Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm li l-istudent li, id-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, jibda jattendi l-iskola Ġuże' D'Amato?
Għaliex qed jitħalla jdum jistenna daqstant meta s-sena skolastika ilha li bdiet u dan l-istudent qed jitlef l-edukazzjoni li għandu dritt għaliha?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li l-istudent imsemmi matul is-sena skolastika 1999/2000 kien jattendi l-iskola Ġuże` D'Amato u kien fil-Form III. Huwa għażel li jistudja t-Teknoloġija B u għalhekk fil-bidu tas-sena skolastika 2000/2001 beda jattendi l-iskola Stefano Zerafa n-Naxxar. L-istudent jidher li sab diffikulta` biex jidra fl-ambjent ta' skola ġdida u kien riferut lil 'Guidance and Counselling Service'. B'danakollu xorta baqa' jsib diffikulta` u għalhekk ġie trasferit fl-iskola Ġuże` D'Amato Paola, fit-13 ta' Ottubru 2000.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ittieħdet l-għalliema tal-Malti lill-istudenti Form V ta' l-iskola sekondarja tal-Bniet ta' Victoria, Għawdex?
Veru li ttieħdet biex tingħata lill-istudenti tal-Junior Lyceum tal-bniet ta' Victoria, Għawdex?
Jekk huwa hekk, deċiżjoni bħal din hija ġusta meta r-riżorsi jispiċċaw jmorru għand min hu aħjar mill-oħrajn?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li l-għalliema tal-Malti ta' l-istudenti Form V ta' l-Iskola Sekondarja Bniet ta' Victoria, Għawdex, ma ttiħditx biex l-istudenti jibqgħu mingħajr għalliem, iżda nbidlet. Il-bidla saret minħabba bżonn ta' ċaqliq fil-loads ta' għalliema tal-Malti u suġġetti oħrajn u biex fl-istess ħin ikunu sodisfatti l-bżonnijiet ta' l-istudenti.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol fuq il-klassijiet kollha ta' l-iskola Erin Serracino Inglott, peress li bħalissa l-istudenti suppost qed jinżammu fis-swar?
Jirriżulta li għalliema qed jirrifjutaw li jużaw dan l-ispazju proviżorju minħabba nemus u insetti oħrajn?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol li qed isir bħalissa fl-iskola sekondarja bniet Erin Serracino Inglott, Bormla, jikkonsisti fit-twaqqigħ u l-bini mill-ġdid tal-faċċata ta' wieħed mill-blokki. Il-faċċata tal-konkrit ta' l-imsemmi blokk kienet tmermret u saret perikoluża.
Wara li ngħatat l-awtorizzazzjoni mill-Ministeru tal-Finanzi, il-Kumpanija Kalaxlokk bdiet ix-xogħol fuq il-faċċata. Dan ix-xogħol kien jirrikjedi attenzjoni kbira minħabba l-periklu għall-ħaddiema infushom u għall-istudenti li kellhom il-klassijiet f'dan il-blokk.
L-Awtoritajiet skolastiċi sabu klassijiet alternattivi fil-parti antika ta' l-iskola li kienet tintuża għall-Home Economics u n-Needlework.
Ittieħdu passi dwar xi lmenti ta' nemus u t-tabib tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni saħansitra żar l-iskola u spezzjona l-klassijiet in kwestjoni u kien sodisfatt li l-ambjent kien wieħed bla problemi għas-saħħa. Dan serraħ ras l-għalliema u l-istudenti.
Ix-xogħol fuq il-faċċata mistenni li jtlesta sa Diċembru li ġej.
Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena finanzjarja, kemm inxtraw kotba għal-libreriji ta' l-iskejjel ta' l-Istat? Liema skejjel ibbenefikaw mill-għotja ta' kotba?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kull skola hija cost centre u għalhekk il-kotba ma għadhomx jinxtraw mill-iSchools Library Service bħal qabel. Kull kap ta' skola jiddeċiedi kemm irid jonfoq fuq kotba. Statistika tinġabar fl-aħħar ta' kull sena finanzjarja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm twarrbu kotba ta' l-iskola mill-iskejjel ta' l-Istat peress li ma kenux meqjusa bħala tajbin, biex jingħataw lill-istudenti matul din is-sena skolastika?
