Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kandidati nominati għall-post ta' imħallef

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min huma t-tliet kandidati li ġew nominati mill-Gvern Malti biex jiġu kkonsidrati għall-post ta' l-avukat G. Bonello bħala imħallef fl-EHCR la jtemm il-ħatra tiegħu fi tmiem Ottubru ta' din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Immigrazzjoni llegali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex minnu li f'taħditiet quadri partiti dwar l-immigrazzjoni llegali, Malta esplorat il-possibbilta' li tospita ċentru għall-operational co-ordination f'dan il-qasam?

Response (BORG, TONIO)

Nikkonferma li saret laqgħa f'Malta liema laqgħa kienet biss waħda esplorattiva. Laqgħa oħra hija ppjanata li terġa' ssir Malta. Din it-tieni laqgħa ser issir proprju bl-iskop li kull pajjiż jesplora x'jista jkun il-kontribut partikolari tiegħu.

Għaqdiet sporitivi u kulturali — Xogħlijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm f'dawn l-aħħar sentejn ġew sponsorjati xogħlijiet għall-clubs,għaqdiet jew soċjetajiet sportivi u kulturali mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilita' tiegħu ? Jista' jgħid f'kull każ, min kienu dawn is-soċjetajiet li bbenefikaw u kemm kien l-ammont jew il-valur ta' dan ix-xogħol?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-perijodu indikat ma sarux xogħlijiet kif imsemmi mill-Onor. Interpellant.

Karozzini li jġorru t-turisti — Liċenzjati

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi nru 5073 jista l-Ministru ġentilment jgħid bejn l-1990 u l-2002 kemm kien hawn karozzini (li jġorru t-turisti) liċenzjati u mħallsa billi f'dan il-perjodu, skond it-tweġiba li ngħatajt fil-mistoqsija 5073 intqal li f'dan il-perjodu l-liċenzji kienu joħorġu mill-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli taħt forma kompjuterizzata. Infurmat ukoll illi sakemm il-liċenzji tal-karozzini kienu jinħarġu mill-Pulizija kien hemm 92 karozzin reġistrat.

Bord ta' l-Arbitraġġ — Kawżi pendenti

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid kemm hemm kawżi pendenti quddiem il-Bord ta' l-Arbitraġġ dwar Artijiet akkwistati mill-Gvern mis-sena 1987 sal-lum? Kemm minn dawk il-kawżi ġew mgħoddija lill-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) għal deċiżjoni minn dik il-Qorti: (1) rigward dewmien fil-proċeduri amministrattivi u (2) rigward dewmien fi ħlas ta' kumpens xieraq fi żmien raġonevoli? Kemm hu maħsub li jammonta globalment: (a) dak il-kumpens u; (b) kemm jammontaw l-interessi fuq l-istess kieku dawk il-pendenzi kellhom jitħallsu llum? Meta hu maħsub li l-pendenzi li għandu l-gvern mal-privat jiġu riżolti u mħallsa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat kif ġej:- Quddiem il-Bord ta' l-Arbitraġġ dwar Artijiet akkwistati mill-Gvern, mis-sena 1987 sal-lum, hemm 269 kawżi pendenti; 11 (ħdax) minn dawn il-kawżi ġew mgħoddija lill-Qorti Ċivili, Sede Kostituzzjonali, għal deċiżjoni min dik il-Qorti, li kollha jirrigwardjaw dewmien fil-ħlas ta' kumpens xieraq. In oltre 4 (erbgħa) minn dawn il-ħdax jirrigwardjaw dewmien fil-proċedura amministrattiva; Il-kumpens kif inhu stmat mid-Dipartiment tal-Artijiet jammonta għal madwar Lm558,568. Imma ma nistax ngħid kemm jista' jkun il-kumpens u l-interessi meta il-Bord ta' l-Arbitraġġ jiddeċiedi l-kawżi. L-interessi fuq l-istess kumpens jammontaw għal madwar Lm100,975. Il-Gvern qiegħed jagħmel l-isforzi tiegħu kollha biex il-ħlas għal artijiet li ġew akkwistati, jitħaffu.

Pulizija — Stallazzjoni ta' speed cameras

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Pulizija għandhiex il-poter esklussiv li tistalla speed cameras fit-toroq f'Malta u Għawdex? Tista’ xi entita’ oħra, apparti l-Pulizija, tistalla speed cameras?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-użu ta' l-speed cameras huwa regolat bir-regolament 127 tar-Regolamenti ta' l-1994 dwar il-Vetturi bil-Mutur.

