offerti.
Rabat — Residenti tad-djar ta' Għar Barka - kuntratti uffiċjali
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jsiru l-kuntratti uffiċjali bejn ir-residenti tad-djar ta' Għar Barka fir-Rabat u l-awtoritajiet kompetenti fid-dawl li dawn ilhom fuq konvenju għal aktar minn 20 sena?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa` ġie spjegat fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 995 fis-Seduta Nru. 31 tat-23 ta` Settembru 2003, il-kuntratt uffiċjali bejn ir-residenti tad-djar ta` Għar Barka u l-awtoritajiet kompetenti ikunu jistgħu isiru malli t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern ikollha l-fondi meħtieġa biex il-Gvern isir sid assolut tal-art.
Dipartiment ta' l-artijiet — Applikazzjoni għall-bini ta' pompa tal-petrol fil-Mellieħa
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex wasal il-proċess deċiżjonali tad-dipartiment ta' l-artijiet dwar l-art li fuqha hemm applikazzjoni biex tinbena pompa tal-petrol fil-Mellieħa f'post ikkontestat mill-kunsill lokali, mill-għaqdiet sportivi u mir-residenti ta' l-inħawi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Artijiet qiegħed jikkonsidera li joħroġ sejħa għall-offerti għall-għotja tal-art in kwistjoni wara li l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ħarġet permess biex din l-art tkun żviluppata bħala pompa tal-petrol.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-ambaxxata tagħna f'The Hague ġiet mgħarrfa mill-enlargement project team tal-Europol li kien hemm nuqqas ta' progress min-naħa Maltija għas-sħubija tagħna fil-Europol, tant li jidher li konna l-uniku acceding country li m'għandux joint liaison officer f'The Hague u li Malta mhijiex qed tlaħħaq mal-workshops kollha li qed ikun hemm għax qed tibgħat rappreżentant wieħed biss għar-regional Europol meetings?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li f`dan l-istadju għad mhux rikjest li jkun hemm liaison officer dwar il-Europol f'The Hague. Għandu jingħad illi fl-ewwel ġimgħa ta' April ta' din is-sena, Malta iffirminat l-ftehim mal-Europol u qed isiru l-arranġamenti meħtieġa sabiex ikun assenjat liaison officer f'The Hague. Madankollu l-koperazzjoni mal-Europol hija kontinwa bejn iż-żewġ naħat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara għaliex eżatt quddiem il-gabbana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, inżebagħ double line b'detriment qawwi għan-negozju tiegħu?
Response (BORG, TONIO)
Peress li l-Port ta` l-Imġarr, Għawdex, jaqa' fil-kompetenza tal-Awtorita' Marittima ta' Malta, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru responsabbli.
Ministeru tal-Ġustizzja u Intern — Kiri ta' vetturi
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa għall-kirjiet ta' karozzi, vannijiet u vetturi oħra matul Jannar u Frar ta' din is-sena tal-ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtu? Kemm kienet l-istess nefqa s-sena l-oħra, 2003?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kunsilli lokali — Użu mill-faċilitajiet ta' l-iskejjel
Question
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-Kunsilli Lokali li qed jagħmlu użu mill-faċilitajiet ta' l-iskejjel tal-lokalità tagħhom wara l-ħinijiet ta' l-iskola u jekk dan isirx taħt xi forma ta' ftehim, eċċ.? Jekk fl-affermattiv, jista' iqiegħed kopja tagħhom fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara riċerka li għamel id-Dipartiment tal-Gvern Lokali fuq kemm huma dawk il-Kunsilli Lokali li qed jagħmlu użu mill-faċilitajiet ta' l-iskejjel tal-lokalitajiet tagħhom, ninsab infurmat illi t-tagħrif hu kif jidher fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Pulizija — Persuna taħdem fir-residenza tagħha waqt il-ħin tax-xogħol
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk persuna tistax taħdem u tuża għodda fir-residenza tagħha fil-ħin tax-xogħol?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi m`hemm xejn kontra l-liġi li persuna tagħmel xogħol fid-dar tagħha, sakemm dan ma jkunx bi qligħ, li allura tkun meħtieġa liċenzja tan-negozju, kif ukoll li dan ma jkunx ta` ksur tal-kwiet pubbliku.
