Legislature:
Category:
Reset
Active:

Konsenja ta’ bendy buses

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5623, jista’ l-Ministru jikkonferma li dak li qal li l-ftehim biex jiżdiedu l-bendy buses sar qabel l-elezzjoni kienet biss allegazzjoni peress li mid-dokumenti li hu stess poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra jirriżulta li l-ftehim sar sena qabel, u n-numru nbidel minn 50 fil-kuntratt oriġinali għal 67, jiġifieri lanqas ma kien xi żieda fenomenali kif dejjem ipprova jagħti l-impressjoni l-Ministru, dan anke fid-dawl li hu stess qal li dan sar wara li saru diversi tibdiliet fir-rotot kemm fl-2011 u kemm fl-2012?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li fil-mistoqsija tiegħu stess qiegħed jikkonferma dak li sostnejt jiena u li fil-fatt kien hemm żieda fin-numru ta’ bendy buses. Ninfurmah ukoll li fir-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari 5623 kont diġa’ irrispondejt id-domanda, u għaldaqstant ma baqali xejn aktar x’inżid.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-lista ta’ direct orders kollha li ngħataw mill-aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mid-9 ta’ Marzu 2013 sad-9 ta’ Jannar 2014?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li d- Direct Orders kollha li ingħataw minn Transport Malta qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Ma ingħataw l-ebda Direct Orders mill- GHRC fil-perjodu msemmi. Nirreferi wkoll lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7046 fejn ġiet ippubblikata lista sħiħa ta’ Direct Orders li ingħataw mill-entitajiet u korporazzjonijiet fi ħdan il-Ministeru tiegħi bejn l-2004 u l-2013 liema informazzjoni qiegħda wkoll terġa titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Transport Malta – permessi għal billboards

Question

B'referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 6180 u 6181, jista’ l-Ministru jgħid għal liema Awtorità qed jirreferi l-Avviż Legali 368 tal-2004? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-approvazzjonijiet u oġġezzjonijiet li ħarġu minn Transport Malta fir-rigward tal-konsultazzjoni li saret magħha, kif qal l-istess Ministru fit-tweġiba parlamentari tal-mistoqsija parlamentari 6180?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li jien infurmat li l-Avviż Legali 368 tal-2004 jirreferi għall-Awtorita dwar it-Trasport li, meta tiġi mitluba pożizzjoni dwar applikazzjoni għat-tqegħid ta’ billboard, l-Awtorita’ jew toġġezzjoni jew ma toġġezzjonax għas-sit li fuqu tkun qed tiġi proposta li titqiegħed il-billboard. Skont A.L. 171 tal-1993, il-permess għall-billboard, li hekk kif definit fil-liġi huwa għal skop ta’ riklamar, irid jinħareġ mill-Awtorita’ tal-Ambjent u Ippjanar. Hemm xi eċċezzjonijiet fil-liġi relatati ma’ billboards politiċi f’A.L. 368 tal-2004 u xi eċċezzjonijiet fil-liġi relatati ma’ billboards temporanji/mhux kummerċjali f’A.L. 171 tal-1993. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jispeċifika għal-liema perjodu qed jirreferi.

Policy dwar reserved parking

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5624, jista’ l-Ministru jgħid jekk hu jaqbilx ma’ policy li tgħid li persuna b’diżabilità li tkun applikat għal reserved parking għall-bżonnijiet personali tagħha quddiem jew viċin id-dar tagħha, għandha jkollha l-ispazju riservat għaliha personalizzat biex ma jintuża minn ħadd iktar peress li jekk jużah ħaddieħor ikun intilef l-iskop tal-applikazzjoni oriġinali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li wara analiżi u studju li sar m’għandux ikun li kaxxi tal-parkeġġ għal persuni b’diżabbilità jiġu personalizzati, dan minħabba li ma timmassimmizzax l-potenzjal tal-użu ta’ tali parkeġġi fit-toroq b’mod effiċjenti u għaldaqstant fi ftit snin oħra tali sistema ta’ parkeġġi riservati tista’ ma tibqax sostenibbli. L-iskop oriġinali għal tali kaxxi riservati kien li persuna b’diżabbiltà jkollha l-kumdita li jkun hemm tali kaxxa għall-parkeġġ ta’ persuni b’diżabbiltà quddiem il-bieb tar-residenza tagħha iżda qatt ma kien hemm polza li tali kaxxi jkunu personalizzati. Meta tali kaxxi tal-parkeġġi jintużaw minn nies oħrajn, dawn ikunu wkoll persuni b’diżabbilità.