Kemm intnefqu fuq kotba ġodda biex jieħdu post dawk li twarrbu?
Dawn inxtraw b'direct order jew wara sejħa pubblika?
Min ingħata l-kuntratti? Kemm kien jiswa kull wieħed?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif miġbur qed jiġi verifikat u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni mill-5 ta' Jannar 2000 sa l-10 ta' Settembru 2000? Jekk fl-affermattiv jista' l-Ministru jgħid, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati mingħajr ma ħarġu applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għal imsemmi impjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi impjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għadd ta' ħaddiema nkluż l-għalliema fl-iskejjel kollha statali li ġew impjegati matul il-perjodu ndikat mill-Onor. Membru huwa kif se nsemmi:
GRAD NRU DATA
Teacher 3 27.04.99
Temporary Teacher 3 17.08.99
School Secretary 44 12.10.99
Part-Time Clerk 6 28.05.99 u 01.10.99
Supply Teacher 58 15.11.96 (open call)
Supply Kindergarten Assistant 108 14.09.99, 23.11.99 u 04.04.00
Casual Cleaner 45 28.05.99, 01.10.99, 12.10.99 u 18.04.00
Dawn ġew impjegati b'riżultat ta' sejħiet għal applikazzjonijiet li dehru fil-Gazzetta tal-Gvern fid-dati ndikati fl-aħħar kolonna.
Jista' l-Ministru jara li jiġu verifikati u jekk jirriżultaw veri, jittieħdu passi biex tinżammw id-dixxiplina fuq il-karozza li ġġor l-istudenti mill-Mellieħa u lura mill-iskola sekondarja tas-subien ta' l-Imtarfa peress li qed ikun hemm rapporti ta' ġlied bejn it-tfal u f'każ minnhom is-sewwieq niżżel it-tfal 'il bogħod mid-dar u kellhom ħafna x'jimxu fix-xita?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt assigurat li qed jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex l-istudenti li mhux qed iġibu ruħhom sewwa jiġu identifikati u imwissija dwar l-imġieba tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' bniet ta' l-iskola li ma attendewx skola din is-sena għax huma tqal u kemm hemm tfal jattendu l-ischool girl's mothers unit bħalissa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' tfajliet studenti li ma attendewx l-iskola bejn Jannar u Ottubru 2000 għax huma tqal huwa ta' 34.
Fil-preżent hemm 28 tfajla tqila li qed jattendu l-programm tal-Girl's Mothers Unit. Uħud minn dawn għandhom aktar minn 16-il sena.
Hemm ukoll 30 tfajla, (uħud minnhom 'l fuq minn 16-il sena li jattendu f'dan il-Unit flimkien tat-tarbija.
Informat ukoll li 20 tfajla li għalqu s-16-il sena u li kellhom tarbija baqgħu jattendu għall Counselling f'dan il-Unit.
Jista' issa l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 6966?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba għall-ewwel parti tal-Mistoqsija qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija fuq it-ticketing system, kif diġa' għidt fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 6674, it-tender qegħda tiġi evlawata.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rendikont għal din is-sena tar-rappreżentazzjonijiet li ttellgħu fit-Teatru Manoel fejn ġiet segwita r-rakkmandazzjoni ta' l-Awditur Ġenerali fir-rapport annwali 1998 li jiġi stmat kemm se jintnefaq f'kull rappreżentazzjoni u kemm fil-fatt intnefaq?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Oġġetti ta' Wirt Storiku w Kulturali
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema ministeri wieġbu s'issa għaċ-ċirkulari li ntbagħtet f'Diċembru 1999 biex jgħidu x'oġġetti ta' wirt storiku w kulturali nazzjonali hemm fil-bini tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Ministeri li wettqu listi sħaħ ta' oġġetti ta' wirt storiku fil-bini tagħhom huma l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u l-Ministeru tas-Saħħa. Ma' l-inventarji ta' dawn il-Ministeri hemm inkluż l-inventarji tad-diversi dipartimenti, sezzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu fil-kariga tagħhom.