Dipartiment ta' l-artijiet — Kuntratti fuq postijiet residenzjali
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru kuntratti fuq postijiet residenzjali li ġew f'idejn il-gvern b'riżultat tal-ftehim ta' l-1992 bejn l-istat ta' Malta u l-Vatikan - fidi ta' ċnus fis-snin 1999, 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004 sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Jien infurmat li n-numru ta` kuntratti ta` fidi ta` ċnus imposti fuq postijiet residenzjali li ġew f`idejn il-gvern b`riżultat tal-ftehim tas-sena 1992 bejn l-istat ta` Malta u l-Vatikan huwa kif elenkat hawn taħt:
Sena
Kuntratti ta` Fidi ta` Ċnus
1999
111
2000
146
2001
252
2002
105
2003
126
2004
53
Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonsidra li Triq San Publiju f'Burmarrad tingħata l-isem ta' Triq l-Ispiżjar Joseph Sciberras (politiku)? Jaf li hemm xewqa ġenerali mir-residenti li din it-triq tissemma għall-ispiżjar Sciberras li twieled u li llum huwa midfun fl-istess lokalita'?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skond l-Avviż Legali Nru. 176 ta` l-1995, kull proposta ta` tismija jew bdil fl-isem ta` triq trid toriġina mill-Kunsill Lokali tal-lokalita`, u għalhekk din il-proposta għandha tiġi indirizzata lill-Kunsill Lokali ikkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif saret il-komputazzjoni għall-ħlas taċ-ċens tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Jista' jgħid x'inhuma l-kriterji u l-kondizzjonijiet għar-reviżjoni ta' dan iċ-ċens?
Response (BORG, TONIO)
Jien infurmat li ċ-ċens gravanti l-proprjetajiet li l-persuna konċernata għandu, ġie rivedut a bażi tal-paga minima nazzjonali kif stipulat fil-kuntratt oriġinali tal-14 ta` Marzu 1978. B`żewġ ittri datati 14 ta` Frar u 17 ta` Frar 2004 l-enfitewta mhux biss ġie nfurmat biċ-ċens rivedut, iżda fl-istess ittra ingħata wkoll il-komputazzjoni bid-dettalji kollha.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru kuntratti f'postijiet residenzjali li ġew f'idejn il-gvern b'riżultat tal-ftehim ta' l-1992 bejn l-istat ta' Malta u l-Vatikan - xiri ta' postijiet mikrija fis-snin 1999, 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004 sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Jien infurmat li n-numru ta` kuntratti ta` xiri ta` postijiet residenzjali mikrija li ġew f`idejn il-gvern b`riżultat tal-ftehim tas-sena 1992 bejn l-istat ta` Malta u l-Vatikan huwa kif elenkat hawn taħt:
Sena
Kuntratti ta` Postijiet Mikrija
1999
55
2000
69
2001
23
2002
16
2003
18
2004
2
Persuni li ġew ikundaati ħabs fuq reati konnessi mal-VAT
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm nies li ġew ikkundannati ħabs fuq reati konċernati mal-VAT, bejn l-1 ta' Ottubru 2003 u d-29 ta' Marzu 2004?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-perijodu indikat ħadd ma kien ikkundannat ħabs fuq reati konċernati mal-V.A.T. mill-Qorti. Kien hemm xi każijiet ta' multi imposti li wara żmien twil li ma tħallsux ġew konvertiti f'piena karċerarja.
Għawdex — Qorti tal-Familja - seduti ta' medjazzjoni
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4969, peress li l-Ministru fir-risposta tiegħu kkonferma li l-laqgħat tal-medjaturi tal-proċeduri f'Għawdex għandhom isiru dejjem Għawdex, jista' il-Viċi Prim Ministru allura jara għalfejn l-Għawdxin qed jintalbu jmorru għas-seduti Malta u jara li jingħataw direttivi lill-medjaturi f'dan is-sens?
Response (BORG, TONIO)
L-Onor. Membru hija nfurmata li l-medjaturi għandhom jagħmlu s-seduti tagħhom f'Għawdex meta l-każ jiġi ppreżentat hemm. Ordnijiet f'dan is-sens għandhom jingħataw mill-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) (Ġurisdizzjoni Superjuri) (Sezzjoni tal-Familja) billi l-medjaturi huma, ai termini tal-liġi, esperti tagħha.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew imwettqa reati matul Marzu 2004? Jista' jikklassifika r-reati? Jista' jgħid kemm ġew solvuti reati matul Marzu 2004?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub fl-ewwel u fit-tieni partijiet tal-Mistoqsija Parlamentari huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi matul Marzu 2004 kien hemm 118 persuna misjuba ħatja ta' reati kriminali.