B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13138, jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq it-Tiġrija, Triq il-Qala u Triq il-Ħanaq fin-Nadur humiex ippjanati li jsiru f’din il-Leġiżlatura? Jekk iva, f’liema sena?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet fi Triq it-Tiġrija, Triq il-Qala u Triq il-Ħanaq isiru meta jkun possibli.
Għawdex — Ir-Rabat u ż-Żebbuġ - tiswijiet ta' toroq
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta se jittieħdu l-passi biex isiru t-tiswijiet meħtieġa fit-triq bejn ir-Rabat u ż-Żebbuġ Għawdex u t-triq bejn iż-Żebbuġ u l-Għasri u dan peress li fl-aħħar xhur ġraw diversi inċidenti per konsegwenza tal-istat ħażin ta' partijiet minn dawn it-toroq?
Response (REFALO, ANTON)
Jiena ninsab infurmat li ser isiru studji biex tiġi investigata n-natura tas-sottoswol in vistu tal-movimenti li hemm f’dawn it-toroq u a konklużjoni ta’ dawn l-istudji tittieħed l-azzjoni neċċesarja.
In vista ta’ dak li ntqal mill-Ministru għall-Finanzi fid-diskors tal-Baġit f’paġna 14 li ‘Se jkun hemm żieda relattiva fil-fees of office mid-dipartimenti tal-Gvern”, jista’ l-Ministru jgħid liema fees of office ta’ dipartimenti, entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħtu diġà għolew u liema huma dawk li huma mistennija li jogħlew matul is-sena 2015? F’kull każ, kemm kienet il-fee fis-sena 2014 u kemm hija issa jew se tkun wara li togħla?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab nfurmat li ma għolew l-ebda fees of office mid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex, safejn dan għandu r-responsabilità li jbiddel tali miżati.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq Sannat fis-Sannat hiex se tinbena mill-ġdid matul is-sena 2015 u dan peress li f’mistoqsijiet preċedenti kien ta informazjoni fis-sens li din se ssir fi żmien qasir peress li din hi triq arterjali li tinsab fi stat ħażin ħafna?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li x-xogħol fuq Triq Sannat hi fil-programm tal-gvern ċentrali f’din il-leġiżlatura.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex Triq it-8 ta’ Settembru fix-Xagħra Għawdex ma saritx sal-aħħar tas-sena 2014 kif kien indika fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11274? Jista’ jgħid issa meta hu mistenni li jibda x-xogħol fuq din it-tirq arterjali u meta hu mistenni jitlesta? Kemm hu mistenni li jiswa dan ix-xogħol b’kollox?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet fuq Triq it-8 ta’ Settembru qegħdin jiġu kkordinati mal-Kunsil Lokali tax-Xagħra u li x-xogħol hu mistenni jibda sa l-aħħar ta’ Jannar 2015. Jiena nfurmat ukoll li x-xogħol fuq din it-triq hu stmat li ser jiġi jiswa €411,860 li jinkludi kisi bit-tarmak ta’ Pjazza Vittorja.
Jista’ l-Ministru jgħid liema toroq arterjali fin-Nadur ġew mibnija mill-ġdid jew re-surfaced fil-leġiżlatura li għaddiet (2008-2013)? Jista’ jgħid kemm hu t-tul f’metri ta’ kull triq arterjali li saret? Jista’ jgħid mill-elezzjoni tal-2013 sal-lum kemm inbnew mill-ġdid jew ġew re-surfaced toroq arterjali fin-Nadur u kemm hu t-tul ta’ metri ta’ kull triq? Jista’ jgħid meta hu ppjanat li jsiru Triq it-Tiġrija, Triq il-Qala u triq il-Ħanaq li huma t-toroq arterjali li fadal isiru fin-Nadur?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li fil-leġislatura li għaddiet saru xogħlijiet fuq Triq ir-Ramla u Triq il-Knisja fin-Nadur b’tul ta’ madwar 1500 metru u 320 metru rispettivament u mill-elezzjoni sal-lum saret parti minn Triq it-Tiġrija b’tul ta’ 56 metri kif ukoll inbniet mill-gdid u trangat parti minn Triq Dahlet Qorrot b’tul ta’ 120 metru.
Jiena nfurmat ukoll li Triq it-Tiġrija, Triq il-Qala u Triq il-Ħenaq isiru aktar il-quddiem skont il-fondi allokati.
Ministeru għal Għawdex – uffiċjali, ħaddiema u konsulenti li telqu mis-segretarjat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid minn Marzu 2013 sal-lum, liema huma l-uffiċjali, ħaddiema u konsulenti li kienu jaħdmu fis-segretarjat tiegħu u telqu jew spiċċaw? Jista’ jagħti r-raġuni għaliex u fejn qed jaħdmu llum dawn l-istess ex uffiċjali jew konsulenti?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħaddiema li m’għadhomx jaħdmu fis-segretarjat telqu għal raġunijiet personali jew biex isegwu karriera differenti. Qed inpoġġi lista ta dawn il-ħaddiema fuq il-Mejda tal-Kamra.