Il-Ministeri li għamlu kuntatt mad-Dipartiment tal-Mużew bħala l-ewwel pass meħtieġ skond iċ-ċirkulari ta' Diċembru 1999 huma dawn:
* Office of the Prime Minister, Auberge de Castille
* Armed Forces of Malta, Management and Efficiency Unit,
Management & Personnel Office, EU Directorate
* Ministry for Social Policy
* Department of Housing
* Ministry for the Environment
* Works Division
* Ministry for Economic Services
* Department of Trade, Central Office of Statistics, Malta Council for Economic
Development, Department for Citizenship & Expatriate Affairs, Department
for Civil Registration
* Ministry for Agriculture
* Ministry for Gozo
Fid-29 ta' Settembru intbagħat reminder lill-bqija tal-Ministeri, Dipartimenti u entitajiet oħra dwar l-obbligu tagħhom li jsegwu l-istruzzjonijiet taċ-ċirkulari ta' Diċembru 1999.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mill-5 ta' Jannar, 2000 sal-10 ta' Settembru, 2000 lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Kultura? Jista' jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħidjekk hux il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mill-5 ta' Jannar, 2000 sal-10 ta' Settembru, 2000 lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Mużewijiet? Jista' jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħidjekk hux il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bejn il-5 ta' Jannar 2000 u l-10 ta' Settembru 2000 ingħata trasferiment wieħed fuq talba tal-persuna trasferita nnifisha. Ma hemm l-ebda ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qrib
Issa li ilha x-xhur tistenna risposta dwar il-każ tagħha, jista' l-Institute of Health Care iwieġeb lil persuna li isimha qed jintbagħat separatament dwar il-futur tagħha fil-kors li qed issegwi?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li qed nivverifika t-tagħrif li ġejt mogħti, nagħti tweġiba f'xi Seduta oħra mill-aktar fis.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kellna studenti li applikaw biex jattendu xi instituzzjoni post-sekondarja matul is-sena 2000-2001 f'Malta u f'Għawdex?
Kemm kellna minn dawn l-istudenti li kienu eliġibbli jattendu?
Kemm ġew aċċettati u kif intagħżlu f'kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li l-istatistika definittiva għad tird tinġabar, preliminarjamet ġejt informat li n-numru ta' studenti li applikaw u li huma eliġibbli biex jattendu xi istituzzjoni post-sekondarja li taqa' taħt ir-responsabbilta` tad-Dipartiment ta' l-Istudji Għola u Edukazzjoni Adulta, f'Ottubru 2000-2001 kien 2944. Setgħu jiġu aċċettati 2473 u dawn intgħażlu skond il-kriterji ippubblikati f'paġna 13 u 14 fil-Prospectus li ntbagħat lill-istudenti kollha li f'Lulju spiċċaw l-iskola sekondarja.
Minħabba li s-sitwazzjoni f'dawn l-ewwel ġimħat tkun għadha fluwida għadha ma nġabritx l-istatistika ta' studenti li qegħdin jattendu l-Junior College jew xi Sixth Form Privat jew immexxi minn Skola tal-Knisja.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi studenti li qed jattendu l-Iskola Salvatore Dimech ta' Tarġa Gap li ġew mgħarrfa li mhux se jkomplu l-kors għax m'għandhomx il-kwalifiki meħtieġa? Kemm studenti? Liema kwalifiki ntalbu? Hemm xi studenti barranin li qed jattendu f'din l-iskola? Kemm qed iħalsu? B'liema kwalifiki daħlu dawn l-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma kien hemm ebda student li jattendi l-iskola Salvatore Dimech ta' Tarġa Gap li ma setax ikompli l-kors minħabba nuqqas ta' kwalifiki stabbiliti.
L-istudenti kollha komplew jew setgħu jkomplu t-Technology Education Foundation Course (l-ekwivalenti ta' Forms 4 u 5).