Proġett MODUS

Question

Peress li fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4684 il-Ministru aċċenna li kien hemm “dewmien fl-esekuzzjoni ta’ dan il-proġett mill-amministrazzjoni preċedenti,” jista’ l-Ministru jgħid jekk il-koordinazzjoni ta’ dan il-proġett għadhiex responsabbiltà tal-istess persuna li kienet responsabbli minnu taħt l-amministrazzjoni preċedenti, liema persuna ngħatat promozzjoni għal direttur taħt l-Amministrazzjoni preżenti wara l-elezzjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li l-koordinazzjoni ta’ dan il-proġett għadu taħt ir-responsabbiltà tal-istess persuna bħala Project Leader iżda bid-differenza li issa din il-persuna tista’ tieħu d-deċiżjonijiet tekniċi neċessarji u timxi skont il-proċeduri fil-libertà. Inżid ukoll li dan il-Gvern fehem l-importanza ta’ dan il-proġett u għalhekk inħarġu struzzjonijiet speċifiċi sabiex nies tekniċi oħra li jaħdmu fuq dan il-proġett jagħtuh prijorità assoluta.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — lista ta' varjazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti, sena b’sena (bejn l-2008 u t-8 ta' Marzu 2013), lista ta’ varjazzjonijiet kollha li ngħataw mill-Ministeru inkluż mill-aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jagħti n-natura tal-kuntratt, min ingħata dan il-kuntratt, il-valur oriġinali tal-kuntratt u l-valur finali tal-kuntratt?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba.

Kunsill Lokali tas-Siġġiewi –Triq Mons. Mikiel Azzopardi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk qatt saret xi talba min-naħa tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi lil Transport Malta għal lights fi Triq Mons. Mikiel Azzopardi, kif titla’ minn Ħaż-Żebbuġ? Jekk kien hemm talba u ġiet rifjutata, jista’ jgħid x’kienet ir-raġuni?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Transport Malta rċeviet talba minn resident għall-implimentazzjoni ta’ pelican crossing oħra fi Triq Mons. Mikiel Azzopardi. L-Awtorità infurmat lill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi rigward din it-talba u qed tistenna l-kummenti tal-kunsill sabiex tkompli tipproċessa tali talba.

Imrieħel – pedestrian crossing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni jibda x-xogħol fuq il-pedestrian crossing fil-bypass tal-Imrieħel?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li bħalissa qiegħdha tiġi ipproċessata l-applikazzjoni mill-MEPA. Wara li joħroġ il-permess, jibda il-proċess ta’ Expression of Interest.

Is-Salina – restawr tas-salini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni jitlesta x-xogħol ta’ restawr tas-salini fis-Salina? Kemm se jkun sewa dan il-proġett u kemm mill-ispiża se tkun tħallset minn fondi tal-Unjoni Ewropea?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li x-xogħol ta’ restawr tas-salini fis-Salini, sakemm ma jinqalawx problemi li mhumiex prevvisti, huwa mistenni li jitlesta sal-aħħar kwart ta’ din is-sena. Il-proġett mistenni jiswa € 6,290,707 (VAT nett) li € 4,247,528 (VAT nett) mill-ispiża hi stmata li tkun tħallset minn fondi tal-Unjoni Ewropea. Lill-Onorevoli Interpellant ninfurmah ukoll li meta dħalt responsabbli jiena, sibt sitwazzjoni fejn kien hemm periklu li jintilfu fondi biex jiġi iffinanzjat dan il-proġett. Madankollu saru u għadhom qed isiru sforzi sabiex ma jkunx hemm telf ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea għall-proġett tar-restawr tas-salini fis-Salina.

Is-Salina – restawr tas-salini

Question

Jista’ l-Ministru jghid jekk hux se jintilfu fondi tal-Unjoni Ewropea għall-proġett tar-restawr tas-salini fis-Salina?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 7147.