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — Spejjeż fuq fuel

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża f'ċifra ta' flus tal-fuel li nefaq il-ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtu fl-ewwel tlett xhur tas-sena? Kemm hu l-ammont li tħallas minn din iċ-ċifra? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perjodu tas-sena 2003 rispettivament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pulizija — Rapporti dwar abbuż ta' tfal

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid kemm kien hemm każi rappurtati jew/u investigati mill-pulizija ta' abbuż ta' tfal mis-sena 2000 sena b'sena sa l-1 ta' April 2004? Kemm minn dawn il-każi tressqu l-qorti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej: 2000 2001 2002 2003 2004* Numru ta’ każi rrappurtati lill-Pulizija 28 12 19 26 10 Numru ta’ persuni mressqa l-Qorti 14 11 17 26 9 *sal-31.03.04

Nies li jkunu qed jagħmlu xogħol ta' ħatt

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jindaga jekk jistax isir xi arranġament mal-kummissarju tal-pulizija biex id-delivery vans tal-kumpanniji jkunu temporanjament skużati milli jsegwu l-linji tal-parking meta qegħdin fuq xogħol tal-ħatt?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fejn huwa permess li vetturi jistgħu jieqfu sakemm jgħabbu jew iħottu f'postijiet fejn il-parkeġġ jew waqfien ta' vetturi huwa projbit, dan ikun hekk indikat fuq it-tabelli tat-traffiku fuq il-post.

Għaqdiet sportivi — donazzjonijiet finanzjarji

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm f'dawn l-aħħar sentejn ingħataw donazzjonijiet finanzjarji jew xort'oħra lill-clubs, għaqdiet jew soċjetajiet sportivi u kulturali mill-ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu? Jista' jgħid f'kull każ min kienu dawn is-soċjetajiet li bbenefikaw u kemm kien l-ammont jew il-valur ta' ammont li ngħataw?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-perijodu indikat ma sarux donazzjonijiet kif imsemmi mill-Onor. Interpellant.

Qrati — Persuni li ntbagħtu l-ħabs fuq manteniment

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm minn Ottubru 2003 sal-lum kien hemm persuni li ntbagħtu l-ħabs b'sentenza tal-qorti għax ma setgħux iwettqu l-obbligi li jmantnu l-mara li sseparaw minnha u l-familja tagħhom għax m'għandhomx dħul biżżejjed minħabba li ġew issensjati jew naqsilhom ħafna n-negozju tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Peress li l-persuni ndikati mill-Onorevoli Interpellant jitressqu quddiem il-Qorti tal-Maġistrati bħala kawżi sommarji msejħa "tad-distrett", u dan sabiex jitħaffew il-proċeduri, statistika fir-Reġistru tal-Qorti ma tinżammx. Għalhekk anqas id-dettalji rikjesti minnu fit-tieni parti ma jistgħu jingħataw.

Pulizija/ħaddiema tal-protezzjoni ċivili — Working time directive tal-UE

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'analisi sar dwar kif il-working time directive ta' l-Unjoni Ewropea se tolqot: 1) lill-pulizija; u 2) lill-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili? X'passi se jittieħdu biex il-ħaddiema f'dawn l-oqsma jaħdmu skond il-parametri ta' din id-direttiva?

Response (BORG, TONIO)

Għandu jingħad li permezz ta' Art 18 tad-Direttiva, ħaddiem jista' jagħżel li jaħdem għal aktar sigħat mill-massimu stipulat mid-Direttiva. Minkejja dan, iż-żewġ dipartimenti konċernati qegħdin kontinwament janalizzaw is-sitwazzjoni.

Gwardjani lokali — Ċitazzjonijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4411, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hi ċ-ċifra ta' flus pendenti li għandha titħallas iżda għadha ma tħallsitx mill-persuni mħarrka matul l-2003?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ċ-ċifra ta' flus pendenti, li għandha titħallas iżda għadha ma tħallsitx mill-persuni mħarrka mill-Gwardjani Lokali matul l-2003 hija ta' Lm475,555.