Il-problema m'hijiex minħabba kwalifiki iżda minħabba n-numru ta' sponsorships li tista' tipprovdi l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ fi ħdan l-iskema ta' l-apprendistat ESTS. L-Onor. Membru jaf li f'dan l-istadju l-iskemi ta' l-apprendistat huma effetwati mid-domanda għas-sengħa partikolari fis-suq tax-xogħol. Minħabba nuqqas ta' sponsorships fuq postijiet tax-xogħol il-Bord ta' l-Apprendistat ta' l-ETC setgħu jaċċettaw numru limitat bl-aħjar kwalifiki. F'din iċ-ċirkostanza kien hemm 44 student li ma nstabilhomx sponsorship biex setgħu jidħlu fl-iskema ta' l-apprendistat ta' l-ESTS. Il-kwalifiki minimi għad-dħul f'din l-iskema huma: Ċertifikat b'suċċess tal-Foundation Course, jew "O" Level fit-Technical Design u/jew Arti.
Informat ukoll li studenti barranin li qed jattendu f'din l-iskola hemm:
Foundation 1st Year - 1
ESTS 1st Year - 3
ESTS 2nd Year - 2
L-istudenti barranin jiġu aċċettati jekk ikun hemm post fil-klassi u jissodisfaw il-kwalifiki meħtieġa, u wara li jħallsu l-miżata stabbilita ta' Lm240 fis-sena.
Kif diġa' tħabbar, qed tiġi mplimentata riforma fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali f'dan is-settur li bil-fors ser iġġib magħha tifsila ġdida sew ta' dawn il-korsijiet (b'mod li sa fejn jagħmel sens ma jkunx hemm limitazzjonijiet għal numru ta' studenti) kif ukoll ta' l-iskemi ta' l-apprendistat. Dan kollu ser isir fil-qafas tal-Kulleġġ Malti għax-Xjenza, Arti u Teknoloġija.
Jista' l-Ministru jieħu passi biex jintbagħat għalliem tal-Malti fil-Junior Lyceum Aguis de Soldanis ta' Victoria għax hemm studenti bla għalliema tal-Malti?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li l-għalliem konċernat qiegħed fuq leave minħabba mard. Tabt li jittieħdu l-proċeduri meħtieġa biex jiġi eżaminat minn Bord Mediku. Sadanittant nikkonferma l-pożizzjoni kif imfissra mill-Ministru għal Għawdex fit-tweġiba tagħha għall-Mistoqsija numru 19811.
X'passi qed jittieħdu biex l-istudenti tal-Form 1 fil-Junior Lyceum Marina Regina tal-Bjata l-Bajda jkollhom għalliema tal-matematika li ilu nieqes minn ġimgħa wara li tilfu l-għalliema li kellhom għax ittieħdu għall-Junior College?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-lezzjonijiet qed jingħataw b'mod regolari b'effett mill-bieraħ 16 ta' Ottubru 2000.
Jista' l-Ministru jgħid meta nħolqu (ġurnata, xahar, sena) l-vacancies ta' Assistent Kap ta' Skola li rispettivament intlew mill-Assistent Kap ta' l-Iskola li d-dettalji tagħhom qed jintbagħatu separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li l-vacancies ta' Assistenti Kapijiet ta' Skola inħolqu kif se nsemmi:
Zammit Temi 03.02.97 Asst. Kap li laħaq Kap ta' Skola
Grech Joseph 03.03.97 Asst. Kap li laħaq Kap ta' Skola
Said Grace 12.06.97 Asst. Kap li laħqet Kap ta' Skola
Miceli Pauline 03.02.97 Asst. Kap li laħqet Kap ta' Skola
Attard Joe 26.05.97 Asst. Kap li rtira
Saliba Carmel 11.12.97 Asst. Kap li rtira
D'Amato Carmel 18.09.97 Asst. Kap li ġie trasferit
Axiaq Philip 05.11.97 Asst. Kap li ġie seconded Junior College
Bonello Philip 05.05.98 Asst. Kap li rtira.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala għad ma' hemmx għalliem tal-Klassi Year 1 f'iskola primarja Bormla? Meta se jkun ipprovdut dan l-għalliem?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li l-għalliema oriġinarjament magħżula kienet indisposta gravement u b'effett mit-12 ta' Ottubru 2000 intbagħtet għalliema oħra.