Is-Salina – restawr tas-salini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux jikkunsidra li s-salini restawrati fis-Salina jitħaddmu minn koperattiva jew formazzjoni simili tal-produtturi tal-melħ f’pajjiżna?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed jikkonsidra x’inhuma l-aħjar alternattivi sabiex jitħaddmu s-salini restawrati fis-Salina.

Transport Malta — rigali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk iċ-chairman, is-CEO jew persuni mit-top management ta’ Transport Malta rċivewx rigali mingħand il-ħaddiema tal-awtorità fl-aħħar sitt ġimgħat u jekk iva x’kienu r-rigali aċċettati?

Response (MIZZI, JOE)

Nikkonferma li persuni mit-top management (Chairman / CEO u Chief Officers) ta’ Transport Malta rċivew rigali mingħand il-ħaddiema tal-awtorità kemm fl-aħħar sitt ġimgħat kif ukoll fil-leġislatura l-oħra għal dan l-istess perijodu.

Is-Siġġiewi – Triq Għajn il-Kbira — patching

Question

Jista’ l-Ministru jara li tittieħed azzjoni sabiex jinqata’ l-ħaxix ħażin u jsir xogħol ta’ patching fi triq Għajn il-Kbira, limiti tas-Siġġiewi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żona imsemmija hija fir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali Siggiewi. Fir-rigward ta' patching dan hu responsabbiltà tal-imsemmi Kunsill Lokali. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat. Minn naħa l-oħra se jsir ko-ordinament bejn il-Customer Care Unit fi ħdan id-Direttorat għat-Tindif u l-istess Kunsill Lokali sabiex isir ix-xogħol ta’ qtugħ ta’ ħaxix li hemm bżonn.

Bus stops – arloġġi

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-arloġġi li hemm fil-bus stops jiġu mħaddma biex juru l-ħin it-tajjeb u jekk huma weqfin issir il-manutenzjoni li hemm bżonn?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kawża tal-maltemp li kellna riċentament kif ukoll minħabba fatturi tekniċi oħra, numru ta’ arloġġi li jinsabu f’diversi lokalitajiet madwar Malta għandhom bżonn ta’ xi manutenzjoni. Infurmat ukoll li diġà beda eżerċizzju ta’ manutenzjoni fuq dawn l-arloġġi, u li dan ix-xogħol huwa mistenni li jkun komplut fil-jiem li ġejjin. Ta’ min isemmi wkoll li tlieta minn dawn l-arloġġi se jiġu mibdula minħabba li għandhom ħsara estensiva u m’humiex fi stat li jiġu irranġati.

Ċertifikati dwar l-enerġija fil-bini

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7034 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma u issa ġiet riferuta lilu u jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ persuni li huma awtorizzati li joħorġu ċertifikati dwar l-enerġija fil-bini? Meta sar l-aħħar kors biex ikunu jistgħu jiġu akkreditati tali persuni u meta hu mistenni li jsir kors ieħor għal dan l-istess għan?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa n-numru t’assessuri reġistrati huwa ta’ 193. L-aħħar korsijiet li saru kienu fis-26/27 u 29/30 ta’ Novembru 2012. Fil-preżent l-Uffiċċju għar-Regolamentazzjoni tal-Bini qed jiddiskuti internament il-perjodu meta jkun jista’ isir kors ieħor għal dan il-għan liema deċizzjoni tkun magħmulha pubblika.

Ħaddiema tal-Cleansing Departiment – xogħol ta’ tindif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi ħaddiema tal-Cleansing Department li bejn Jannar u Frar 2013 tqabbdu mill-Partit Nazzjonalista sabiex inaddfu wara l-mass meetings organizzati mill-istess partit? Jista’ jgħid jekk dawn il-ħaddiema tħallsux l-overtime dovut lilhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi d-Direttorat għat-Tindif, kien ġie mqabbad mill-Partit Nazzjonalista sabiex isir tindif wara l-mass meetings tal-kampanja elettorali 2013. S'issa kull ma sar huwa pagament wieħed mill-istess partit, li jkopri l-ewwel mass meeting li kien sar fl-20 ta Jannar 2013. Il-pagament li sar ftit tal-ġranet ilu se jgħaddi għand il-ħaddiema fis-salarju li jmiss. Id-Direttorat qiegħed isegwi l-proċeduri tal- accounts kull xahar, sabiex jinġabru l-ammonti dovuti.

