Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk huwiex minnu li kuntrarjament għall-prattika s'issa segwita, l-istabbilimenti liċenzjati għal Casino se jingħataw permess sabiex jaħdmu wkoll fid-Duluri, Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat peress li llum il-liċenzji jinħarġu mill-Gaming Board imwaqqaf bl-Att X ta' l-1998.
16.03.99
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra liema huma dawk is-siti ta' natura storika li għaddew f'idejn il-gvern meta nxtrat il-proprjeta' tal-Knisja mill-istess gvern? Jista' l-Ministru jgħid x'policy għandu l-gvern dwar dawn iz-zoni partikolari?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 3540 u Nru. 4343.
16.03.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li l-Gvern jilleġisla dwar l-użura? Jekk iva, meta u jekk le, għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Il-Gvern bħalissa qed jiżen l-argumenti favur u kontra li l-użura isir reat kriminali. Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-użura mhix aċċettata mill-Kodiċi Ċivili u tista' ssir azzjoni għall-ħlas lura tal-interessi mħallsa oltre l-massimu stabbilit mill-liġi.
16.03.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx impjegati fid-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu li jgawdu minn allowance għad-degree jew diploma li għandhom? X'inhuma s-suġġetti li huma ċċertifikati fihom? X'inhuwa x-xogħol li qegħdin jagħmlu bħalissa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
16.03.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsiru l-kuntratti li saru fuq il-konvenji fit-2 ta' Lulju, 1982 ta' plots tal-gvern fi Triq Dorell, il-Gudja area tax-Xlejli?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-plots li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant għad ma jistgħux jiġu trasferiti lill-Awtorita' tad-Djar qabel ma jiġu finalizzati l-kuntratti għall-akkwist ta' l-istess art mill-Gvern.
15.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilhom li ġew maħtura l-membri l-ġodda tal-bord ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Liema kienu l-applikazzjonijiet għal xi tip ta' żvilupp li ġew ippreżentati għall-konsiderazzjoni ta' din l-Awtorita', sew min-naħa tal-Kummissjoni għall-Kontroll ta' l-Iżvilupp kif ukoll minn sorsi oħra? F'liema data rispettivament kull waħda minn dawn l-applikazzjonijiet ġiet imressqa quddiem l-istess bord u liema minn dawn, każ b'każ rispettivament, għadhom pendenti għal xi raġuni jew oħra? Jekk jirriżulta li hemm każi pendenti, kif jista' jiġi jew qed jiġi ġġustifkat dan id-dewmien f'kull każ rispettivament?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-Bord ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, kif inhu kompost illum, inħatar fl-1 ta' Novembru, 1998.
Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
15.03.99
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra b'kemm hemm kirjiet u ċnus mogħtija mil-Lands Department lill-pubbliku in ġenerali li huma 'l fuq minn ħames mitt lira (Lm500) iżda li ma jaqbżux l-elfejn lira (Lm2000) bħala ħlas fis-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' kirjiet u ċnus mogħtija mill-Lands Department lill-pubbliku in ġenerali li huma l'fuq minn Lm500 iżda li ma jaqbżux l-Lm2,000 hu ta' 586.
15.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru u ntlaqgħu talbiet (separatament) mill-1994 sa l-1998, sena b'sena, biex negozji jbiddlu l-ġeneru tan-negozju tagħhom fil-liċenzji tal-pulizija? Jista' l-Ministru jelenka l-proċedura meħtieġa ta' tali każijiet? Kemm tieħu żmien bħala average talba simili biex tintlaqa'?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' applikazzjonijiet għal-bdil tal-genere ta' negozju fil-liċenzja maħruġa mill-Pulizija, li saru fis-snin 1994, 1995, 1996, 1997, u 1998, kien ta' 54, 73, 57, 73 u 62 rispettivament, filwaqt li fl-istess snin, in-numru ta' applikazzjonijiet milqugħa kien ta' 51, 40, 39, 46 u 48 rispettivament.