Gwardjani lokali — Ċitazzjonijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4336, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huma l-pagamenti pendenti li għandhom jitħallsu għaliex għadhom ma tħallsux mill-persuni mħarrka?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-pagamenti pendenti li għandhom jitħallsu lill-Kunsilli Lokali għaċ-ċitazzjonijiet li nħarġu mill-Korp tal-Pulizija u mill-wardens matul is-sena 2003 jammontaw għal Lm612,072. Infurmat ukoll illi l-valur tal-multi li ġew inflitti mill-Qorti tal-Maġistrati (Malta) dwar ċitazzjonijiet tat-traffiku matul l-2003 kien ta` Lm42,860 li minnhom s`issa tħallsu Lm18,969.

Rabat — Akkwist ta' għalqa mill-gvern f'Ta' Kola

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ħallas il-gvern għall-akkwist ta' l-għalqa f'Ta' Kola, fir-Rabat, Malta? Meta ħallashom u fuq liema bażi tħallsu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi sa issa l-gvern ħallas għal parti żgħira biss mill-għalqa magħrufa Ta` Kola fir-Rabat. Is-somma li tħallset għal parti indiviża ta` sbatax minn erbgħin parti indiviż (17/40) tal-plots 1 u 4 tal-kejl 487 metri kwadri u 1,070 metri kwadri rispettivament hija ta` mija u ħames t`elef u ħames mija u wieħed u disgħin (Lm105,591.00c) u ma` dan, is-somma ta` mija u tmienja u għoxrin elf, seba` mija u tmienja u erbgħin (Lm128,748.00) bħala danni. Il-ħlas sar fit-18 ta` Frar 2002 skond il-Kapitlu numru 88 tal-Liġijiet ta` Malta.

Rabat — Triq Gorg Borg Olivier - kontravenzjonijiet tat-traffiku

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet tat-traffiku fi Triq Gorg Borg Olivier, fir-Rabat, Malta matul dawn l-aħħar tlett snin, sena b'sena?

Response (BORG, TONIO)

Kif jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` Gvern Lokali. Billi l-funzjoni ta` infurzar ta` kontravenzjonijiet tat-traffiku ġiet delegata lill-Kunsilli Lokali, nitlob l-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali tar-Rabat. Għal dak li jirrigwardja l-Pulizija, ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika dwar it-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant.

Pulizija — Passi kontra moħqrija fuq l-annimali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid kemm ittieħdu passi mill-pulizija kontra moħqrija ta' l-annimali minn meta għaddiet il-liġi kontra l-moħqrija ta' l-annimali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn meta daħal fis-seħħ l-Att ta' l-2001 Dwar it-Trattament Xieraq ta' l-Annimali, kien hemm 46 persuna li ttellgħu l-Qorti mill-Pulizija dwar moħqrija fuq annimali.

Għawdex — Qorti tal-Familja

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4969, peress illi fil-Qorti ta' Għawdex ma jidhru li saru ebda xogħlijiet, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fejn se jsiru s-seduti tal-Qorti tal-Familja f'Għawdex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-amministrazzjoni tal-Qorti ta' Għawdex issottomettiet tliet proposti fejn jistgħu jsiru s-seduti tal-Qorti tal-Familja f'Għawdex u qed tistenna l-approvazzjoni għal waħda minnhom. Sadattant, seduti tal-Qorti tal-Familja qed isiru fil-Bini tal-Qorti stess.

Uffiċċju Konġunt — Fidi ta' ċens

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, jistax jifdi ċ-ċens li hu jħallas lill-Uffiċċju Konġunt relattiv għall-fond li hu xtara fl-20 ta' Novembru 1996 f'San Pawl il-Baħar? Id-dettalji tal-fond qed jintbagħtu separatament.

Response (BORG, TONIO)

Jien infurmat li l-Uffiċċju Konġunt qiegħed jagħmel il-verifiki neċessarji dwar iċ-ċens impost fuq l-art li fuqha huwa mibni l-fond in kwistjoni, sabiex l-ewwel ikun jista' jirrikonoxxi l-enfitewta, u mbagħad l-applikazzjoni tiegħu biex jifdi ċ-ċens.

Kunsilli lokali — Fondi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'fondi se jingħataw għas-sena 2004 il-kunsilli lokali tal-Mellieħa, Mġarr, San Pawl il-Baħar, Għargħur, Naxxar, Swieqi, Pembroke, Sliema u San Ġiljan, lokal b'lokal?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-fondi li kull Kunsill Lokali ser jingħata bħala allokazzjoni finanzjarja għas-sena 2004 - 2005 skond il-formola li tinsab fl-Għaxar Skeda ta` l-Att dwar Kunsilli Lokali.