Immaniġġar tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għala qed ikun hemm sitwazzjoni xejn feliċi tal-immaniġġar tat-traffiku fin-naħa ta' isfel ta' Malta partikolarment il-Marsa ħdejn iċ-ċimiterju u l-Istamperija tal-Gvern kull filgħodu peress li qed ikun hemm konġestjonijiet mhux normali fl-inħawi ukoll ta' Ħal Qormi u Ħal Luqa? Jaf il-Ministru li t-Tlieta 25 ta’ Ġunju 2013 numru ta' studenti u għalliema waslu tard fi żmien l-eżamijiet fl-iskola sekondarja tal-bniet tal-Ħandaq minħabba t-traffiku? Peress li bħalissa normalment it-traffiku jibda jnaqqas għax l-iskejjel, inkluż istituzzjonijiet oħra bħall-Università, l-ITS u l-MCAST, waslu biex jispiċċaw, x’inhi r-raġuni li s-sitwazzjoni hi bħal ma tkun f’Ottubru meta jkunu reġgħu bdew l-iskejjel?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-traffiku ġewwa Malta kollha żdied b’ammont konsiderevoli minn Lulju tas-sena 2011 minn meta ġiet imnedija r-riforma fit-trasport pubbliku mill-gvern preċedenti, liema riforma naqset milli taqdi l-ħtiġijiet tal-poplu Malti. Minn studju tat-traffiku li sar dan l-aħħar fl-inkroċju bejn Vjal Santa Luċija u Vjal Sir Paul Boffa jirriżulta li l-konġestjonijiet tat-traffiku naqsu b’madwar terz. Dan kien possibbli bix-xogħol li sar minn dan il-gvern billi nfetħet it-triq li tgħaddi mill-Baċir Numru 7 li tilqa’ għat-traffiku li joriġina mill-inħawi tal-Kottonera, Xgħajra, Kalkara u partijiet minn Ħaż-Żabbar, Żejtun u Fgura u wkoll minħabba xogħol li sar fuq il-ħinijiet tat-traffic lights ta’ dan l-inkroċju. Il-konġestjonijet li qed jinħolqu ġewwa Ħal Qormi huma minħabba l-vetturi kbar tal-ex Arriva li jridu jgħaddu mir-roundabout tal-Erba’ Qaddisin sabiex jidħlu fil-Park and Ride ta’ Ħal Qormi hekk kif kien ġie ddisinjat u mibni mill-gvern preċedenti. Transport Malta ħejjiet proposta li ttejjeb kemm is-sigurta’ kif ukoll tnaqqas mill-konġestjoni fuq ir-roundabout tas-Serkin.

Is-Swieqi – zuntier – bdil ta’ pavimentar

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5864, jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx stima mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet ta' kemm jiġi jiswa dan ix-xogħol u jekk il-Ministeru għandux il-ħsieb li dan ix-xogħol jibda s-sena id-dieħla?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill- Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għal-mistoqsija parlamentari numru 5864.

Birżebbuġa – Triq Għar Dalam – speed cameras

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5865, fid-dawl ta' diversi inċidenti li sfortunatament saru f'din it-triq fejn l-aħħar wieħed kien fatali, jista’ l-Ministru jagħti prijorità għall-installazzjoni ta' speed cameras f'Triq Għar Dalam?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ser timplimenta Vehicle Activated Sign fi Triq Għar Dalam bħala miżura sabiex jiġi kkontrollat sewqan eċċessiv li jista’ jsir f’din it-triq.

Is-Swieqi – skema ta’ parkeġġ

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5863, jista’ l-Ministru jgħid meta l-Parking Management Policy ġdida se tiġi mnedija u meta se jibda u jagħlaq il-proċess ta' konsultazzjoni pubblika dwar din il-policy?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ser tidba l-proċess ta’ konsultazzjoni mal-entitajiet ikkonċernati fil-jiem li ġejjin u sussegwentament titnieda l-polza l-ġdida.