Ninsab infurmat ukoll illi biex isir bdil fil-genere ta' liċenzja ta' negozju trid timtela applikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Liċenzji, fid-Depot tal-Pulizija, il-Furjana. Ma l-applikazzjoni jridu jiġu ppreżentati l-kopja ta' liċenzja jew liċenzji eżistenti, flimkien ma' l-irċevuta ta' ħlas valida għas-sena kurrenti li fiha jintalab il-bdil tal-genere ta' negozju, kif ukoll 'clearance' jew permess mill-Awtorita` ta' l-Ippjanar u dokumenti oħra skond il-genere tal-liċenzja. L-applikazzjoni mbagħad tiġi riferuta lid-Dipartimenti konċernati skond il-genere tal-liċenzja. Wara li l-applikazzjoni tkun ġiet ikklerjata (no objections) mid-Dipartimenti, din tintbagħat fid-Distrett tal-Pulizija tal-lokal biex tinħareġ il-liċenzja.
Qabel ma jsir it-trasferiment jista' jkun il-każ li jkun meħtieġ li jintalab il-kunsens tal-ġirien li joqgħodu f'distanza ta' għoxrin (20) metru mill-post tan-negozju. Jekk ikun hemm oġġezzjonijiet mill-ġirien, l-applikazzjoni tiġi referuta lill-Bord tal-Pariri dwar Liċenzji tal-Pulizija u f'dan il-każ l-ipproċessar ta' l-applikazzjoni jitwaqqaf sakemm il-Bord jisma' l-ilmenti u jagħti l-pariri tiegħu. Fil-każ li l-Bord ikun tal-parir li l-liċenzja ma tingħatax, l-applikant jista' jagħmel appell quddiem it-Tribunal ta' l-Appelli dwar Liċenzji tal-Pulizija.
Għalhekk l-Onorevoli Interpellant jifhem li mhux possibli li jingħata żmien definit li jittieħed biex isir trasferiment ta' liċenzja ta' negozju.
15.03.99
Jista' l-Ministru jpoġġi kopja tal-kuntratti, konvenju jew pjanti relattivi fuq il-Mejda tal-Kamra, li qed jiġu mħejjija bejn il-konsorzju u l-Gvern fuq l-art li tinsab fil-Birgu?
Response (BORG, TONIO)
Il-proġett li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellanti jaqa' taħt il-Ministeru għall-Ambjent u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
15.03.99
Proprjeta' tal-Gvern — Kiri minn Membri Parlamentari
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-Membri ta' din il-Kamra li f'isimhom jew f'isem ir-raġel jew il-mara tagħhom jew f'isem it-tfal jew permezz ta' kumpannija kontrollata minnhom qegħdin jikru proprjeta' mingħand il-Gvern jew mingħand aġenziji jew kumpanniji tal-Gvern? Jista' l-Ministru jipprovdi lista ta' din il-proprjeta'?
Jista' l-Ministru jinformana meta hemm il-ħsieb li jingħataw in-numri lil bibien fid-diversi toroq ta' Ħal Qormi, partikolarment Triq il-Proża?
Response (BORG, TONIO)
Is-suġġett tal-Mistoqsija jaqa' taħt il-Ministeru għall-Ambjent u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
15.03.99
Jista' l-Ministru jgħid xi tkun ir-raġuni li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar idumu ħafna sabiex jagħtu risposta lil xi kunsill lokali u dan anke fid-dawl tat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 5023?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li normalment l-Awtorita' tal-Ippjanar ma ddumx ma tagħti tweġiba.
Għar-rigward tar-referenza magħmula għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5023, ninsab infurmat li l-aħħar korrispondenza dwar il-każ kienet ittra mill-Kunsill bid-data ta' 21 ta' Awissu, 1998, li t-tweġiba għaliha ngħatat fl-1 ta' Settembru, 1998. Mat-tweġiba ntbagħat ukoll kopja tal-permess bil-kundizzjonijiet imposti maħruġ mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar fis-27 ta' Lulju 1998. Il-faċċata ta' Villa De Fremaux m'għandiex titwaqqa'.
15.03.99
Jista' l-Ministru jgħid bħala informazzjoni fiex tinsab l-applikazzjoni numru PA 5111/95?
Veru li l-permess li kien inħarreġ inżamm? Jekk hu hekk, x'inhi r-raġuni li x-xogħol f'dan il-post baqa' sejjer?
X'għamlet l-Awtorita' ta' l-Ippjanar sabiex tiġi osservata l-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni PA 5111/95 kienet ġiet approvata fl-24 ta' Ġunju, 1998 u l-permess inħareġ fis-27 ta' Lulju, 1998. Fil-11 ta' Awissu 1998, l-Awtorita' rċeviet Appeal Against Conditions tal-permess, liema appell għadu pendenti.
Ninsab infurmat ukoll li l-permess maħruġ fl-ebda zmien ma ġie rtirat iżda nħareġ Stop Notice.