Għajnsielem, in-Nadur u x-Xagħra – għajnuna għall-attivitajiet tal-Milied
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’għajnuna ngħatat fis-sena 2013 għall-attivitajiet tal-Milied f’Għajnsielem, fin-Nadur u fix-Xagħra? F’kull każ, kemm kien l-ammont li ngħata, lil liema għaqda ngħatat u għal liema attivitajiet? Jista’ jgħid x’għajnuna ngħatat jew ġiet imwiegħda u allura għad trid tingħata fis-sena 2014 għall-attivitajiet tal-Milied f’Għajnsielem, fin-Nadur u fix-Xagħra? F’kull każ, kemm kien l-ammont li ngħata, lil liema għaqda ngħata u għal liema attivitajiet?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandux xi skema partikolari biex biha jiġu mgħejjuna l-bdiewa għawdxin? Jekk iva, liema hi? Kemm qed tiswa din l-iskema?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-Ministeru għal Għawdex għandu skema li permezz tagħha bdiewa Għawdxin jistgħu japplikaw għal rifużjoni tal-biljett tal-vapur meta jaqsmu lejn Malta bil-prodotti agrikoli. Jiena nfurmat li għat-12–il xahar li spiċċaw fil-31 ta’ Ottubru 2014 kien hemm talbiet għall-għajnuna li ammontaw għal €44163.20 li qed jiġu pproċessati.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ ħaddiema Għawdxin li qed jaħdmu Malta minkejja li huma mpjegati mal-Gvern? Ma liema dipartimenti, awtorità jew korporazzjonijiet jaħdmu dawn il-ħaddiema?
Response (REFALO, ANTON)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' studenti Għawdxin li jistudjaw Malta? F'liema stituzzjonijiet edukattivi jattendu dawn l-istess studenti?
Bdiewa Għawdxin – ġarr ta’ prodotti għall-pitkalija
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ bdiewa Għawdxin li jġibu l-prodotti agrikoli tagħhom il-pitkalija f’Malta? X’tip ta’ għajnuna jingħataw dawn il-bdiewa għal dan il-ġarr ta’ prodotti?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li bejn l-1 ta’ Jannar u t-30 ta’ Novembru ta’ din is-sena kien hemm 238 bdiewa Għawdxin li ħadu prodotti agrikoli tagħhom fil-pitkalija f’Malta. Jiena nfurmat ukoll li bdiewa Għawdxin jistgħu japplikaw biex jingħataw rifużjoni tal-biljett tal-vapur meta jaqsmu bejn Malta bil-prodotti agrikoli.
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-iktar ħames ilmenti frekwenti li ġew irreġistrati fis-sistema jew sistemi li tuża mill-customer care tal-Ministeru tiegħu?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-iktar ħames ilmenti frekwenti li ġew irreġistrati fis-sistema li tuża l-customer care huma patching fit-toroq; xogħol ta’ bankini; tindif ta’ toroq; xogħol marbut mas-sinjali tat-traffiku (żebgħa, mirja u tabelli); kif ukoll żbir ta’ siġar.
Ministeru għal Għawdex — taxxi, tariffi jew miżati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu), mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu matul is-snin 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012? Jista’ jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ servizzi tal-Gvern li se togħla l-miżata tagħhom? Jista’ jgħid b’kemm se jiżdiedu?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-Ministeru għal Għawdex mhux se jgħolli l-ebda miżata tas-servizzi tal-Gvern safejn għandu r-responsabilità li jbiddel tali miżati.
Gozo Channel – sistema tal-arja kkundizzjonata fuq il-vapur
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fl-aħħar ġimgħat l-arja kkundizzjonata fuq il-vapuri tal-Gozo Channel mhux qed tinxtgħel jew jekk qed tinxtgħel mhux qed tkun effettiva? X’passi ħa l-Ministeru tiegħu biex inaqqasa l-inkonvenjent tal-Għawdxin, Maltin u turisti li jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer?
Response (REFALO, ANTON)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Internpellant hija dik li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jara li ssir bankina fi Triq Għajn Qasab, in-Nadur, quddiem iċ-ċimiterju ġdid tal-Parroċċa tan-Nadur, peress li din it-triq hija triq arterjali u taqa’ taħt ir-responsabilità tiegħu u peress li f’din il-parti tat-triq m’hemmx bankina?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li ma hux possibli li ssir bankina quddiem iċ-ċimiterju l-ġdid tal-Parroċċa tan-Nadur għaliex dan jinvolvi tneħħija ta’ parti sostanzjali mill-bankina eżistenti fuq in-naħa l-oħra tat-triq li tista’ toħloq periklu għat-traffiku. Jiena nfurmat ukoll li qed tiġi kkunsidrata alternattiva li ssir pedestrian crossing u parkeġġi riservati għall-karozza tal-mejtin u numru ta’ karozzi oħra tal-qraba waqt funerali. Dan qed isir b’konsultazzjoni mal-Parroċċa tan-Nadur.
Bini ta' pont/mina bejn Malta u Għawdex — konsultazzjoni
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 12520, għaliex ma jridx jgħid liema stakeholders Għawdxin ġew ikkonsultati mill-kumpanija Ċiniża blacklisted dwar il-pont bejn Malta u Għawdex? Dan ifisser li ma ġie kkonsultat l-ebda stakeholder minn Għawdex? Jekk inhu hekk, x’għamel bħala Ministru għal Għawdex biex issir din il-konsultazzjoni?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma għandi xejn xi nżid mar-risposta li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 12637.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 12617, jista' l-Ministru jgħid għaliex la darba fis-snin preċedent dejjem ingħatat għajnuna finanzjarja mill-Ministeru tiegħu sabiex jinżamm kors tal-Kriminoloġija fiċ-ċentru tal-Università ta’ Għawdex din is-sena din l-għajnuna ma ngħatatx biex jerġa jibda dan il-kors f’Ottubru li għadda tant li dan il-kors ma sarx Għawdex ?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li peress li n-numru ta' applikanti għal dan il-kors kien żgħir, ittieħdet id-deċiżjoni li ma jiftaħx għal din is-sena.