L-Awtorita' qegħda tispezzjona s-sit in kwistjoni sabiex tassigura li l-kundizzjonijiet tal-permess jiġu osservati.
15.03.99
Dipartiment ta' l-Artijiet — Allokazzjoni ta' post
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 5262 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi u ċioe' jista' jgħid lil min se jiġi allokat il-post numru 126, Archbishop Street, Valletta peress li hemm ħafna għaqdiet li jixtiequ jikruh? Tista' tittieħed deċiżjoni malajr? Jekk diġa' ġie f'arranġamenti, lil min ġie allokat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-fond li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellanti għadu ma ġiex allokat. Iċ-ċwievet għadhom f'idejn id-Dipartiment ta' l-Estate Management li qed jara kif ikun l-aħjar mod li jiddispopni minn dan il-fond.
15.03.99
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjani tal-gvern rigward l-introduzzjoni ta'cameras u tagħmir ieħor li jiġbdu r-ritratti u jirrekordjaw l-ispeed tal-karozzi magħrufa bħala CCTV biex ikun hawn kontroll u sewqan aħjar fit-toroq?
Jista' l-Ministru jwieġeb din il-mistoqsija li hija ripetizzjoni tal-mistoqsija parlamentari numru 5018 li għamilt lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni u li rriferini għalik?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tikkunsidra attivament ix-xiri ta' l-apparat li rrefera għalih l-Onor. Interpellant wara li l-vot kapitali tal-Pulizija għas-sena kurrenti żdied bi 40% fl-aħħar Budget.
15.03.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern huwiex qed jikkonsidra maħfra jew amnestija lill-ħabsin mal-bdil tal-President u mal-wasla tas-sena 2000? Jekk iva, min se jgawdi minn din il-maħfra jew amnestija?
Fid-dawl ta' rapport li deher f'gazzetta lokali li tiraturi Maltin ġew magħżula biex jieħdu sehem f'kompetizzjoni barra minn Malta fuq dan l-isport, jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ranges għal air gun shooting liċenzjati llum? Meta nħareġ il-permess? X'tip ta' permess irid ikollhom it-tiraturi biex jisparaw ġo dawn ir-ranges? Kemm hawn persuni li għandhom il-permess meħtieġ? Meta bdew jinħarġu l-permessi to fire an air gun? Kemm hi l-liċenzja?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li s'issa m'hawn ebda 'air weapons shooting range' liċenzjata.
Ninsab infurmat ukoll li kemm il-kwistjoni tal-liċenzji ta' dawn it-tip ta' 'ranges' kif ukoll dawk dwar l-armi użati f'dan it-tip ta' sport qed jiġu kkunsidrati minn kumitat maħtur apposta biex jikkunsidra r-reviżjoni ta' l-Ordinanza dwar l-Armi.
15.03.99
Fid-dawl tad-deċiżjoni meħuda mill-Qrati Maltin dan l-aħħar fejn persuna li twieldet bħala tifel, issa li għamlet l-operazzjoni neċessarja u fiżikament, mill-apparenza, minn barra, saret mara, ġiet mogħtija l-permess biex tibdel isimha għal wieħed femminili u anke l-ID Card tgħid illi hija mara, jista' l-Ministru jgħid jekk din il-persuna jew xi ħadd simili issa titlob lill-gvern biex jitħalla jiżżewweġ hawn Malta, xi tkun il-pożizzjoni tal-gvern?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tieni parti tat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5083 f'Seduta 71.
15.03.99
Jista' l-Ministru jara li ma jsirx parking bl-addoċċ fi Triq id-Dejma ġewwa Ħal Tarxien? Jista' jintlaqa' s-suġġeriment li jsir parking fuq naħa waħda biss tat-triq?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija tad-Distrett qed tieħu passi biex ma jitħallix isir parking bl-addoċċ fit-triq imsemmija pero' għaddejt l-ilment lill-Pulizija. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi s-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant ser ikun riferut lill-Bord tal-Kontroll tat-Traffiku.
15.03.99
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu t-tħejjijiet sabiex il-proprjeta' "Ta' l-Għarix" tal-Perit Mintoff tiġi ttrasferita lill-Gvern ta' Malta skond il-letter of intent tat-22 ta' Mejju, 1998?
Response (BORG, TONIO)
It-trasferiment isir malli jsir il-ftehim finali dwar din il-kwestjoni.
15.03.99